venerdì 3 novembre 2017

X’ġew jagħmlu Malta tal-FBI?

Dawn l-aħħar jiem isem Malta xxandar mal-erbat irjieħ tad-dinja. Sfortunatament ma kienx xi reklam għat-turiżmu f’pajjiżna li xandar dan l-isem imma l-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia.

Taqbel jew ma taqbilx mal-mod kif din il-ġurnalista kienet ixxandar l-aħbarijiet ma jagħmilx differenza imma kulħadd jaqbel li dan l-assassinju kien wieħed li ħasad lill- Malta u xxukkjaha. Kemm-il darba konna ngħidu li għad jagħmlulha xi ħaġa kbira, imma fil-fond ta’ qalbna naħseb li qatt ma emminna li dak li seħħ qatt seta’ jiġri f’pajjiżna, minkejja li ma kinitx l-ewwel karozza bomba f’Malta.

Imma għax il-mira kienet propju l-ġurnalista Daphne, l-effett tal-qtil kien akbar min ta’ ħaddieħor. Tant huwa minnu dan li qed ngħid li l-awtoritajiet Maltin ħasbu biex jinġiebu f’pajjiżna xi esperti barranin biex jgħinu lill-pulizija fl-istħarriġ tagħha. Żgur li ġew żewġ gruppi, esperti Olandiżi u  membri tal-FBI Amerikana.

Federal Bureau of Investigation
L-għan tal-FBI huwa dak li jipproteġi lill-Amerika u lill-poplu Amerikan. Imma minn xiex? Billi l-Istati Uniti huma potenza qawwija, huma dejjem suġġetti għal xi nkwiet li jinqala minn taħt, għalhekk l-FBI għandha l-ħidma li tipproteġi lill-pajjiż minn xi attakk terroristiku, tara li ma jkunx hemm xi missjoni ta’ spjunaġġ kontra l-pajjiż u tara li ċertu tagħrif sensittiv ma joħroġx mill-pajjiż. Illum taħdem ukoll biex tħares lill-pajjiż minn xi attakk marbut mat-teknoloġija. Billi llum it-teknoloġija tal-informatika hija l-bażi ta’ kollox, jista’ jkun hemm xi ħtif jew serq ta’ informazzjoni sensittiva u sigrieta. L-FBI tara li din il-ħaġa ma tuġrix. Xogħol ieħor tal-FBI huwa li tiġġieled il-korruzzjoni, tiġi minn fejn tiġi, tħares id-drittijiet ċivili, taħdem kontra l-kriminalità individwali u l-vjolenza u tiġġieled kull forma ta’ kriminalità organizzata.

Mhux xogħol ħafif dan tagħha imma l-membri ta’ dan il-bureau huma mħarrġin b’mod professjonali biex iwettqu l-ħidma tagħhom sewwa u kemm jista’ jkun ikollhom suċċess. Madanakollu ġieli smajna li kien hemm xi riżultati mhux daqstant pjaċevoli, ġieli rajna atti jseħħu li forsi l-FBI lanqas biss xammet x’kien qed jinħema. Mal-ħażin mhux faċli taħdem!

Minkejja xi nuqqasijiet, din l-aġenzija hija fost l-iprem fid-dinja fil-qasam tal-investigazzjonijiet, tant hu hekk li anke l-Gvern Malti talab l-għajuna tagħha fil-każ ta’ Caruana Galizia.

Aktar investigaturi
Kelli bżonn nidħol sal-Belt u għaddejt minn quddiem il-qorti. Hemm kien hemm klikek ta’ rġiel miġburin qaqoċċa qaqoċċa, kollha jitkellmu fuq l-istess suġġett, kollha kellhom l-istess agenda. Minn faċċata tiegħi nilmaħ wieħed ħabib tiegħi, ma stajtx ma nieqafx isellimlu u nkellmu. Waqafna qrib ta’ wieħed minn dawn il-gruppi ta’ investigaturi u nista’ ngħidilkom li fi ftit minuti kien solvut il-każ tal-qtil ta’ Daphne.  Mhux għax qagħdna nissemmgħulhom imma din l-investigazzjoni kienet qed issir f’nofs ta’ triq u b’kompetizzoni minn jgħajjat l-aktar. Ma tistax ma tismax, lanqas jekk trid! F’ żewġ minuti sirna nafu kollox dwar il-qtil, min huwa l-moħħ warajh, kemm ilhom jippjanaw l-assalt, kif inħadmet il-bomba, fejn tpoġġiet, kif taħdem il-bomba, għalfejn saret, x’rabta hemm ma’ każi oħrajn.  Min jaf wara li tlaqt minn hemm kemm aktar informazzjoni prezzjuża kienet svelata!

Dan huwa każ wieħed, imma ninsab ċert li ħaġa bħal din seħħet f’kull pjazza ta’ Malta, f’kull stage tal-linja, f’kull ħanut tal-merċa, il-ftit li għad fadal, fuq kull zuntier! Kemm investigaturi! Meta nisma’ diskursati bħal dawn nibda’ ngħid bejni u bejn ruħi, allura x’ġew jagħmlu l-membri tal-FBI f’Malta? Għandna daqstant għorrief, kellhom joqgħodu jintefqu daqstant flus għal investigaturi barranin?

F’kull qasam
Il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia huwa kbir ħafna; mhux każ ta’ livell nazzjonali imma wieħed li nxtered lil hinn mix-xtut ta’ pajjiżna. Għalhekk kien hemm ħtieġa ta’ esperti barranin. Iżda mhux f’dan il-każ biss jinġabru l-kumitati quddiem il-qorti u fil-pjazez Maltin biex janalizaw is-sitwazzjoni u jsolvu l-każi.

Jaħasra, ejjew ma niġbdux konklużjonijiet, ejjew ma nkunux esperti ta’ fuq il-bankina. Ghandna dritt ikollna opinjoni, għandna dritt nitkellmu bejnietna, imma li nitfgħu argument li jkun biss ipotesi u rridu nagħmluh bħala fatt huwa żball. Għax jien għandi ipotesi u inti għandek oħra, liema minnhom hija t-tajba?  Jien ngħid abjad u inti tgħid iswed, issa għandu mnejn il-verità tkun ta’ lewn ieħor għax ma jeżistux biss l-abjad u l-iswed. Ejjew ma nilgħabuhiex tad-detectives, ejjew ma nkunux aħna wkoll tal-FBI.

Ejjew nuru l-fehma tagħna imma nħallu lil min hu espert jasal għall-ġudizzju u għall-verità kollha!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 4 ta' Novembru 2017





Nessun commento:

Posta un commento