Il-Malti jgħid li aħjar ħabib fis-suq minn mitt skud fis-senduq.
Dan il-qawl juri kemm hu sewwa li l-bniedem ikollu min jista’ jgħinu f’ waqtiet
li jkun jeħtieġ l-għajnuna. Qawl Malti ieħor imbagħad jgħidlek li l-ħbieb sa
wara l-bieb u la qbadna mal-qwiel insemmu wkoll dak li jgħid li l-akbar ġlieda
hija bejn il-ħbieb. Imma x’ inhi il-ħbiberija? Jista’ bniedem jgħix mingħajr
ħbieb? Hawn xi ħadd fid-dinja li ma għandux tal-inqas ħabib wieħed jew ħabiba
waħda?
Rabta
Il-ħbiberija nistgħu nqisuha bħala rabta soċjali akkumpanjat
minn sensazzjoni ta’ affezzjoni reċiproku bejn żewġ persuni jew aktar
tal-istess sess jew ta’ sess differenti. Fi kliem eħfef nistgħu ngħidu li
il-ħbiberija hija ġibda lejn peruna jew persuni, tal-istess sess tiegħek jew
tas-sess oppost, liema ġibda tkun tinħass mill-partijiet kollha li jkun hemm f’ din
il-ħbiberija.
Il-ħbiberija minkejja li hija differnti mill-imħabba, hija
bħall-imħabba, ibbażata fuq rispett reċiproku. Kuntrarjamnet għal-imħabba,
il-ħbiberija ma hijiex sentiment esklussiv, jiġifieri l-ħbiberija ma teskludix
li l-parti l-oħra jkollha relazzjoni ta’ mħabba, relazzjoni affettiva jew
sesswali ma’ ħaddieħor. Żewġt iħbieb jibqgħu ħbieb anke meta xi ħadd minnhom
jitgħarras, jiżżewweġ jew isib partner.
Fl-iżvilupp
Il-ħbiberija tgħin
fl-iżvilupp tal-individwu. L-ewwel forom ta’ ħbiberija jistgħu jinbtu fl-ewwel
snin tal-ħajja tal-bniedem meta tarbija tibda taqsam il-logħob tagħha ma’
ħaddieħor. It-tfal żgħar jiltaqgħu ma’ dawk ta’ mparhom u bejniethom titwieled
relazzjoni li lanqas nistgħu nsejħulha ħbiberija. Żewġt itfal jibdew jiltaqgħu biex
jilgħabu flimkien, jaqsmu l-ġugarelli bejniethom imma lanqas nistgħu ngħidu li
dawn isiru ħbieb. Meta t-tfal jibdew imorru l-iskola hemm jibdew jinbtu
l-gruppi, tifel jew tifla tibda’ tfittex il-kumpanija ta’ tifel jew tifla oħra
u b’ hekk jinħolqu l-ewwel gruppi ta’ ħbieb. Aktar ma jikbru aktar jibdew
jgħaddu ħin flimkien u aktar tikber il-ħbiberija bejniethom. Aktarx li tfal ta’ età żghira jfittxu ħbieb
tal-istess sess, biss din ma hijiex xi regola li ma jistax ikollha
eċċezzjonijiet. Dawn il-ħbiberiji huma importanti fl-iżvilupp tal-persuna
umana.
Fl-era tekonolġika
Issa li
t-tekonloġija avvanzata ġabet lid-dinja
raħal wieħed il-ħbiberija wkoll saret titfittex fuq mezzi teknoloġiċi ġodda.
Illum tista’ jkollok ħbieb li titkellem magħhom spiss bla ma qatt tkun rajthom
b’ għajnejk. Ejjew inħallu barra l-punt ta’ kemm din tkun ħbiberija veru, imma
jeżistu ħbiberiji bħal din. Tajjeb ngħidu li minn kull tmien żwiġijiet li jsiru
fl-Amerika, koppja minnhom tkun iltaqgħet permezz tal-internet, l-aktar fuq Facebook.
Il-Ħbiberija bħala virtù
Tumas ta' Akwinu |
Il-filosfu
Aristotile jikkonsidra l-ħbiberija bħala virtù indispensabbli għall-bniedem
tant li ħadd ma jgħażel li jgħix ħajja mingħajr ħbieb. Skont dan
il-filosfu il-ħbieb huma l-aktar possess li bniedem jista’ jkollu. Dak li għandu l-ġid kollu ma
jkollux bżonn tal-ħbieb għal xi ħaġa materjali imma biex magħhom jaqsam kliemu
u ħsibijietu. Allura min ikollu ħbiberija vera jkollu virtù[1].
San Tumas ta’ Akwinu jżomm dak li qal bosta snin qablu l-filosfu Griek u jżid
li l-ħbiberija hija virtù mogħti minn Alla lill-żewġ (jew aktar) ħlejjaq
imżejna bl-intelliġenza. Huwa jgħid jeżistu għadd ta’ ħbiberiji differenti. Jgħidilna wkoll li mhux kull
imħabba jixraqilha tissejjaħ ħbiberija imma dik biss li jkun fiha
l-benevolenza, cioè dik l-imħabba li tkun tixtieq il-ġid lill-ħaddieħor, dik
l-imħabba ta’ dak li jkun li jqis lil ħaddieħor bħalu nnifsu[2].
Għeluq
Kemm kitbiet, kemm kanzunetti, kemm films trattaw dan l-argument.
Dan kollu juri l-importanza tal-ħbiberija f’ ħajjitna. L-ebda bniedem ma jista’
jgħix mingħajr ħbiberija,. Dan huwa sentiment importanti, allura tajjeb wieħed
jibża’ għall-elementi ta’ dan is-sentiment, tajjeb wieħed jibża’ għall-ħbieb.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 20 ta' Lulju 2014
Nessun commento:
Posta un commento