venerdì 5 febbraio 2021

Dinjità umana

 

Spiss nisimgħu min isemmi d-dinjità tal-bniedem imma għandna mnejn ma nifhmux sewwa xi jkollu f’moħħu jew f’qalbu dak li jkun meta jitkellem dwar id-dinjità. Bit-terminu “dinjità” nirreferu għall-valur intrinsiku, neċessarju, intern u naturali tal-eżistenza umana li kull bniedem, bħala persuna, għandu jkun konxju li jirrappreżenta fil-prinċipji morali tiegħu stess, u fil-ħtieġa li jżomm din id-dinjità liberament għalih innifsu u għall-oħrajn u biex jipproteġi lilu nnifsu kif ukoll lill-oħrajn minn min ma jirrispettax id-dinjità umana. Daqsxejn spejgazzjoni tqila, imma dalwaqt niftehmu tibża’ xejn!

L-essere uman

Meta ngħidu “l-essere uman” ma nkunu qed ngħidu xejn għajr “il-bniedem”. Il-bniedem huwa l-kapolavur tal-ħolqien kollu. Huwa kapolavur għax għandu r-raġuni, għandu l-intelliġenza mhux bħal ħlejjaq jew annimali oħra li għandhom biss stint. Il-bniedem wasal fejn l-ebda annimal ieħor ma wasal. Tassew li kultant (biex ma ngħidx ħafna drabi) l-għerf tal-bniedem intuża biex saret ħsara lill-bniedem stess, biss ikollna nammettu li bl-intelliġenza tiegħu wasal biex jagħmel il-meravilji. Ħalli nagħti eżempju sempliċi. In-nar huwa element qerriedi. Hekk kif ikun hemm xi nirien, l-annimali jaħarbu minnu għax jafu kemm huwa perikoluż u jista’ saħansitra jikkawżalhom il-mewt. L-essere uman, grazzi għall-intelliġenza tiegħu, uża n-nar biex isajjar l-ikel tiegħu, biex idawwal l-iljieli u biex isaħħan daru. Il-bniedem uża n-nar ukoll kontra l-għadu tiegħu. Fil-fatt nużaw il-frażi “arma tan-nar.” B’dan l-eżempju tan-nar irrid nurikom kemm verament il-bniedem huwa superjuri għal kull annimal ieħor għax l-ebda annimal ieħor ma wasal jagħmel dak li għamilna aħna l-bnedmin, bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħna u bit-tajjeb u l-ħażin kollu tal-għemejjel tagħna.

Drittijiet u dmirijiet

Il-bniedem għandu dmirijiet kif ukoll drittijiet li tagħtihomlu n-natura stess anke jekk bosta drabi xi drittijiet jiġu miċħudin minn bnedmin oħra. Dritt bażiku tal-bniedem huwa li jgħix b’mod diċenti, jgħix ħajja b’dinjità. Pereżempju l-bniedem għandu dritt għan-nutriment tiegħu. Fid-dinja hawn min qed ibati l-ġuħ. Dan jiġri mhux għax ma hawnx produzzjoni ta’ ikel biżżejjed biex kull maħluq ikollu biżżejjed ikel kuljum, imma minħabba s-sistema ħażina li adatta l-bniedem matul is-snin fejn dak li huwa b’saħtu kompla jissaħħaħ minn fuq dahar dak li huwa dgħajjaf, biex illum spiċċajna f’dinja fejn min qed imut b’mard li jġib l-ikel żejjed u min qed imut minħabba nuqqas ta’ nutriment.

Mad-drittijiet hemm ukoll id-dmirijiet. Jekk id-drittijiet hawn min lanqas bi tromba ma jarahom, l-istess nistgħu ngħidu għad-dmirijiet. Il-bniedem għandu l-obbligu li jħalli dinja abitabbli għal dawk li jiġu warajh. Imma araw ftit x’dinja qed ngħixu fiha, dinja ta’ abbuż ekoloġiku, fejn qed naraw biss sa mneħirna, l-aqwa li l-but ikompli jismen. Araw f’pajjiżna kemm bini tiela’. U dan allura progress? Nibnu bini ta’ għoxrin jew tletin sular u mbagħad issib min jorqod f’karozza jew f’garage! Ngħollu l-bini ’l fuq il fuq u qed nispiċċaw biex ħlief il-lewn tal-konkos ma narawx quddiem għajnejna. Il-bniedem, iva anke l-bniedem Malti, għandu dmir jara li ma jibqax isir dan id-delitt ambjentali. Dan huwa dmir wieħed biss; hemm oħrajn.

Ħelsien

Biex bniedem jgħix b’dinjità irid ikun ħieles. Forsi ġieli qrajtu jew rajtu xi dokumentarju dwar il-kampijiet ta’ konċentrament tan-Nażi fi żmien it-tieni gwerra dinjija. Jew tiftakru żmien l-Apartheid fl-Afrika ta’ isfel? Ma rridux ninsew il-persekuzzjoni li saret lil gruppi etniċi u politiċi fl-Uganda fi żmien id-dittatur kannibalu Idi Amin. Nistgħu nibqgħu nsemmu mhux biss stejjer ta’ pajjiżi mbegħda jew ta’ żmien twil ilu, imma ejjew nieqfu hawn. Jekk il-bniedem jiġu mċaħħad mill-ħelsien ma jifdallux dinjità għax hija l-libertà li tagħti d-dinjità lil kull bniedem.

Imma sa kemm nista’ nkun liberu? Libertà assoluta ma teżistix. Kulħadd għandu bżonn lil ħaddieħor. Ħadd ma huwa f’qagħda li jista’ jgħid li ma għandu bżonn lil ħadd. It-tabib għandu bżonn lill-marid daqs kemm il-marid għandu bżonn lit-tabib. Dik hija l-ħajja. Il-bniedem liberu ma jfissrix li jista’ jagħmel dak li jiġi f’moħħu jew dak li jrid. Illum ħafna jgħidulek li sakemm ma tagħmilx ħsara li ħaddieħor tista’ tagħmel li trid, allura ma fiha xejn li nixrob u nisker kuljum u npejjep kemm insib ħaxixa u niġbed xi linja coke. Dan huwa raġunament falz li ma jagħtix dinjità lill-bniedem. Id-dinjità tal-bniedem tidher, u tkun tabilħaqq teżisti meta dak li jkun iġib ruħu sewwa, miegħu nifsu u mal-oħrajn. Ma tistax tgħid li la ma tagħmilx ħsara lil ħaddieħor tkun qed tgħix b’mod dinjituż. Jekk tonqos lejk innifsek tkun qed tonqos lis-soċjetà kollha kemm hi u s-soċjetà jistħoqqilha d-dinjità. Id-dinjità tas-soċjetà hija dik kollettiva, tiegħek, tiegħi, ta’ dak u ta’ dik u tal-ieħor u tal-oħra lkoll flimkien.

Id-dinjità umana hija dinjità globali, dinjita ta’ kulħadd. Kull att kontra xi dinjità, tkun ta’ min tkun anke ta’ individwu, huwa att kontra l-umanità u d-dinjità umana.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  6 ta' Frar 2021



Nessun commento:

Posta un commento