sabato 26 luglio 2014

Ir-rgħajja u n-nagħaġ

Illum rari biex f’pajjiżna tara xi merħla nagħaġ  tirgħa għax minbarra lil-art xagħri naqset, l-imrieħel jitrabbew fl-irziezet. Madanakollu l-Knisja għadha tuża dawn il-kliem sabiex tirreferi għas-saċerdoti u għall-Insara. Biex jien ukoll nuża dan il-kliem allura sejjer ngħid li illum insibu żewġ realtajiet fid-dinja Kattolika, nagħaġ bla rgħajja u rgħajja bla nagħaġ. Faċli wieħed jipponta subgħu lejn ħaddieħor imma insibuha bi tqila biex nikkritikaw lilna nfusna.Illum jien se nipprova mmur kontra l-kurrent u nikkritika lili nnifsi.

Merħla dejjem iżgħar

Kull ma jmur dawk li jifrekwentaw il-Knisja huma dejjem inqas fin-numru. Dan ma huwiex xi fenomenu ta’ pajjiżna biss imma tad-dinja żviluppata kollha, għalhekk is-saċerdoti jridu jibdlu l-mod kif jirgħu, kif jilħqu lill-Insara. Minn fuq is-siġġu fil-kamra, minn quddiem il-monitor tal-kompjuter ma jintlaħqux l-Insara kollha. Illum ma għadux iż-żmien li n-Nisrani jmur ifittex lis-saċerdot imma l-istorja nqalbet ta’ taħt fuq. Iżda donnu li hawn min ma jridx jiskomoda ruħu u joħroġ fit-triq.

Storja vera

Bilkemm titwemmen din l-istorja li ser ngħdilkom, imma ibqgħu żguri li seħħet tassew. Mela wieħed saċerdot li kien għadu kemm qaddes intbagħat jaqdi l-ministeru tiegħu f’ ċertu żona. Hemmhekk kien hemm saċerdoti oħrajn li spiss kienu jgorru dwar in-nuqqas ta’ attendenza ta’ nies fil-knisja tagħhom. Dan is-saċerdot ġdid beda jitħallat man-nies tal-post, imur fejn ikunu huma, jkellimhom fuq kollox u sar donnu wieħed minn tal-post. Fi żmien il-festa kien imur ħdejn iż-żgħażagħ li kienu jkunu jarmaw, mhux biex jgħinhom imma sempliċiment biex ikun ħdejhom. Kien imur il-każin tal-banda u ġieli mar il-post tan-nar ukoll. Dan is-saċerdot rebaħ qalb ir-raħlin u sar imfittex minnhom sabiex iqerru jew biex jiftħu qalbhom miegħu. Kien dejjem disponibbli għall-qrar, ikun fejn ikun, sew fil-knisja kif ukoll barra t-triq ġieli qarar lil min talbu.

Xi saċerdoti li kienu jservu fl-istess knisja tiegħu ma għoġbithom dil-ħaġa. Għandu mnejn beżgħu li se jitilfu xi ftit mill-poter li kienu ilhom snin iggranfati miegħu. Waslu biex qalgħu xniegħat dwar is-saċerdot li kien għadu kif wasal fir-raħal. Qalu li jmur il-każin biex jisker, li jmur ma’ tal-festa biex jiekol u min jaf x’iktar! Il-verità kienet li dawn it-talin kienu għażżenin u ma riedux joħorġu minn kamrithom biex jagħtu servizz lir-raħħala. Fil-konfessinarju ma kienux jinżlu għax għandu mnejn kienu jbatu bil-klawstrofobia. Ara fuq l-ajruplan jew fil-kabina tal-Cruise liner li spiss kienu jmorru fuqu ma kienux ibatu mill-għeluq. Il-konsolazzjoni tas-saċerdot il-ġdid kienet li l-qlajjiet li qalgħu fuqu ma kienu xejn ħdejn dak li qalu u qalgħu fuq l-imgħallem tiegħu.

Ta’ min hi l-ħtija?

Meta tisma’ jew iġġarrab esperjenza bħal ta’ dan is-saċerdot tibda tinduna  x’ wassal biex il-Knisja qegħda fiex qegħda llum. Jien personalment meta nisma’ stejjer bħal din nistgħaġeb mhux kif in-nies ma għadiex tersaq lejn il-Knisja imma niskanta b’ dawk li għadhom imorru. Forsi għalhekk hemm min lill-Papa Franġisku qed jarah bħala theddida għax niżel minn fuq il-pedestall, minn fuq it-tron li bena matul is-snin. Kristu ma kellux tronijiet, ma kellux pedestalli. Kristu ma kienx jibża’ jitħallat ma’ kull xorta ta’ nies. Kristu ma kienx jagħti każ x’ jgħidu fuqu imma stieden biex min irid ikun bħalu, jerfa salibu kuljum u jimxi warajh.

Hemm bżonn li min għażel minn jeddu li jkun ‘ragħaj’ jagħmel xogħolu u dmirijeitlu lejn ‘in-nagħaġ’ u ma joqgħodx jinħela jilħaq salib ħaddieħor. Isir aktar ġid jekk tipprova tirranġa lilek innifsek milli tipprova tħammeġ lil ħaddieħor.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon, 26 ta' Lulju 2014


Nessun commento:

Posta un commento