Hawn min forsi jistaqsi x’ kelma hi din
“Netikett”. Hija neoloġiżmu, jew aħjar kelma ġdida li tgħaqqad żewġ kelmiet
flimkien. Mill-kelma Ingliża “network” u dik franċiża “etiquette” ħarġet
il-kelma “netiquette” li mbagħad bil-Malti ġieli rajtha miktubha “Netikett”. F’
kelma waħda din tfisser kif wieħed għandu jġib ruħu fuq l-internet. Huma sett
ta’ regoli li minkejja li ma huma marbuta mal-ebda liġi, jiddixxiplinaw
il-komportament ta’ dak li jkun qiegħed fuq l-internet.
Mill-Web 1.0 għall-Web 2.0
Social Media
Illum permezz tas-social media kulħadd jista’ jsemma’
leħnu. U la bdejna bil-kliem li forsi mhux kulħadd midħla tiegħu, allura nkomplu
sejrin. Nisimgħu wkoll bl-alfabetizazzjoni diġitali. Fi kliem ħafif din tfisser
li tkun taf tuża t-tekonoloġija moderna. Jaqbel li nkunu nafu nużawha għax
inkella nispiċċaw maqtugħin mir-realtà dinjija. Ma jfissirx li kulħadd għandu
l-istess kapaċitajiet fejn tidħol id-dinja diġitali, imma l-bażiku huwa
importanti li jkun jafu kulħadd, jew kważi kulħadd.
Il-media soċjali llum huma vasti
u nsibu social networking, micro blogging, photo sharing, audio jew video, search engines, live casting u aktar. Għażla bla qies ta’ media li tqarribna lejn
xulxin u tagħtina l-opportunità li nesprimu lilna nnifisna.
Beppe Grillo u Daphne Caruana Galizia
Daphne Caruana Galizia |
Malta wkoll għandna blogger li
fl-opinjoni tiegħi tmexxi l-aktar blog popolari f’ pajjiżna. Qiegħed ngħid għal
Daphne Caruana Galizia. Żgur li dan il-blog iżuruh eluf ta’ Maltin, min għax
jaqbel mal-kummenti li tħalli l-blogger, min għall-kurżità, min biex
jikkritika, min biex jikteb favur u min biex jikteb kontra. Taqbel jew ma
taqbilx ma’ Daphne, dlonk tinduna kemm din il-mara għarfet tuża it-teknoloġija
web 2.0. Wieħed ħabib tiegħi qalli li
ta’ kull filgħaxija jidħol fil-blog ta’
Caruana Galizia għax hemm ikun jaf mill-ewwel x’ ikun qed jiġri f’ Malta.
Nerġgħu għan-Netikett
Billi llum kulħadd jista’ jikteb
u jippubblika li jrid fuq l-internet hawn tidħol il-ħtieġa li nużaw
in-netikett. L-internet huwa lok pubbliku u għandu post għal kulħadd għalhekk
ħadd ma għandu jabbuża minnu, ħadd ma għandu dritt idejjaq lil ħaddieħor. Sfotunatament
ir-realtà hija wisq bogħod mill-etikett mitlub. Kemm kummenti bla sens,
kummenti baxxi, kattivi, mimlijin mibgħeda naqraw fuq is-social media! Kont
namministra pagna Facebook għalaqtha minħabba kummenti bla sens u mimlijin
mibgħeda minn xi persuni li bilkemm għadhom telqu jimxu. Kummenti li joħolqu
firda bejn żewġ għadqiet fl-istess parroċċa. U allura nistaqsi: fejn hu
n-netikett?
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon, 12 ta' Lulju 2014
Nessun commento:
Posta un commento