Papa Franġisku
L-ewwel intervista li saret lil Franġisku
dwar il-valuri u r-rebbieħa
“L-isport tiegħi huwa ballun taċ-ċraret”
“Meta kont tifel kont inħobb il-futbol,
imma kont nilgħab ukoll il-basketball, l-isport ta’ missieri. Biex niedu gost
kien ikun biżżejjed ballun taċ-ċraret. Jien ma kontx tajjeb, allura dejjem kienu
jpoġġuni fil-lasta. Li tkun gowler tfisser skola tal-ħajja.”
Il-Papa Franġisku wasal fil-ħin. Daħal fil-kamra tal-mistednin
fir-Residenza Santa Marta b’pass sod u b’dik it-tbissima ħelwa li
tikkaratterizzaa. Mingħajr maskra, iżomm iddistanza, iżda jurik dawk l-emozzjonijiet
u jġiegħlek tħossok id-dar. Kellimna dwar tfulitu, meta kien jilgħab il-futbol
b’ “pelota de trapo”, ballun taċ-ċraret. Kien biżżejjed biex tilgħab u
tiddeverti. Is-sintesi tal-isport “tiegħu”. Il-metafora tal-passjoni tiegħu. Qalilna
dwar l-imħabba tiegħu għall-isport, meta kein imur il-grawnd ma’ missieru biex jara
t-tim ta’ San Lorenzo. Huwa tkellem dwar Bartali u Maradona ..., imbagħad
id-diskors inbidel ħafna biex semma’ t-temi kollha tal-isport maħsub bħala
mument ta’ tkabbir, bħala mod axxetiku biex jagħti l-aħjar. Mill-kundanna
espliċita tad-doping, għall-impenn, il-ħtieġa li l-isport ikun xempju ta’ inklużjoni
kontra n-non-kultura tat-twarrib, kwistjoni li hija għal qalbu ħafna. Franġisku
wieġeb il-mistoqsijiet kollha tagħna u fl-aħħar tana l-iktar dokument dettaljat
u profond li Papa qatt kiteb dwar id-dinja tagħna. Id-dinja tal-isport.
Santità, int għidt li meta kont tifel kont
tmur il-grawnd mal-ġenituri tiegħek biex tara l-logħob tal-futbol.
"Niftakar tajjeb ħafna u bi pjaċir
meta, meta kont tifel, il-familja tiegħi kienet tmur fil-grawnd, El Gasómetro.
Niftakar, b’mod partikolari, il-kampjonat tal-1946, dak li San Lorenzo, it-tim
tiegħi, kien rebaħ. Niftakar dawk il-ġranet li qattajt nara l-plejers
tal-futbol jilagħbu u l-kuntentizza tagħna t-tfal meta morna lura d-dar:
il-ferħ, il-ferħ fuq kull wiċċ, it-tbaqbieq tad-demm Imbagħad għandi tifkira
oħra, dik tal-ballun taċ-ċraret, il-pelota de trapo |
Jorge Mario Bergoglio |
: il-ġilda kienet tiswa
wisq u aħna kollha konna fqar, il-lastiku ma kienx daqshekk komuni, imma ballun
taċ-ċraret kien biżżejjed għalina biex nieħdu gost u kważi konna nagħmlu l-mirakli,
nilagħbu fil-pjazza żgħira viċin id-dar. Bħala tifel kont nħobb il-futbol,
imma ma kontx fost l-aqwa, anzi jien kont dak li fl-Arġentina jsejħu “pata
dura”, litteralment sieq iebsa. Huwa għalhekk li dejjem ġegħluni nilgħab fil-lasti.
Imma li tkun gowler kienet skola kbira tal-ħajja għalija. Il-gowler irid ikun attent
biex jirrispondi għall-perikli li jistgħu jaslu minn kullimkien ... U lgħabt
ukoll il-basketball, jogħġobni l-basketball għax missieri kien kolonna fit-tim
tal-basketball ta’ San Lorenzo.”
L-isport huwa wkoll festa u ċelebrazzjoni.
Tip ta’ liturġija, ta’ ritwali, ta’ appartenenza. Mhux ta’ b’xejn li nitkellmu dwar “fidi sportiva”.
"L-isport huwa dak kollu li għidna:
għeja, motivazzjoni, żvilupp tas-soċjetà, assimilazzjoni ta’ regoli. U allura huwa divertenti: naħseb
fil-koreografija fil-grawnds tal-futbol, fil-kitbiet fuq l-art meta jgħaddu
ċiklisti, fil-posters ta’ inkoraġġiment meta issir xi kompetizzjoni. Trumbetti,
sparar, tnabar: bħallikieku kollox sparixxa, id-dinja kollha tinbidel f'dak
il-mument. L-isport, meta milgħub tajjeb, huwa ċelebrazzjoni: insibu ruħna
flimkien, nifirħu, nibku, inħossu l-appartenenza għal tim. Jappartjeni dak li
jammetti li waħdu mhux daqshekk sabiħ li tgħix, tifraħ, tiċċelebra. Huwa fatt kurjuż
li hawn min jorbot il-memorja ta’ xi ħaġa mal-isport: Is-sena li fiha tim rebaħ
il-kampjonat, li fiha dak iċ-champion rebaħ il-kompetizzjoni. Is-sena
tal-Olimpjadi, tat-Tazza tad-Dinja. B’xi mod l-isport huwa esperjenza tan-nies
u l-passjonijiet tagħhom, jimmarka l-memorja personali u kollettiva. Forsi huma
preċiżament dawn l-elementi li jawtorizzawna nitkellmu dwar 'fidi sportiva'”.
Hemm xi stroja sportiva, jew avveniment, li
tiftakar bi pjaċir?
“Ma nifhimx wisq f’dan is-suġġett, imma
nista’ ngħidlek li nsegwi b’interess dawk l-istejjer kollha sportivi li mhumiex
għan fihom infushom, imma jippruvaw iħallu d-dinja ftit aħjar milli jsibuha.
Meta, waqt vjaġġ appostoliku, kont f’Yad Vashem f’Ġerusalemm, niftakar li kellmuni
dwar Gino Bartali, iċ-ċiklist leġġendarju li kien imqabbad mill-Kardinal Elia
Dalla Costa, bl-iskuża li jitħarreġ fuq ir-rota, kein imur minn Firenze lejn
Assisi u jirritorna b’għexieren ta’ dokumenti foloz moħbija fil-qafas tar-rota
li kienu jintużaw biex jaħarbu għadd ta’ Lhud u b’hekk isalvaw. Hu qadef għal
mijiet ta’ kilometri kuljum jaf li, jekk iwaqqfuh, kien se jkun it-tmiem
tiegħu. Meta għamel hekk offra ħajja ġdida lil familji sħaħ ippersegwitati
min-Nażisti, ħeba wħud minnhom anke fid-dar tiegħu. Jingħad li għen lil madwar
tmien mitt Lhudi, mal-familji tagħhom, biex isalvaw lilhom infushom waqt
il-barbariżmu li kienu soġġetti għalih. It-tajjeb isir bla ma jingħadx, inkella
x’tajjeb ikun? Yad Vashem huwa meqjus bħala “Ġust Fost in-Nazzjonijiet”, billi
għaraf l-impenn tiegħu. Din hija storja ta’ sportiv li ħalla d-dinja ftit aħjar
minn kif sabha.”
It-telf u r-rebħ huma parti mid-dinamika
sportiva, kif ukoll mill-ħajja tagħna.
“Ir-rebħ u t-telf huma żewġ verbi li jidhru
li jopponu lil xulxin: kulħadd iħobb jirbaħ u ħadd ma jħobb jitlef. Ir-rebħa
fiha eċċitament li huwa saħansitra diffiċli biex tiddeskrivih, iżda t-telfa
għandha wkoll xi ħaġa mill-isbaħ. It-tentazzjoni li tħossok invinċibbli hija
qawwija: ir-rebħa, xi drabi, tista’ tagħmlek arroganti u twasslek biex taħseb
li wasalt fuq nett. It-telfa, min-naħa l-oħra, tiffavorixxi l-meditazzjoni:
aħna nistaqsu lilna nfusna r-raġuni għat-telfa, nagħmlu eżami tal-kuxjenza,
nanalizzaw ix-xogħol li nkunu wettaqna. Huwa għalhekk li minn ċerti telfiet,
jitwieldu rebħiet sbieħ: għax, ladarba jiġi identifikat l-iżball, jitwieled
l-għatx għall-fidwa. Jien ngħid li min jirbaħ ma jafx xi jkun tilef. Dan mhuwiex
biss logħob bil-kliem: staqsi lill-foqra.”
Wara kull rebbieħ kbir hemm kowċ. It-taħriġ
huwa ftit jew wisq bħall-edukazzjoni?
“B'xi mod, iva. Fil-mument tar-rebħa ta’
atleta, il-kowċ tiegħu kważi qatt ma jidher: ma jitlax fuq il-podju, ma jilbisx
il-midalja, il-kameras rarament iduru fuqu. U madankollu, mingħajr kowċ, ma jkunx
hemm rebbieħ: xi ħadd li jagħmel imħatri fuqu, li jinvesti l-ħin fih, li jaf
jara kemm jista’ jkolluj possibiltajiet li lanqas hu ma jimmaġina. Li jkun
kemmxejn viżjonarju, nabbuża ngħid. Madankollu, it-taħriġ tal-ġisem mhux
biżżejjed: trid tkun taf titkellem mal-qalb, timmotiva, tikkoreġi mingħajr
umiljazzjoni. Iktar ma l-atleta jkun brillanti, iktar ikun delikat u jaf
jittratta miegħu il-kowċ veru, l-edukatur veru, li jaf jitkellem mal-qalb ta’
dawk li jitwieldu rebbieħa. mbagħad, fil-mument tal-kompetizzjoni, ikun jaf kif
iwarrab u jaċċetta li jiddependi fuq l-atleta tiegħu Huwa jerġa’ lura f’każ ta’
telfa, u jħares lejh wiċċ imb wiċċ.”
Jista’ spirtu kompetittiv qawwi jgħin ukoll
biex jimmatura l-ispirtu uman?
“Jiġu f’moħħi żewġ siltiet miktuba minn San
Pawl fl-ittri tiegħu. L-ewwel waħda: “Ma tafux li l-ġerrejja fl-istadju kollha
jiġru, imma l-premju wieħed jirbħu? Iġru, mela, ħalli tirbħuh.” (1 Kor 9,24).
Hija stedina sabiħa biex tinvolvi ruħek, biex ma tħaresx lejn id-dinja
mit-tieqa. It-tieni silta li niftakar hija meta Pawlu, waqt li kien qed
jitkellem ma’ ħabibu Filemon, bħallikieku kien qed jafdalu s-sigriet tiegħu: “
Niġri ’il quddiem biex naħtaf dan,
bħalma Kristu Ġesù ġa ħataf lili.” (Fil 3: 12). L-ebda atleta ma jiġri biss
biex jiġri: dejjem hemm xi sbuħija li, bħal kalamita, tattira lil dak li jagħmelu
sfida miegħu nnifsu. Il-nbidu dejjem ikun għax ikun hemm xi ħaġa li
taffaxxinana.”
Il-qalb tinsab fiċ-ċentru tal-attività
sportiva kif ukoll tal-esperjenza reliġjuża. Jekk il-qalb tinżamm “imħarrġa”
huwa s-sigriet li ma jitlifx it-talent?
"Li żżomm il-qalb fl-ordni huwa s-sigriet
għal kull rebħa, mhux biss għall-isport: is-salmista, fil-fatt, jistaqsi lil
Alla: “Tkun qalbi bla ħtija fil-kmandamenti tiegħek, biex ma jkollix għax
nistħi.” (Salm 119,80). Jekk inħarsu lejn l-istorja tat-talenti, nindunaw li
tant nies b’talent intilfu preċiżament minħabba xi diżordni. Qalb ordnata hija
qalb hienja, fi stat ta’ grazzja, lesta biex tisfida. Naħseb li kieku staqsejna
lil xi sportiv is-sigriet aħħari tar-rebħiet tiegħu, aktarx li jgħidilna li
rebaġ għax kein kuntent. Il-kuntentizza, għalhekk, hija l-konsegwenza ta’ qalb
ordnata. Ferħ li jinqasam, għax jekk inżommu għalija nnifisi jibqa' żerriegħa,
imma jekk naqsmu jista’ jsir fjura.”
Ħafna rebbieħa jgħidu li bdew l-avventura
sportiva tagħhom għad-dell ta’ xi kampnar, fl-għalqa tal-oratorju ta’ xi knisja
fiċ-ċentru jew fil-periferija tal-belt.
“Il-Knisja dejjem kellha interess kbir
fid-dinja tal-isport. Nistgħu ngħidu li fl-isport il-komunitajiet Insara
identifikaw waħda mill-iktar grammatika li tinftiehem biex titkellem
maż-żgħażagħ. Aħna naħsbu f’Don Bosco u l-oratorji Salesjani imma naħsbu wkoll
fil-parroċċi kollha tad-dinja, anke l-ifqar parroċċi, li fihom dejjem hemm xi
grawnd disponibbli biex fih isirt l-isport. Permezz tal-isport, żagħżugħ huwa
mħeġġeġ biex jagħti l-aħjar tiegħu nnifsu, biex jistabbilixxi lilu nnifsu u li
jikseb għan, biex ma jaqtax qalbu, li jikkollabora fi grupp. Hija opportunità
sabiħa li taqsam il-pjaċir tar-rebħa jew l-imrar tat-telfa, li tiltaqa’
flimkien u tagħti l-aħjar li tkun tista’.”
Int, bħala Ġiżwita, int iben spiritwali u
kulturali ta’ Sant Injazju ta’ Loyola, “champion” tal-Eżerċizzi Spiritwali.
“Eżerċizzju” huwa sinonimu ma’ taħriġ. Hemm xi relazzjoni bejn l-isport u
l-eżerċizzji ta ’Sant Injazju?
"Meta Sant’Injazju ta’ Loyola kiteb
l-Eżerċizzi Spiritwali, għamel dan billi ħaseb lura fl-istorja tal-passat
tiegħu bħala suldat, magħmul minn eżerċizzji u taħriġ. Huwa jħoss li l-ispirtu,
bħall-ġisem, irid ikun imħarreġ ukoll. Id-dixxiplina hija meħtieġa:
l-eżerċizzji huma għalliema tajbin ħafna. Guillaume de Saint-Thierry, patri
Belġjan li għex fis-seklu 12, jgħid li “r-rieda tiġġenera l-prattika,
il-prattika tiġġenera l-eżerċizzju u l-eżerċizzju jipprovdi s-saħħa għal kull
xogħol.” Li teżerċita t-tjubija, is-sbuħija u l-verità huma okkażjonijiet li
fihom il-bniedem jista’ jiskopri riżorsi fih innifsu li ma jkunx jaf bihom.”
X'tip ta’ sportiv tapprezza l-iktar?
“Nirringrazzjak talli ma tlabtnix insemmi
ismijiet proprji: mhux sewwa li tagħżel wieħed għad-detriment ta’ ieħor.
Napprezza, madankollu, lil dawk li huma konxji tar-responsabbiltà għat-talent
tagħhom, ikun x’ikun l-isport jew id-dixxiplina li jappartjenu għalih.
Iċ-champion isir, bil-forza taċ-ċirkostanzi, u jkun mudell ta’ ispirazzjoni
għal ħaddieħor, muża, punt ta' referiment. Huwa importanti li l-atleti u r-rebbieħa
jkunu konxji ta’ kemm il-kelma tagħhom u l-attitudni tagħhom jistgħu jaffettwaw
eluf ta’ nies. Hemmm nbosta aspetti
sbieħ, u nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lil-membri tat-tim
nazzjonali tal-futbol Taljan li kull sena flimkein mal-kowċ tagħhom, iżuru
sodda sodda, lit-tfal fl-isptar tal-Papa (il Bambino Gesù ta’ Rumal-aktar
fid-dipartiment tal-onkoloġija. Dan isir ukoll ġo sptarijiet oħra u f’ħafna postijiet.
Dan huwa mod kif tirrealizza l-ħolm tat-tfal li jkunu qed ibatu. Meta,
madankollu, r-rebbieħ jinsa din id-dimensjoni, jitlef is-sbuħija kollha. Din
hija opportunità sabiex dawk li jieħduh bħala mudell ikunu jistgħu jitjiebu,
jikbru u jsiru champions huma ukoll. Nixtieq liċ-champions jitgħallmu virtù
prezzjuża ħafna: it-temperanza, l-abbiltà li ma jitilfux is-sens
tal-proporzjon. B’dan il-mod biss ikunu jistgħu jaraw valuri akbar
bħall-onestà, il-ġustizzja, id-dedikazzjoni. Dawn mhumiex affarijiet żgħar.”
Il-futbol, anzi l-isport kollu, dan l-aħħar tnikket
bil-mewt ta’ Maradona, meqjus minn ħafna bħala l-akbar plejer tal-futbol li
qatt kien deher. X’irrappreżenta għall-Arġentina?
“Iltqajt ma’ Diego Armando Maradona
fl-okkażjoni tal-logħba għall-Paċi fl-2014: Niftakar bi pjaċir dak kollu li
Diego għamel għal Scholas Occurrentes, il-Fondazzjoni li tieħu ħsieb dawk fil-bżonn
madwar id-dinja kollha. Fil-grawnd kien poeta, champion kbir li ferraħ lil
miljuni ta’ nies, fl-Arġentina kif ukoll f'Napli. Kien ukoll raġel fraġli
ħafna. Għandi memorja personali marbuta mal-Kampjonat Dinji tal-1986, dak li
l-Arġentina rebħet grazzi għal Maradona. Fi Frankfurt, kien żmien diffiċli
għalija, kont qed nistudja l-lingwa u niġbor materjal għat-teżi tiegħi. Ma
kontx mort nara l-finali tat-Tazza tad-Dinja u sirt naf l-għada bir-rebħa tal-Arġentina
fuq il-Ġermanja, meta tfajla Ġappuniża kitbet fuq il-blackboard !Viva l-Arġentina”
waqt lezzjoni tal-Ġermaniż. Niftakarha, personalment, bħala r-rebħa
tas-solitudni għax ma kelli lil ħadd ma’ min naqsam il-ferħ ta' dik ir-rebħa
sportiva: fis-solitudni tħossok waħdek, filwaqt li dak li jagħmel il-ferħ sabiħ
huwa li tkun tista’ taqsam dak li tkun qed tħoss. Meta qaluli bil-mewt ta’
Maradona, tlabt għalih u bgħatt kuruna tar-rużarju lill-familja tiegħu u
messaġġ bi ftit kliem ta’ faraġ.”
Il-Belt tal-Vatikan għandha t-tim
tal-atletika tagħha stess. Imbagħad hemm “il-Clericus Cup”, tip ta’ kampjonat għall-istudenti
ta’ universitajiet pontifiċjii. Mhuwiex sport biss.
“L-evanġelizzazzjoni tfisser xhieda,
fil-ħajja personali u f’dik tal-komunità, tal-ħajja ta 'Alla fina, dik li ġiet
mogħtija lilna fil-Magħmudija. M’hemmx strateġiji, m’hemm l-ebda sens ta’ kummerċ
tal-fidi: meta raġel jew mara jara biss raġel jew mara li tgħix bħal Ġesù,
allura tista’ tkun affaxxinata u tista’ tibda tieħu bis-serjetà l-proposta tal-Evanġelu.
Tevanġelizza bl-ispirtu ta’ ħajjitha stess li jkollha r-riħa u t-togħma
tal-beatitudnijiet. It-timijiet tal-atletika u t-Tazza Clericus isibu s-sens
tal-preżenza tagħhom fil-Vatikan preċiżament biex jixhdu stil evanġeliku
fl-isport. Huwa wkoll mod kif tinħoloq komunità. Qed naħseb fil-varjetà ta’
atleti li ġejjin minn amministrazzjonijiet differenti: gwardji Svizzeri,
ġardinara, spiżjara, impjegati tal-Mużewijiet tal-Vatikan, tal-Vilel
Pontifikali, saċerdoti u forsi anke xi Monsinjur. Knisja li toħroġ il barra ...
anke fl-oqsma tal-isports!”
Hemm qawl Għarbi li jgħid: “Taqtax qalbek.
Inti tirriskja li tagħmlu siegħa qabel ma jseħħ il-miraklu.” Qawl li jgħodd
għall-fidi u l-isport.
“Il-telqa tiegħek hija l-ħolma
tal-avversarju tiegħek: jekk iċċedi tkun qed tagħtih ir-rebħa. Hemm dejjem
riskju: “ U kieku rreżistejt naqra oħra?” tibqa' tgħid lilek innifsek għal min
jaf kemm-il darba wara li tara kif spiċċat l-istorja. Veru wkoll li hemm ġranet
li fihom ikun aħjar li tkompli tiġġieled u oħrajn li fihom ikun iktar għaqli li
titlaq.Il-ħajja hija bħal gwerra: tista’ titlef battalja, imma mhux gwerra!
Raġel ma jmutx meta jkun megħlub: imut meta jċedi, meta jieqaf jiġġieled.
Il-foqra, minn dan il-lat, huma eżempju spettakolari ta’ xi tfisser li ma ċċedix.
Lanqas quddiem l-indifferenza: jibqgħu jiġġieldu biex jiddefendu l-ħajja.”
It-taħriġ huwa t-triq tat-titjib. Huwa
l-punt tat-tluq biex tegħleb lilek innifsek.
“L-ebda ħaġa rebbieħ ma jinbena fil-laboratorju. Dak li ġara darba ma
nistgħux inkunu ċerti li ma jerġax iseħħ, anke jekk nittamaw li le! Iżda
ż-żmien jikxef it-talenti oriġinali minn dawk mibnija: champion jitwieled u
jissaħħaħ bit-taħriġ. Id-doping fl-isport mhuwiex biss serq, huwa triq qasira li tħassar id-dinjità. It-talent huwa
rigal riċevut imma dan mhux biżżejjed: trid taħdem fuqu. It-taħriġ, allura, se
jkun qed jieħu ħsieb it-talent u jipprova jimmaturah bl-aħjar possibbiltajiet
tiegħu. Qed jiħuni f’moħħi dawk li jiġru l-100 metru fl-Olimpjadi: għal dawk
il-ftit sekondi, snin u snin ta’ taħriġ. Kultant naqra dwar xi rebbieħ kbir li jkun
l-ewwel wieħed li jasal għat-taħriġ u l-aħħar li jitlaq: hija x-xhieda li
l-forza tar-rieda hija aktar b'saħħitha mill-abilità Hawnhekk l-isport jimxi id
f’id mal-ħajja: is-sbuħija, tkun xi tkun id-deklinazzjoni tagħha, hija dejjem
frott ta’ fjamma li triq żżommha tħeġġeġ jum wara jum.”
Il-motto Olimpiku “Citius, Altius, Fortius”
japplika wkoll għall-ħajja tagħna ta’ kuljum?
“Il-motto huwa sabiħ: “Aktar malajr! Ogħla!
Aktar b’saħħa!” jattribwixxuh
lill-Baruni Pierre De Coubertin, iżda kien imlissen minn predikatur Dumnikan,
Henri Didon. Flimkien mal-ħames ċrieki u l-fjamma Olimpika, dan il-motto huwa
wieħed mis-simboli tal-Logħob. Mhux stedina għas-supremazija ta’ tim. Min-naħa
l-oħra, wisq inqas mhuwiex tip ta’ stimoliu għan-nazzjonaliżmu. Huwa
eżortazzjoni għall-atleti, sabiex dawn billi għandhom it-tendenza li jaħdmu
fuqhom infushom, onestament jegħlbu l-limiti tagħhom biex jibnu xi ħaġa kbira,
mingħajr ma jħallu lilhom infushom jiġu mblukkati. L-istedina biex ma
naċċettawx li ħadd saret il-filosofija tal-ħajja.”
L-Olimpjadi li jmiss se jsiru fil-Ġappun,
f’Tokyo. Waħda mill-massimi Ġappuniżi tista’ tiġi tradotta hekk: “Jekk taqa’
seba’ darbiet, qum tmienja.” Inti żort il-Ġappun: liema memorji ġibt miegħek?
“Żort il-Ġappun darbtejn. F’dawn iż-żewġ
vjaġġi tiegħi ltqajt ma’ art mill-isbaħ, għanja fid-drawwiet, fidi u memorja.
Ftit snin qabel ma għamilt it-tieni vjaġġ lejn il-Ġappun, kont rajt ritratt li
laqatni ħafna: dik ta’ tifel li qed iġorr fuq spallejh lil ħuh mejjet lejn il-krematorju
(ir-ritratt huwa tal-fotografu Amerikan Joe O’Donnell. Il-Papa ltaqa’ ma’ ibnu
fit-tieni vjaġġ tiegħu.) Stampajt ir-ritratt u fuqha ktib: “Il-frott tal-gwerra”.
F’dawk ix-xhur, qassamt ir-ritratt lin-nies li ltqajt magħhom biex ma ninsewx il-fallimenti
kbar tal-umanità. Meta, fit-tieni vjaġġ tiegħi, mort, bħala pellegrin tal-paċi,
f’Nagasaki u f’Hiroshima, waqaft fis-skiet quddiem dik il-paġna tal-istorja:
tal-ħolm ta’ ħafna li baqa’ biss dell u skiet. Nies differenti ħafna magħqudin
minn destin traġiku. Madankollu, rajt ukoll tama f’dak il-mument: bogħod mill-għajnejn fejn dawk li baqgħu ħajjin minn dak
il-barbariżmu, sabu l-kuraġġ li jkomplu jgħixu, minkejja kollox. B’qalbi kollha
nispera li l-Olimpjadi li jmiss isibu ispirazzjoni f’dawk id-dehriet li qatt ma
qatgħu il-qlub.”
Il-Paralimpiċi hija waħda mill-ogħla forom ta’
ugwaljanza, dinjità, rispett, huma parti integrali mill-Olimpjadi. Xhur ilu,
permezz tal-gazzetta tagħna Alex Zanardi qasam il-ħsieb tiegħu. L-intenzjoni
tiegħu dehret ċara ħafna: li titkellem miegħu ifisser tkellem ħafna u ħafna
nies li jsibu ruħhom f’dik l-istorja bħal tiegħu.
“Meta nara minn x’kapaċi jagħmlu ċerti
atleti, li għandhom xi diżabilitajiet fil-ġisem tagħhom, niskanta bil-qawwa
tal-ħajja. Fl-isport inħobb l-idea ta’ inklużjoni, dawk il-ħames ċrieki li jduru
flimkien u jispiċċaw jingħaqdu huwa xbieha mill-isbaħ ta’ kif tista’ tkun
id-dinja. Il-moviment Paralimpiku huwa prezzjuż ħafna: mhux biss għax jinkludi
lil kulħadd, iżda wkoll għax huwa opportunità li tagħti drittijiet ta’ ċittadini
fil-midja għal stejjer ta’ rġiel u nisa li għandhom xi diżabilitajiet. Meta
nara jew naqra dwar xi wħud mill-kisbiet tagħhom, naħseb li l-limitu mhuwiex
fihom iżda biss f’għajnejn min jarahom. Huma stejjer li jwelldu stejjer, meta
kulħadd jaħseb li m’għadx hemm stejjer xi tgħid.”
Int dilettant kbir tal-futbol: meta kont
tifel kont issegwi lit-tim ta’ San Lorenzo. L-isport, madankollu, mhux futbol
biss.
“Aħna nafu li f’kull rokna tad-dinja, anke
fl-iktar waħda moħbija u fqira, ballun ikiun biżżejjed biex jibda jimla l-qlub
u jnissel tbissima.Forsi huwa għalhekk li l-futbol jilgħab daqsxejn mis-sehem
tal-iljun. Daqsxejn bħalma jiġri d-dar, bejn aħwa: dejjem hemm min jaħseb li
jiswa aktar mill-oħrajn! Imma ovvjament id-dinja tal-isport hija kostellazzjoni
vera b’ħafna stilel. Jien ukoll lgħabt il-basketball u nħobb ħafna r-rugby, per
eżempju: minkejja li huwa sport iebes, qatt mhu vjolenti. Il-lealtà u r-rispett
li hemm f’dan l-isport ħafna drabi jittieħdu bħala mudell. Naħseb fit- “tielet taqsima”
dak ta’ wara l-logħba: il-plejers kollha taż-żewġ timijiet jiltaqgħu flimkien
anke biss għal tislima unjieħdu b’idejn xulxin. Dan għandu jkun: agħti ruħek
meta tilgħab imma wara l-partita jkollok
il-kuraġġ li tieħu b’id l-avversarju tiegħek. Ma kinitx gwerra bejn l-għedewwa
iżda biss opportunità għal kompetizzjoni bejn l-avversarji fil-logħba. Dawk li
jitqiesu bħala sports minuri, xi drabi, jistgħu jagħtu lezzjonijiet kbar lis-Sur
Futbol.”
Hemm negozju kbir li jdur madwar din
id-dinja mill-isbaħ tal-isports. Kif tistaà tiġi salvata s-sbuħija tal-isports
mingħajr ma jintilfu erwieħ?
“L-atleta huwa misteru affaxxinanti,
kapolavur tal-grazzja, tal-passjoni. Huwa faċli ħafna, madankollu, li tibdlu f’oġġett
jew komodità li tiġġenera l-profitt. Fl-aħħar enċiklika, “Fratelli Tutti”, ridt
nispeċifika li s-suq ma jsolvix kollox anke jekk il-kultura tal-lum tidher li
tridna nemmnu akkost ta’ kollox f’din id-dogma tal-fidi neoliberali. Dan jiġri
meta l-valur ekonomiku jiddetta l-liġi, fl-isport bħal f’ħafna setturi oħra ta’
ħajjitna, il-qligħ faċli jirriskja li jmewwwet
il-passjoni li tkun biddlet kull tifel f’eżempju. Personalment nemmen li
daqsxejn "ġuħ" fil-but huwa s-sigriet biex qatt ma tħossok sodisfatt,
biex iżżomm dik il-passjoni ħajja li, bħala tfal, tkun affaxxinatna. Huwa ta
’niket li naraw rebbieħa sinjuri ħafna imma bla edda ħajra, kważi burokratiċi
tal-isport tagħhom: nagħmlu minn kollox biex nassiguraw li d-dimensjoni tad-dilettanti
tal-isport tiġi salvata. Intenni li mhux kollox huwa solvut bil-libertà tas-suq.”
Qatt ħsibt dwar enċiklika fuq l-isport?
“Ngħidlek id-dritt: le, imma, per eżempju,
ħafna elementi jistgħu jinstabu fl-enċiklika “Fratelli Tutti”. Pereżempju,
il-kapitlu ħames joffri ideat biex bniedem jirrifletti fuq id-dinja ekonomika
imponenti li ddur madwar l-isport u jissuġġerixxi wkoll kif l-isport jista’ jgħin
jew għallinqas jista’ jagħti l-kontribut tiegħu stess għall-globalizzazzjoni
tad-drittijiet. Imma forsi anke din il-konversazzjoni tagħna tista’ tissejjaħ
bħala t-tnedija ta’ enċiklika dwar l-isports. Naraw x’jissuġġerixxi l-Mulej
fil-kumplament tal-pontifikat! Ħaġa waħdadiġà nistgħu naqsmuha. Kull erba’ snin
isiru l-Olimpjadi, bil-liġijiet olimpiċi tagħhom. L-Olimpjadi jistgħu jkunu
bħala xempju għal kulħadd: il-persuna hija fiċ-ċentru, il-bniedem li qed
jistinka għall-iżvilupp tiegħu, id-difiża tad-dinjità ta’ kwalunkwe persuna. U
l-isbaħ parti: jikkontribwixxi għall-kostruzzjoni ta’ dinja aħjar, mingħajr
gwerer u tensjonijiet, billi jeduka liż-żgħażagħ permezz ta’ sport prattikat
mingħajr diskriminazzjoni ta’ xejn, fi spirtu ta' ħbiberija u lealtà.” Kollox
ġie miktub: ejjew ngħixuh!”
Il-qaddis huwa ċ-champion tal-fidi.
Il-qaddisin, bħala champions, ma jitwieldux imma jsiru. X’inhu s-sigriet biex
tikkompeti fil-kampjonat tal-qdusija?
“Nibqgħu nitkellmu bil-lingwaġġ sportiv kif
qed tissuġġerixxi int f'din it-taħdita. Għalija s-sigriet li tkun tixtieq u li tgħix
il-qdusija huwa li tinvolvi ruħek. Fil-fatt, x’jagħmel plejer meta jkun
imsejjaħ għal xi logħba jew atleta qabel ma jipparteċipa għall-kompetizzjoni? Jiħarreġ,
jitħarreġ u jerġa’ jitħarreġ. Lil kull wieħed minna Alla tah għalqa, biċċa art
li fiha jista’ jilgħab matul ħajtu: .mingħajr taħriġ, madankollu, anke l-aktar
talent jaqla; daqqa ta’ ħarta jgħidu. U anke jien bħala Papa jrid dejjem nitħarreġ
u nistaqsi lil Alla kuljum: “Xi tridni nagħmel, xi trid b’ħajti?” Nistaqsi lil
Ġesù, billi niffaċċjah qisu l-kowċ. U jekk tagħmel xi żelqa, tibża xejn: ħdejk
hemm min hu lest biex iqajmek lura fuq saqajk. Iżda tibżax tqum.”
Michael Jordan, wieħed mill-aqwa plejers
tal-basketball ta’ kull żmien, qal li "jekk taqta’ qalbek darba, isir
drawwa. Qatt taqta’ qalbek." Santità: kif tista’ ma taqta’ qalbek qatt?
“Irrid inkun naf li jien nilgħab f’tim fejn
il-Kaptan għandu d-dritt li jkollu l-aħħar kelma: nitlob biex inkun nista’
nifhem u nattwa l-kliem li hu jissuġġerili bl-aħjar mod possibbli, biex
noffrihom lill-poplu .Fuq kollox, il-poplu huwa sejħa, stedina, biex toħroġ
mill-iżolament u hekk kif tavvanza, tagħti ħajja lit-territorju li jkollok. JIen
inżomm il-foqra viċin tiegħi: meta tasal il-lejla, naħseb fil-foqra kollha li
jorqdu madwar il-Kolonat ta’ Pjazza San Pietru: il-qawwa tagħhom hija
l-ispirazzjoni tiegħi, il-preżenza tagħhom hija l-protezzjoni tiegħi. Naħseb
fihom u qatt ma nħossni waħdi: ġewwa dak il-laħam fraġli u midrub, Alla jaħbi
lilu nnifsu, tabilħaqq juri ruħu, biex jissuġġerilni l-iskema tal-logħba
rebbieħa. U nafdah: hu qatt ma naqta’ qalbi, lanqas quddiem il-fraġilità tiegħi.”
Din hija l-ewwel ħarġa ta’ dan il-ġurnal
għall-2021. X’inhi x-xewqa tal-Papa Franġisku għall-umanità fil-bidu tas-sena?
“Ix-xewqa tiegħi hija sempliċi ħafna, nikkwota
l-kliem li hemm fuq flokk li kienu tawni: “Aħjar telfa nadifa minn rebħa
maħmuġa.” Huwa l-isbaħ mod kif tilgħab ħajtek b’rasek mgħollija. Jalla Alla
jagħtina ġranet qaddisa. Itlob għalija, jekk jogħġbok: biex ma nieqafx
nitħarreġ ma’ Alla!”
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' XK - Xandar il-Kelma - Marzu 2021
Nessun commento:
Posta un commento