venerdì 12 febbraio 2021

IT-TAMA LI M'GĦANDNIEX NITILFU

 

«It-tama hija i-ġid waħdieni li hu komuni għall-bnedmin kollha, anke għal dawk li ma għandhom xejn aktar, iżda għad għandhom it-tama.» Dan il-kliem ma għidtux jien u lanqas qalu xi bniedem li qed jgħix illum, bniedem tat-tielet millenju, iżda ntqal mill-filosfu, astronomu u matematiku Grieg Talete ta’ Mileto li kien jgħix madwar sitt sekli u nofs qabel Kristu u huwa meqjus bħala wieħed mis-seba’ għorrief tal-Greċja l-Antika li għexu bejn is-sekli VII u VI qabel Kristu.

Dan huwa kliem tabilħaqq adattat għad-dinja tal-lum. Huwa adattat għax huwa verità u ladarba wieħed jgħid xi verità din tibqa’ tgħodd għal dejjem għax kemm-il darba din tinbidel allura jkollna ngħidu li ma tkun verità xejn. Ġieli smajna b’xi għaref jew bniedem li jippretendi li huwa għaref li kellu jibla’ dak il-kliem kollu li jkun qal qabel. Dan iseħħ għax dak li jkun ħareġ minn fommu ma jkunx verità, il-verità hija waħda u ma tinbidel qatt, sewwasew kif qal Talete ta’ Mileto dwar it-tama. Il-bniedem tas-sena 2021 mimli tama li jirbaħ il-gwaj li ġie fuq id-dinja nistgħu ngħidu għal għarrieda is-sena ta’ qabel. Il-pandemija tal-Covid19 qalbet id-dinja ta’ taħt fuq, ħarbtet is-sistemi li kienu ilhom għaddejjin snin twal, ħasdet il-ħajja ta’ numru kbir ta’ bnedmin li għadu qed jikber. Imma dan il-virus xorta ma rebaħx fuq it-tama. It-tama tad-dinja hi li kemm jista’ jkun malajr nerġgħu lura lejn il-ħajja li konna ngħixu fiha sa tmiem is-sena 2019.

Aktar filosfi


La semmejt lil Talete fil-bidu, inħossni nonqos jekk ma nsemmix lill-imgħallem tal-ħassieba Aristotli. Dan il-filosfu Grieg qal li: «It-tama hija ħolma bl-għajnejn miftuħa.» Biex ngħidu kollox kien l-istoriku Grieg Dijoġene Laerzio li fil-kitba tiegħu dwar il-filosfi Griegi tal-qedem kiteb dan dwar Aristotli.

Billi t-tama hija sentiment importatni fil-programmar tal-ħajja ta’ dak li jkun, kienu bosta ħassieba oħra li tkellmu dwarha. Kollha qalu li hija ingredjent mill-aktar importanti fil-ħajja għax is-sentiment kontra tagħha huwa d-disprament li jwassal lill-bniedem fi stat perikoluż ħafna.

It-tama tidħol ukoll fil-fidi. Kull bniedem, jemmen x’jemmen, jittama li wara din il-ħajja, kemm-il darba jemmen li hemm xi tip ta’ ħajja oħra, ikun aħjar milli kien f’din id-dinja. Forsi minħabba din il-ħaġa Karl Marx jgħid li r-reliġjon hija l-opju tal-poplu, taljenah u tħallih kwiet bit-tama li xi darba ser ikun aħjar. Qisu dak il-ħmar li jorbtulu karrotta quddiem rasu biex jimxi sa ħdejha imma fil-verità ma jilħaqha qatt. Imma jekk hu hekk, ir-reliġjon biss tuża din it-tattika? Jekk naħsbu ftit nindunaw kemm hawn min ipoġġielna karrotti quddiem imneħirna.

Fidi, Tama u Mħabba

Dawn huma it-tliet virtujiet teologali imma hawn ma nixtieqx nitkellem dwar spiritwalità. Allura semmejt dawn it-tliet virtujiet għax kienu wkoll l-ismijiet tat-tliet ajruplani li bdew il-qawwa tal-ajru f’Malta matul it-tieni gwerra dinjija. Biex ngħidu d-dritt dawn kellhom in-numri tagħhom iżda gazzetta lokali jingħad li tathom dawn l-ismijiet: Faith, Hope u Charity. Minbarra l-lat reliġjuż tal-ismijiet, kienu joqgħodu sewwa għal dawk iż-żminijiet diffiċli mhux biss għal pajjiżna iżda għad-dinja kollha. Tajjeb ngħidu li l-ajruplan Gladiator bl-isem Hope inqered waqt attakk fl-4 ta’ Frar 1941, biss it-tama tal-Maltin xorta ma ġietx fix-xejn.

Hope Is the Last To Die 

Nistqarr magħkom li jiena nħobb ħafna naqra jew nara films dwar l-Olokawst, it-taġedja umana li seħħet fi żmien it-tieni gwerra dinjija minħabba ideoloġija żbaljata ta’ razza. Intant bla ma nidħol fis-suġġett innifsu nixtieq insemmi ktieb li jitratta dan iż-żmien ikrah. Miktub mill-Pollakka-Lhudija Halina Birenbaum u jitratta ħajjitha ta’ adolexxenti fil-kamp ta’ konċentrament. Il-ktieb jismu Hope is last to die. U tabilħaqq li hekk hu. It-tama hija l-aħħar li tmut. Dan l-isem ifakkarni fi ktieb ieħor li jitratta l-istess ambjent. Qed ngħid għall-ktieb La Nuit (bil-Malti: Il-Lejl) ta’ Elie Wiesel. Dan wara li għadda snin f’Auschwitz flimkien ma’ missieru, meta nħelsu baqa’ ma’ missieru minkejja li x-xiħ kien fi tmiem ħajtu. It-tama hija l-aħħar sentiment li jmut tabilħaqq.

Illum

Illum għażilt li nikteb xi ħaġa li zgur ilkoll naqblu dwarha, ix-xewqa ta’ futur aħjar, ix-xewqa li din is-sena li qed tgerbeb ġmielha, tkun aħjar mis-sena l-oħra. Jeħtieġ li ma naqtgħux qalbna, jeħtieġ li nkomplu nagħmlu s-sagrifiċċju għal ftit żmien ieħor biex nirbħu lil dan l-għadu komuni li ġie fuqna s-sena l-oħra u għadna bih quddiem wiċċna, għadu ma’ saqajna. Semmejt il-filosfi tal-Greċja antika, semmejt xi nies li kitbu l-esperjenzi tagħhom tal-gwerra. Kollha kellhom it-tama u din għenithom biex jibqgħu mexjin il quddiem.

Aħna wkoll ma għandnioex nitilfu t-tama tagħna. Ftakar li l-kuntrarju tat-tama hija d-disperazzjoni.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Frar 2021






Nessun commento:

Posta un commento