Iż-żgħażagħ tal-lum lanqas jimmaġinaw kif kienet tfulitna, aħna li għandna
xi ftit inqas jew ftit aktar minn nofs seklu. It-tfulija tagħna kienet
differenti għal kollox, ibda mil-logħob, ikel, drawwiet u ibqa’ sejjer sal-istudju.
L-iskola kellha mhux biss ħinijiet differenti iżda anke sistema ta’
tagħlim. Il-progress ma jista’ jżommu ħadd, u ħażin jekk jinżamm, u dan biddel
ukoll il-mod kif l-istudent jistudja.
L-enċiklopedija
L-aktar riferenza komuni meta bniedem ried ikun jaf xi ħaġa kienet li jmur
ifittex fuqha fl-enċiklopedija. Mhux kulħadd kellu waħda d-dar għalhekk
iż-żjajjar fil-libreriji kienu aktar frekwenti.
Ejjew nitkellmu dwar l-enċiklopedija ġenerali għaliex jeżistu enċiklopediji
speċjalizzati f’xi qasam ta’ studju. L-aktar waħda mfittxija hija dik li ġġib
l-isem Encyclopædia Britannica. Din
kienet ippubblikata l-ewwel darba bejn l-1768 u l-1771 ġewwa l-Iskozja. L-ewwel
edizzjoni kien fiha tliet volumi. Din l-enċiklopedija għadha tkun ippubblikata
sal-lum. Fl-2010 ħarġet il-15-il edizzjoni tagħha li fiha 32 volum. Jaħdmu
fuqha hemm madwar 100 editur iżda l-kontributuri tagħha jitilgħu għal aktar
minn 4,000 persuna. Mhux ta’ b’xejn li din l-enċiklopedija hija meqjusa minn
ħafna bħala l-kapolavur jew ir-reġina tal-enċiklopediji.
B’dan ma aħniex ngħidu li din l-enċiklopedija hija l-ewwel waħda li qatt
saret, xejn minn dan, sa mill-qedem kienu jiġu miktuba xi forma ta’ enċiklopediji.
Anke fil-medjuevu konna nsibu dan il-ġeneru ta’ kotba.
Illum għadna nsibu enċiklopediji ġenerali mhux tat-tip tal-Brittanica, imma
xorta l-użu tagħhom naqas. Ladarba jonqos l-użu, tonqos il-pubblikazzjoni.
Fuq l-internet
Illum minflok li dak li jkun imur jiftaħ il-volum tal-enċiklopedija biex
isib dak li jkun irid xi tagħrif dwaru, dlonk imur fuq l-internet u jfittex
hemm.
Fuq l-internet hemm enċiklopediji wkoll, fosthom il-Brittanica. Imma bħal dejjem, fuq l-internet issib kollox u għalhekk trid toqgħod attent jekk dak li
taqra jkunx veru jew falz.
Wikipedia
F’Jannar tas-sena 2001 beda l-proġett ta’ dik li llum saret waħda
mill-aktar siti elettroniċi mfittxija – il-Wikipedia. Il-ħsieb li jinġabar kemm
jista’ jkun għerf u informazzjoni minn madwar id-dinja f’post wieħed u mxerred
fuq l-internet kien ilu jberren f’xi mħuh, minkejja li l-internet kien għadu
mhux mifrux bħalma huwa llum. Ix-xewqa kienet li bniedem ikun jista’ jsib
it-tagħrif li jkollu bżonn bla ma jaħli ħafna ħin.
Il-kelma Wiki ġejja mill-kelma tal-ilsien tal-Hawaii li tfisser bil-għaġla,
bla tnikkir. Il-ħsieb tal-Wikipedia ġie mill-isem tas-servizz tal-karozzi
tal-linja li mill-ajruport ta’ Honolulu, fil-Hawaii, iwassluk direttament
f’għadd ta’ postijiet f’din il-gżira. Is-servizz iġib l-isem Wiki Wiki, għax
il-karozzi tal-linja ma jiefux qabel jaslu fid-destinazzjoni tagħhom u b’hekk
ma jsirx telf ta’ ħin. Il-kelma intennija, darbtejn tenfasizza li s-servizz
huwa veloċi. Ħasra ma hemmx dan is-servizz f’Malta wkoll!
Kibret
Wikipedia bdiet bi ftit artikli biex illum insibu miljuni ta’ kitbiet fiha.
Din l-enċiklopedija online insibuha
f’ numru kbir ta’ ilsna, fosthom bil-Malti. Dan ma jfissirx li dak kollu li nsibu
bl-Inġliż wieħed se jsibu bil-Malti wkoll. Jekk artikli bl-Ingliż hemm ftit
aktar minn ħames miljuni u nofs, dawk bil-Malti huma biss ftit eluf. Jekk
niġbru l-artikli kollha flimkien, tal-ilsna kollha, insibu li Wikipedia tiġbor
fiha aktar minn ħamsa u erbgħin miljun. F’Ottubru 2017 Wikipedia kienet
il-ħames l-aktar sit elettroniku li jżuruha nies. Dan juri żieda fuq is-sena
ta’ qabel għax fl-2016 kienet fis-sitt post.
Kemm nista’ nafdaha?
L-oriġinalità ta’ Wikipedia hija li kulħadd jista’ jikkontribwixxi fiha,
kulħadd jista’ jikteb artiklu u jimpustah fiha. Ħaġa oħra hija li kulħadd
jista’ jikkoreġi xi żball jew ineżattezza li jiltaqa’ magħha fl-enċiklopedija online. Allura meta kulħadd ikollu dan
l-aċċess bla ma rridu nibdew niddubitaw kemm hija affidabbli, kemm wieħed jista’
jserraħ rasu li dak li qed jaqra huwa s-sewwa.
Billi kulħadd jista’ jirranġa xi żball li jsib, probabbli li artiklu jkun
ħafna qrib is-sewwa. Fl-2005 il-ġurnal Nature għamel studju dwar din l-enċiklopedija
u qal li l-eżattezza tagħha tqarreb lejn dik tal-Encyclopædia Britannica.
Din l-enċiklopedija jiżdiedu fiha madwar 600 artiklu kuljum. Il-verżjoni Ngliża huwa stmat li jużawha regolarment aktar
minn tnejn u tletin miljun ruħ. Meta wieħed jara dawn iċ-ċifri bla ma jrid
iserraħ rasu li dak li qed jaqra huwa s-sewwa. Imma attent, jekk qed tikteb xi
teżi, tużax Wikipedia, mur fuq enċiklopedija oħra għax silta minn din l-enċiklopedija
tista’ ma tkunx aċċettata għax ġieli jkun hemm artikli bla ma jkollhom sors min
fejn waasal it-tagħrif.
X’bidla, x’differenza! kemm inbidel iż-żmien u kemm biddel ħweiieġ miegħu.
Ta’ qabilna qatt ma ħolmu b’dak li se jkollna aħna, sewwasew kif aħna ma nafux
x’ ser ikollhom ta’ warajna.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento