Illum il-ġurnata il-kuxjenza lejn persuni bi ħtiġijiet differenti minn dawk
li normament jaqgħu f’ moħħna kibbret ħafna. Ma nistgħux ngħidu li ilħaqna
l-ogħla livell fejn jidħlu servizzi offruti lill-persuni li llum sirna
nsejħulhom “b’diżabilità”, imma tal-inqas il-livell huwa ħafna aħjar minn dak
li kien ftit għexieren ta’ snin ilu, u dan mhux biss f’pajjiżna iżda
fil-pajjiżi żviluppati kollha.
Min għandu diżabilità?
Meta nsemmu nies b’diżabilità dlonk naħsbu f’ dawk li fiżikament ma
jistgħux jagħmlu kollox waħedhom. Imma stenna daqxejn, min minna jista’ jagħmel
kollox waħdu? Anke jekk illum għandu mnejn li jeżisti xi ħadd li ma għandux
bżonn ta’ ħaddieħor biex jgħix ħajtu bla tfixkil, għad jiġi żmien li saħtu
tonqoslu u dak li llum jagħmel waħdu jkollu bżonn l-għajnuna biex jagħmlu.
Allura f’ kelma waħda nistgħu ngħidu li lkoll kemm aħna għandna d-diżabiltajiet
tagħna, min b’ mod u min b’iehor, min bi ftit u min b’ ħafna.
Nuqqas ta’ ħsieb
Fi djarna u fit-toroq tagħna kultant niltaqgħu ma’ inkonvenjenti li
jikkawżaw tbatija bla bżonn. Ngħid id-dritt ma kontx nifhem għalfejn
l-awtoritajiet ma kienux jagħtu permess li ssir rampa ta’ garage fuq bankina.
Illum nifhem li min ikun għaddej minn fuq il-bankina se jinħoloqlu inkonvenjent
b’ dik ir-rampa. M’inix nirreferi għal xi persuna li tkun għaddejja minn hemm
fuq siġġu tar-roti, imma għal persuna li tkun għaddejja b’ pushchair jew b’ shopping
carrier. Bosta drabi dawn il-persuni ma jkunux jistgħu jibqgħu għaddejjin
minn fuq il-bankina u jkollhom jinżlu fit-triq biex ikomplu sejrin fejn kienu
sejrin. Ġieli t-triq tkun dejqa u traffikuża u għalhek dawn it-talin ikunu
esposti għall-periklu.
Każ li dejjem tani fastidu hija rampa quddiem dar tal-anzjani f’ wieħed
mill-irħula Maltin. Id-diriġenti ta’ din id-dar għollew il-bankina b' madwar
metru biex l-anzjani tad-dar ma jkollomx jinżlu taraġ meta joħorġu. Sa hawn
kollox sew, anzi prosit, imma l-gwaj hu li fuq il-bankina inħolqot rampa u min
ikun għaddej min hemm jew ikollu jitla’ u jinżel ir-rampa jew inkella jkollu
jinżel minn fuq il-bankina u jimxi fit-triq, li minbarra li hija dejqa hija
wkoll traffikuża. Issa l-anzjani tad-dar tnaqqsilhom l-inkonvenjent imma
l-pubbliku li jgħaddi mit-triq żdiedlu. Ir-rampa li semmejt setgħet issir fuq
ġewwa tad-dar u b’ hekk kienet tissolva problema bla ma tiġi kkawżata oħra.
Imma sewwa jgħidu l-Ingliżi li Common
sense is not so common! Dan mhux biss nuqqas ta’ ħsieb mid-diriġenti
tad-dar imma wkoll mill-awtoritajiet li taw il-permess li ssir din ir-rampa.
Nittama tal-inqas li din saret bil-permess!
Sajjetta fil-bnazzi
Forsi naħsbu li d-diżabiltajiet jew
nitwieldu bihom jew jaslu fuqna ladarba nixjieħu. Niżbaljaw bil-kbir meta
naħsbu hekk. Ngħidu li riħ ta’ siegħa jbiddel qiegħa, u tabilħaqq għax sempliċi
inċident fit-triq, sempliċi marda u tinbidillek ħajtek minn lejl għan-nhar.
Ħajjitna tista’ tinbidel bħal sajjetta fil-bnazzi.
Amy Camilleri Zahra |
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon, 5 ta' Lulju 2014
Nessun commento:
Posta un commento