William Shakespear |
Kemm ta xena awtentika u veritiera tad-dinja dan l-awtur ċelebri Ingliż.
Kemm verament id-dinja hija palk f’teatru u l-ħajja tagħna l-bnedmin hija bħal storja
miktuba minn xi awtur. Ħajja li tista’ tkun dramm jew kummiedja, farsa jew
buzzett. Hi x’inhi kull ħajja fija l-partijiet komiċi, tad-daħq, redikoli jew
farseski. Fiha waqtiet traġiċi, ta’ niket, ta’ biki u ta’ problemi.
Atturi u atturi
F’dan id-dramm tal-ħajja nsibu tipi differenti ta’ artisti. Hawn dawk li
jitwieldu sempliċi, jgħaddu ħajja fis-sempliċità u jtemmu l-parti tad-dramm
tagħhom fl-istess sempliċità li jkunu twieldu u għexu fiha. Hawn min jitwieled
sempliċi iżda jaħdem u jirsisti biex itejjeb il-qagħda soċjali tiegħu. Hawn min
jirnexxi u hawn min ma jirnexxix. Il-ħażin hu meta wieħed jaspira li jasal fejn
hu għoli wisq għalih. Ħażin meta attur jipprova jaħdem il-parti ta’ ħaddieħor, min jilbes kostum li jkun kbir
wisq għalih. Dawn tarahom jagħmlu minn kollox biex jitfgħu attenzjoni ta’
kulħadd fuqhom, biex kulħadd jgħidilhom “Prosit”, biex kulħadd ifaħħarhom.
Imsieken dawn atturi li ma jindunawx li min ifaħħrek, jekk xi darba tonqsu jdur
kontra tiegħek daqs kemm idur pinnur meta jdur ir-riħ. Hemm dawk li twieldu
fix-xejn u x-xorti daħqitilhom u kibru u bdew jaħsbu li x-xemx ma titlax jekk
ma jkunux huma. Xi minn daqqiet dawn jikkalpestaw li dawk li jinzertaw taħthom.
Malajr jinsew minn fejn ikunu ġejjin, ma jiftakrux l-imgħoddi tagħhom u għax illum
saru “xi ħaġa” jgħakksu u jirfsu fuq dawk li d-destin poġġa taħthom.
Imbagħad hemm dawk li jaħsbu li twieldu bil-ħwejjeġ, dawk li jaraw in-nies
dubbien. Dawn jitwieledu u jgħixu ħajjithom kollha fil-fantasija ta’ moħħhom,
mehdijin fit-titli u xinxilli li ma jiswew għal xejn. Dawn joħolmu ħolm
bil-kulur, Jemmnu li huma jinsabu fi klassi għalihom u ftit huma dawk li jistgħu
jidħlu fiċ-ċirku dejjaq tal-ħajja tagħhom u tal-klassi immaġinarja li jgħixu ħajjithom
fiha.
Qegħdin taraw kemm hawn tipi ta’ artisti? Aħsbu ftit, ieqfu ftit mill-ġenn
tal-ħajja u tinduna li inti mdawwar b’nies bħal dawn, tinduna li anke inti
tinsab f’xi waħda minn dawn il-kategoriji. Tinsa qatt li aħna lkoll atturi, u
kollha ninsabu fuq l-istess palk, lilek messek tagħmel parti u lili messni
naħdem parti oħra, imma t-tnejn li aħna qegħdin naħdmu l-istess kummieda jew
dramm.
F’Baħar wieħed
Din is-sensiela inħadmet darbtejn, apparti li qabel kienet tixxandar fuq
ir-Rediffusion. Fis-snin sebgħin meta nħadmet l-ewwel darba, it-tieni parti
tas-sensiela kienet issemmiet “Kull par għal paru,” Dan huwa wkoll proverbju
mimli għerf għax jekk il-par ma jkunx jaqbel nispiċċaw fi taġedja fuq il-palk
ta’ ħajjitna. Id-differenza bejn il-palk tat-teatru u l-palk tad-dinja hija li
filwaqt li fl-ewwel wieħed l-attur itemm il-parti tiegħu, jinża’ l-kostum u
jkompli bil-mixja ta’ ħajtu, fit-tieni wieħed l-attur jibqa’ għaddej bil-parti
tiegħu għax dik tkun ħajtu u jagħmel x’jagħmel dak ikun id-destin tiegħu u jagħmel
x’jagħmel ma jista’ jibdlu qatt.
Qegħdin taraw kemm kellu raġun Shakespear jgħid li d-dinja hija palk. Ħajjitna
tista’ tkun dramm traġiku jekk ma nagħrfux naħdmu l-parti tagħna tajjeb. Biss
anke dramm nistgħu nibdluh f’kumiedja. Din hija ħajjitna, għandna l-parti tagħna
imma għandna wkoll il-libertà li naħdmu l-parti tagħna kif ikun l-aħjar għalina
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Frar 2021
Nessun commento:
Posta un commento