<<Kienet
is-sena 1979 u minħabba mediċina li kont qed nieħu qtajt korda vokali. Skont
it-tobba ma stajtx inkanta aktar. Iżda mort fil-grotta ta’ Massabielle u minn
qalbi għidt lil Marija: “Jien spiċċajt, għinni”. Tliet xhur wara dħalt
fil-festival ta’ Sanremo bil-kanzunetta Gelosia. Fejqan li ma jistax jiġi
spjegat lanqas mill-ispeċjalisti. U kelli grazzi oħrajn ukoll…>>
Inti
studjat fi skola Kattolika?
<<Iva, f’Ruma kont immur l-iskola primarja
fl-istitut Maria Confolonieri dei Parioli. Kont imqareb u niftakar l-għalliema
kienet tirrabja ħafna miegħi. Kienet Sor Adelberta li spiss kienet tugżani lil
ommi. Ta’ għaxar snin il-ġenituri tiegħi daħħluni fi skola tal-Gvern. Kont ġibt
10 fir-reliġjon, 9 fit-Taljan u 3 fis-somom. Kont l-istudent preferut
tal-għalliem tar-reliġjon, Patri Bellincampi.>>
Id-dar ħadt
formazzoni reliġjuża mingħand il-ġenituri?
<<Ommi kienet temmen imma missieri kien jgħid li
ma jemminx. Kien minħabba din in-nuqqas ta’ fidi tiegħu li sentejn ilu tlabt li
nitgħammed.>>
X’okkażjoni
kienet biex ħadt din id-deċiżjoni?
<<Minħabba rabta li kelli qabel (mal-ballerina
Franċiża Sophie Teckel), fl-1996 iżżewwiġt biss ċivilment lit-tieni mara tiegħi
Tracy. Sentejn ilu spiċċa kull impediment li kelli u għalhekk ingħaqadt fiż-żwieġ
quddiem il-Mulej. Biss qabel ridt li Dun Renato De Zan jgħammidni. Billi huwa
kien eżorċista staqsejtu jekk kontx persuna denja li titgħammed minħabba
l-imħabba li għandi lejn il-mużika Rock. Missieri hekk kien jaħseb tant li
riedni nagħżel isem għall-ispettaklu. Fil-verità jiena jisimni Roberto Satti.
Monsinjur De Zan weġibni: “Inti persuna tassew nadifa u tajba.” Dan il-kliem
qanqalni u wennisni u ninsab ċert li llum anke missieri minn hemm fuq huwa
kuntent bija.>>
X’rabta
għandek mal-Omm tas-Sema?
<<Rabta straordinarja. Fl-1979 kont iffissajt
fil-body building u ridt nieħu xi ħaġa biex inkabbar il-muskoli. Minn dejjem ma
kien fini xejn, ta’ għoxrin sena kont niżen biss sittin kilo. Billi nibża
mit-titqib u wieħed spiżjar ma tanix parir nittaqqab, bdejt nieħu pilloli
għall-muskoli. Dawn il-pilloli għamluli ħsara fil-kordi vokali. Darba fi tmiem
ta’ kunċert waħda minn dawn il-kordi nqatgħet. Ħalqi mtela bid-demm u ma stajtx
nitkellem. Wara bosta eżamijiet mediċi, it-tabib speċjalista wrieni ritratt
tal-korda vokali u qalli li ma kontx nista’ nkanta aktar. Qtajtha li mmur
Lourdes mal-ħabib tiegħi Tony Orsi. Niftakar li dak iż-żmien fil-grotta kien
hemm imwaħħlin ħafna krozzi u ex-voti. F’dak il-post qaddis ħassejt tqanqil
kbir, qisu xokk elettriku. Dort fuq il-Madonna u għidtilha: “Jien spiċċajt,
għinni.” Xi ħaġa ġewwa fija qaltli mmur nixrob mill-ilma u mort u xrobt kemm
flaħt. Xgħelt ukoll tliet xemgħat kbar. Ftit ftit leħni beda ġej lura. Tliet
xhur wara ħadt sehem f’Sanremo bid-diska li mbagħad saret suċċess kbir, Gelosia (1980). Sal-lum għadni nagħti
bosta kunċerti ta’ kull sena. Nemmen li kien sar miraklu. Biex inrodd ħajr
lill-Madonna mort Lourdes darbtejn oħra fl-2009 u fl-2011.>>
It-tobba
x’qalu?
<<Qalu li dan kien fejqan immedjat u bla
spjegazzjoni mil-lat xjentifiku.>>
F’ħajtek
kellek xi grazzji oħra marbutin ma’ Marija?
<<Il-Madonna dejjem iżżomm idha fuqi. Fl-2006
kont f’xifer il-mewt minħabba infezzjoni li kelli. Mort fis-santwarju ta’
Colognola ai Colli, li huwa ddedikat lill-Verġni Marija. Tlabtha ħafna u naf li
kienet Hi li salvatni. Darba oħra fl-autostrada kont involut f’inċident ikrah bejn
għaxar karozzi. Ħriġt mill-karozza qawwi u sħiħ b’miraklu grazzi
għall-protezzjoni tagħha.>>
Hemm xi
santwarji oħra li tħobb?
Ilni mhux ħażin noqgħod qrib Perdenone, marti li hija
Amerikana ta’ nisel Korean trabbiet qrib Aviano. Magħha mmur spiss fis-santwarju
ddedikat lill-Madonna ta’ Monte Marsure. Nieħdu wkoll lil missierha li
jimmeravilja ruħu bil-koppla kbira tas-santwarju u jsejħilha l-kuruna
tad-deheb.>>
Tmur
quddies spiss?
Tracy tmur
erba’ darbiet fil-ġimgħa, jiena inqas. Iżda kull meta mur nitla’ naqra. Marti
kienet Luterana, imbagħad Monsinjur De Zan fissrilha li t-twemmin tagħha kien
bħal tagħna iżda mingħajr sagramenti. Allura Tracy għamet il-mixja u
kkonvertit. Niftakar dakinhar taċ-ċerimonja, kien jum ta’ emozzjoni kbira. Dun
De Zan rani hemm, mitluf f’nofs dik il-folla u qalli: “Mur għannaq waħda lil
martek”.>>
Kif sirt
tafha lil Tracy?
<<Fl-1995 hi kienet taħdem bħala air hostess u
kienet xogħol fuq titjira li wasslitni l-Amerika. Iggustajtilha dawk it-toqob
żgħar li jidhru fuq ħaddejha. Lill-kitarrista tiegħi kotn għidtlu: “Niżżewwiġha
lil dik!” Bis-saħħa tal-pilota tal-ajruplan, Italo-Amerikan, iddubbjat in-numru
tat-telefon tagħha. Wara xahar li bdejna niltaqgħu għidtilha: “Kieku ma kontx
sitta u għoxrin sena akbar minek kont nitolbok tiżżewwiġni” u hi weġbitni: “Int
itlobni”. Il-mużiċista Maurizio Majorama u l-preżentatur Red Ronnie kien x-xhieda
tat-tieġ tiegħi. Kont nibża’ li dan iż-żwieġ ma jdumx wisq. Iżda issa ilna
erba’ u għoxrin sena ferħanin flimkien. Alla ried li seba’ snin ilu jasal ibni
Ryan. Mhux li kien twieled qabel, kieku kien ikun jista’ jwassalni hu
bil-karozza għall-kunċerti.>>
F’liema
mid-diski tiegħek tħossok qrib is-Sultana tas-Sema?
<<Una
lacrima sul viso imma anke Se piangi,
se ride, u Non c’è più niente da fare.
Meta nkantahom naħseb fiha u nroddilha ħajr għal dak kollu li għamlet miegħi.
Il-mużika hija lingwa universali li ma tistax tħawwad fiha: jekk tieħu żball
f’nota kulħadd jinduna, bil-kliem mod ieħor għax tista’ tigdeb.>>
Għandek xi
ħolma mużikali li għad trid twettaq?
<<Iva, dik li nagħmel album b’mużika Gospel bit-Taljan
ma’ xi kor kbir. Anke Elvis Presly, wieħed mill-punti ta’ riferiment mużikali
tiegħi, kien iħobb din il-mużika sagra. Snin ilu kont mort Tupelo
f’Mississippi, fejn fi ċkunitu kien joqgħod dan il-kantant f’dar ċkejkna. Għad
hemm knisja żgħira fejn ta’ tmien snin Elvis kien imur biex jisma’ l-mużika
Gospel li anke kellha effett fuq il-mużika tiegħu.>>
X’taħseb
dwar il-Papa Franġisku?
<< Jogħġobni, narah qrib tal-poplu. Fl-Arġentina
nxtraw żewġ miljuni u nofs diski tiegħi. Naħseb li sema’ bija jew sema’ xi
diska minn tiegħi. Waqt udjenza huwa semma l-kanzunetta Zingara li fl-1969 kantajtha f’Sanremo ma’ Iva Zanicchi, iżda la
semma lilha u lanqas lili. Narah bħala bniedem kuraġġuż u jersaq lejn il-folla
bla gwardji. Papa innovattiv, sewwasew dak li għandna bżonn bħalissa.>>
Xi proġetti
riċenti
<<Preżentajt il-biografija tiegħi miktuba
mill-mużiċist u preżentatur Dario Salatori, ħriġt kanzunetta ġdida ma’ Veronica
Marchi bl-isem Il garage sta andando a
fuoco u rrid noħroġ diska oħra:
Italian International vintage songs.>>
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' XK - Xandar il-Kelma - Marzu 2021
Nessun commento:
Posta un commento