Ħarġa mill-aktar popolari tal-Maltin ta’ erbgħin jew ħamsin sena ilu kienet
sas-sala taċ-ċinema biex wieħed jara film. Dan id-divertiment kulħadd kien
isejjaħlu t-talkies li sewwasew bdiet tintuża meta l-films bdew ikunu bil-kliem
ukoll. U l-Ħadd waranofsinhar jew filgħaxija kulħadd għat-talkies….. fejn trid
tmur?
Iċ-ċinema
L-istorja taċ-ċinema hija waħda twila u mimlija nteress. Hollywood huwa
l-post sinonimu maċ-ċinema u bosta għandhom mnejn jaħsbu li dan beda hemmhekk,
iżda din l-industrija bdiet ġewwa l-Ewropa u emegrat lejn l-Amerika minħabba
l-gwerer. L-Amerika kienet aktar stabbli u l-istabbilità tgħin f’kull qasam.
Din l-industrija ġibdet lejha bosta personaġġi li spiċċaw għamlu isem
fil-qasam taċ-ċinema. Mhux Amerikani biss imma anke Ewropej, fosthom Maltin
bħalna. Forsi l-aktar tnejn li baqgħu magħrufin kienu Joseph Calleja li ħa
sehem f’għadd sabiħ ta’ films u Oreste Chircop li jibqa’ msemmi għall-parti
tiegħu fil-film The Vagabond King.
Pajjiżna kien ukoll il-palk għal bosta films kbar. Il-ġbid tal-films
f’Malta jmur lura sas-snin għoxrin, kważi mitt sena ilu. Bosta mill-films li
nħadmu f’pajjiżna għandna mnejn lanqas qatt smajna bihom imma dawk li saru dawn
l-aħħar snin hemm minnhom li għamlu suċċess kbir. Fost films kbar li jew kollha
jew xi partijeit minnhom inġibdu Malta insibu: Shout at the Devil, The Spy Who
Loved Me, Midnight Express, li juri bosta xeni ta’ Malta tas-snin 70 kif ukoll
jidhru bosta Maltin fih, Popeye, li tiegħu għadna ngawdu s-set li kien inbena
għalih ġewwa Anchor Bay, bajja li llum ħadet l-isem ta’ Popeye, Christopher
Columbus, li fih kellu parti sewwa l-attur Malti John Suda, The Count of Monte
Cristo fejn wieħed jista’ jammira l-ġmiel ta’ ċerti nħawi ta’ pajjiżna
bħall-Birgu u l-Imdina, Munich, The Da Vinci Code, The Devil's Double, Kon-Tiki,
Assassin's Creed u bosta oħrajn. Dawn huma fost l-aktar popolari.
Swali
Minħabba li dan it-tip ta’ divertiment kien popolari, konna nsibu għadd ta’
swali taċ-ċinema imferrxin ma’ Malta kollha. Tista’ tgħid li kull belt u raħal
kellha s-sala taċ-ċinema tagħha u fejn il-post ikun kbir ġieli konna nsibu
aktar minn sala waħda. Illum dawn is-swali fl-irħula kollha spiċċaw għalhekk
jekk insemmi xi wieħed jew tnejn minnhom ma nkun qed nagħmel l-ebda reklam.
Meta konna l-iskola primarja ġieli kienu jieħduna naraw xi film. Fir-raħal
tiegħi, Ħal Qormi, kien hemm żewġ swali taċ-ċinema; Amazon u Warner. Skola
sekondarja kont immur Sant’ Agata. Hemmhekk kellna sala taċ-ċinema u kull nhar
ta’ Ġimgħa bejn il-waqfiet tad-disgħa u ta’ nofsinhar kien ikollna film. Missieri
jgħid li ġewwa Ħal Qormi qabel kien hemm sala oħra bl-isem ta’ Saint George’s,
fil-post fejn illum insibu l-Każin tal-Partit Laburista. Ommi trabbiet Birkirkara
u ġieli smajtha ssemmi xi swali taċ-ċinema li kienet tiffrekwenta meta kienet
għadha xebba; Ir-Roxy jew il-Metropole li kien eqreb tad-dar. Meta bdejna
nitfarfu, aħna wkoll bdejna mmorru naraw xi film, l-ewwel fir-raħal u mbagħad
bil-mod il-mod bdejna nidħlu sal-Belt.
Fil-Belt Valletta kien hemm numru ta’ swali u tas-Sliema l-istess. Film
ġdid l-ewwel li kien jintwera kien ikun f’xi sala l-Belt, imbagħad jibda jdur
ġimgħa ġimgħa s-swali l-oħra tal-ġżira. Kien żmien ieħor. Kien hemm żmien meta
biex issib post għall-film tal-Ħadd f’sala l-Belt, kien ikollok taqta’ biljett
it-Tlieta jew l-Erbgħa ta’ qabel. Kien żmien ieħor. Kien żmien li t-talkies
kien fl-aqwa tiegħu u kulħadd kien iħobbu. Smajt kemm-il darba li anke meta
r-Reġina Eliżabetta kienet għadha prinċipessa u kienet tkun Malta, kienet spiss
tmur tara xi film. Kienet tħobb tmur Ħal Qormi fit-Teatru Warner; dan ikkonfermah
il-fotografu Frank Attard f’intervista ma’ ġurnal lokali madwar għaxar snin
ilu.
Progress
Fis-snin tmenin bdew jidħlu l-videos fid-djar u din kienet daqqa ta’ ħarta għas-swali
taċ-ċinema. Bdejna nippreferu nikru video u noqgħodu narawh id-dar bil-kumdità
kollha. Biss minkejja l-kumdità kollha, id-dar qatt ma tista’ toffri dik
is-sensazzjoni li toffri sala tat-talkies. Iż-żgħażagħ ma baqgħux ifittxu li
jmorru jaraw film fi tmiem il-ġimgħa imma bdew imorru jiżfnu fid-discos.
It-teatru Coliseum tal-Belt kien xamm x’riedu ż-żgħażagħ u kien inbidel
f’diskoteka.
Il-progress fit-teknoloġija biddel ukoll il-mod li bih jinħadem film. Illum
sar għandna films maħdumin bil-kompjuter. Illum infetħu swali ġodda taċ-ċinema,
swali moderni u armati bl-aqwa teknoloġija. Bis-saħħa tagħhom id-drawwa tat-talkies
reġgħet bdiet, imma qatt ma laħqet il-livell li kellha nofs seklu ilum jew ftit
aktar. Illum hawn hafna aktar postijiet fejn toħroġ u tmur tiddeverti fihom.
Hu x’inhu, it-talkies iġib ħafna nostalġija għal bosta. L-ewwel ħarġa,
l-ewwel ħbieb, l-ewwel ġlieda jew l-ewwel bewsa. Min jaf?
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento