Jum it-Tifkira huwa anniversarju
internazzjonali ċċelebrat fis-27 ta’ Jannar ta’ kull sena bħala jum
b’kommemorazzjoni tal-vittmi tal-Olokawst imwettaq min-Nażiżmu matul it-Tieni
Gwerra Dinjija. Minn nofs is-seklu 20, it- terminu Olokawst beda jindika l-ġenoċidju
mwettqa mill-Ġermanja Nażista u l-alleati tagħha kontra l-Lhud tal-Ewropa . Din
kienet tikkonsisti fil-qtil ta’ bejn 5 u 6 miljun Lhudi, ta’ kull sess u età.
L-Olokawst bħala ġenoċidju tal-Lhud jissejjaħ ukoll ix- Shoah, kelma bl-Ebrajk li
tfisser katastrofi jew qerda. Huma paġni mill-aktar koroh fl-istorja tad-dinja,
imma sfortunatament hemm qegħdin u ħażin għad-dinja jekk tinsa jew tiċħad dak
li tabilħaqq seħħ.
Il-bidu
F’Settembru 1935, fil-Ġermanja
Nażista għaddew żewġ liġijiet separati, magħrufa bħala l-Liġijiet ta’ Nuremberg.
Dawn kienu l-Liġi taċ-Ċittadinanza tar-Reich u l-Liġi għall-Protezzjoni
tad-Demm u l-Unur Ġermaniż. Iż-żewġ liġijiet kienu espressjoni tat-teoriji
razzjali li fuqhom kienet ibbażata l-ideoloġija Nażista u servew biex joħolqu
l-ambjent legali għall-persekuzzjoni sistematika tal-Lhud fil-Ġermanja. Il-Liġijiet
ta' Nuremberg tħabbru minn Adolf Hitler fil-15 ta' Settembru, 1935. Dlonk
il-parlament Ġermaniż, imsejjaħ ir- Reichstag, magħmul kompletament minn
rappreżentanti Nażisti, approva dawn il-liġijiet. Il-Liġi taċ-Ċittadinanza
tar-Reich stabbiliet min kien meqjus bħala ċittadin Ġermaniż u min ma kienx,
kif ukoll min kien Lhudi u min ma kienx. In-Nażi ċaħdu l-idea tradizzjonali li
l-Lhud kienu membri ta’ komunità reliġjuża jew kulturali, u minflok argumentaw
li kienu razza speċifika, li tista’ tiġi definita biss mit-twelid. Ħafna Lhud
fil-Ġermanja kienu abbandunaw il-prattiċi u dehriet tradizzjonali tagħhom u
bdew jintegraw sewwa mal-bqija tas-soċjetà. Xi wħud ma baqgħux jipprattikaw il-Ġudajiżmu
u kienu saħansitra bdew jiċċelebraw il-festi Kristjani, speċjalment il-Milied,
flimkien mal-ġirien tagħhom mhux Lhud. Ħafna oħrajn kienu żżewġu Kristjani jew
ikkonvertew għall-Kristjaneżmu. Għalhekk dawn il-liġijiet kienu marbuta
mal-oriġina etnika tal-Lhud. Il-Liġi
għall-Ħarsien tad-Demm u l-Unur Ġermaniż, ipprojbixxiet iż-żwieġ bejn Lhud u
Ġermaniżi mhux Lhud u kkriminalizzat ir-relazzjonijiet barra ż-żwieġ bejniethom.
Qabel il-gwerra
Irnexxielhom jemigraw madwar
540,000 Lhudi, iżda ma’ kull okkupazzjoni li bdiet twettaq il-Ġermanja Nażista
in-numru ta' Lhud beda jikber u nazzjonijiet barranin ma setgħux jew ma ridux
jassorbu l-mewġa ta’ emigrazzjoni Lhudija mir-Reich. Lejlet il-gwerra,
is-soluzzjoni tal-emigrazzjoni dehret li falliet. Għalhekk twieldet l-idea li
jitwessa’ l-kunċett stess tad-deportazzjoni billi jiġu trasferiti bil-forza
Lhud Ġermaniżi f’post imbiegħed. Matul il-gwerra l-problema kompliet tmur
għall-agħar. L-invażjoni tal-Belġju, l-Olanda, Franza, id-Danimarka u
n-Norveġja kompliet żiedet in-numru ta’ Lhud li waqgħu f’idejn in-Nażisti.
L-għan ewlieni, jiġifieri li l-Ġermanja ssir "Judenfrei", kiber b'mod
drammatiku: issa kienet kwistjoni li l-Ewropa kollha ssir Judenfrei. Is-soluzzjoni ma setgħetx tkun aktar li l-Lhud jemigraw.
Għalhekk nibtet idea oħra: id-deportazzjoni tal-Lhud Ewropej lejn il-Lvant
billi tikkonċentrahom fit-territorji Pollakki okkupati. Il-ħolqien ta' gettos
kbar fil-Polonja dehret li kienet l-aħjar soluzzjon.
Kampijiet tal-mewt
Auschwitz |
Illum, infakkru Jum it-Tifkira tal-Olokawst
fl-anniversarju tal-ħelsien ta’ dan il-kamp. Niftakru fil-vittmi kollha
tal-Olokawst u l-persekuzzjoni Nażista ta’ gruppi oħra. Jum it-Tifkira għandu jservi għad-dinja kollha bħala riflessjoni
dwar dak li ġara lill-poplu Lhudi u lil dawk kollha deportati fil-kampijiet Nażisti.
Għandha tibqa’ f’moħħ il-bniedem il-memorja ta’ perjodu traġiku fl-istorja biex
ġrajjiet simili qatt ma jkunu jistgħu jerġgħu jseħħu.
Fil-qosor, biex ma ninsewx!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Jannar 2024
Nessun commento:
Posta un commento