venerdì 19 febbraio 2021

LUMI u l-użu differenti tiegħu

 

Fosti s-siġar taċ-ċitru l-aktar popolari nsibu s-siġra tal-lumi li l-frott tagħha jintuża f’bosta riċetti ta’ ikel kif ukoll ħelu. Interessanti li minn din il-frotta nistgħu ngħidu li ma jintrema xejn għax bosta drabi jintuża kemm il-meraq kif ukoll il-qoxra tagħha. Minkejja t-togħma aktarx qarsa tagħha, hawn min jiekol lumija donnu qed jiekol larinġa. Jien ngħid għalija nħobb din il-frotta u nikolha bil-qoxra b’kollox.

Oriġini

Ma nafux sewwasew minn fejn oriġinat is-siġra tal-lumi iżda aktarx li din kienet tinstab fl-Asja, lejn iċ-Ċina jew Burma. Aktarx li kienu r-Rumani li daħħlu din il-frotta fl-Ewropa lejn it-tieni seklu wara Kristu. Dawn bdew jikkultivaw din il-frotta fin-Nofsinhar tal-Imperu Ruman, bejn wieħed u ieħor minn Napli ’l isfel. Minn hawn inxterdet lejn il-Persja u l-Eġittu u sa elf sena wara Kristu konna nsibuha madwar il-baħar Mediterran kollu. Fis-seklu XV inbdiet l-ewwel kultivazzjoni fuq skala kbira tal-lumi. Din bdiet fil-belt Taljana ta’ Ġenova. Meta l-Ewropej qasmu l-oċean u sabu l-Amerika, ħadu magħom iż-żerriegħa tal-lumi u kabbru s-siġar ta’ din il-frotta f’dik l-art ġdida. B’hekk nistgħu ngħidu li l-lumija nxterdet mad-dinja kollha u saret frotta li ssibha kullimkien.


Tajjeb ngħidu li jeżistu diversi razez ta’ lumi. Biss biss aħna l-Maltin niddistingwu siġar tal-lumi staġjonali u dawk li nsjeħulhom “ta’ kull qamar” għax jagħmlu l-frott is-sena kollha.

L-użu

Il-lumija tintuża f’ħafna riċetti. Tintuża biex isir ħelu kif ukoll ikel ieħor. Darba kont Turin u offrewli Risotto al limone.  Billi l-lumi nħobbu aċċettajtu iżda ngħid id-dritt nippreferih fil-ħelu.  Mil-lumija sħiħa jsir il-ġamm, il-krema tal-lumi u x-xorb tal-lumi. Il-lumi jisserva wkoll mal-ħut kif ukoll mal-laħam moqli. Xi felli lumija bil-qoxra bkollox jista’ jinstab isebbaħ it-tazza ta’ xi cocktail.

Il-meraq tal-lumi jintuża biex minnu jsir xorb. Fil-fatt il-luminata propjament hija dik ix-xarba b’togħma ta’ lumi iżda bosta minna jsejħu luminata lil kull forma ta’ xorb mhux alkoħoliku. Il-meraq tal-lumi jintuża biex jiġi mamrinat il-ħut u anke l-laħam. Billi dan huwa xi ftit aċiduż, jingħad li jekk ikollok laħam xi ftit xieref, jirtab bil-meraq tal-lumi. Il-meraq tal-lumi jintuża wkoll ma’ frott li għandu t-tendenza li jiswied bħalma huma t-tuffieħ u l-banana, għalhekk meta jkun preparat dan il-frott jitħallat miegħu l-meraq tal-lumi biex jippriservah u jżommu milli jiswied. Il-meraq ġieli jitħallat bl-ilma kiesaħ u ponta ta’ kuċċarina melħ biex jagħmel xarba li tassew taqta’ l-għatx. Ma nistgħux ma nsemmux li l-meraq tal-lumi jintuża wkoll biex issir il-granita, jew is-sorbette.

Il-qoxra wkoll tintuża speċjalment fil-ħelu. Kemm-il darba nsibu riċetti li jgħidulek iżżid qoxra ta’ lumija maħkuka. Ftakru fl-għaġina tal-figolli! Il-qoxra tista’ tiġi wkoll preservata fil-melħ jew inkella ssir konfettura biż-żokkor. Mill-qoxra jittieħed ukoll iż-żejt tal-lumi li jintuża fl-aromaterapiji u jingħad li għandu effett li jirilassa lil dak li jkun.

Minbarra l-użu fil-kċina, l-lumi għadnu użu fil-mediċina minħabba l-ammont għoli ta’ vitamina ċ li fih. Il-lumi jintuża ħafna kontra l-irjieħat u ġieli nħalltuh mal-għasel.

Ma nistgħux ma nsemmux użu ieħor ta’ din il-frotta. Dan ma huwiex użu fejn jidħol l-ikel iżda għandu x’jaqsam mat-tindif. Il-lumija spiss kienet tintuża biex titnaddaf il-fidda. Tassew li din tindaf bil-lumi iżda llum bosta jsostnu li l-aċidu tal-lumi jagħmel il-ħsara lill-kisja protettiva li jkollha l-fidda u għalhekk ħafna jinsistu li ma jintużax. Aktar minn hekk bosta spapen tal-ħasil tal-platti ikollhom riħa ta’ lumi għax wara kollox ir-riħa ta’ din il-frotta hija wħada pjaċevoli.

Fi kliemna

Il-lumija daħlet ukoll fid-diskors tagħna. Isimgħu l-kummenti lejn xi tim tal-futbol tellief! Tisma’ min jgħajjat “Lumi!” Billi l-lumi jintuża mat-te għal kontra l-uġigħ ta’ żaqq, tintuża din il-kelma għat-tellief. Nużawha wkoll b’sens metaforiku meta bniedem jabbanduna bniedem ieħor wara li jkun ħa dak li ried minnu. Ġieli smajna min jgħid: “Għasarni bħal-lumija u mbagħad ramieni!”

Il-limonċell

Illum sar popolari anke f’pajjiżna x-xorb b’togħma ta’ lumi li jissejjaħ limonċell. Dan huwa xorb alkoħoliku li oriġina lejn Napli u Sorrento. Wara beda jsir ukoll fi Sqallija. Meta wieħed iżur dawn il-postijiet dlonk jinduna kemm is-siġar tal-lumi huma abbundanti u għalhekk ġie vvintat dan ix-xorb tant tajjeb. Isir billi titħalla l-qoxra tal-lumi fl-alkoħol u mbgħad jiżdied miegħu l-ilma u z-zokkor. Illum anke f’pajjiżna nsibu min jagħmel dan ix-xorb.

L-aktar pajjiż li jipproduċi lumi huwa l-Indja. Hawn kull sena jikbru fuq tliet miljun tunellata ta’ dan il-frott. Madwar id-dinja kollha kull sena jkollna madwar għoxrin miljun tunellata ta’ lumi li jintuża għall-ikel, ħelu xorb, mediċina u bosta użi oħrajn.

U ħalli nagħlaq b’qawl Malti: Tajba lumija d-dar! U tajba verament għax tista’ tkun ta’ bosta użu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In Nazzjon - 20 ta' Frar 2021 




Nessun commento:

Posta un commento