sabato 3 febbraio 2024

Monte Cassino

 

Madwar 130 kilometru bogħod minn Ruma nsibu l-belt ta’ Cassino. Ma’ din il-belt insibu għolja li fuqha hemm mibni monasteru li għandu storja twila. Il-monasteru jew l-abbazija jissejjaħ Monte Cassino. Dan il-monasteru kien l-ewwel dar tal-irħieb, jew patrijiet Benedittini. Kien San Benedittu ta’ Norcia stess li waqqaf dan il-monasteru għall-ħabta tas-sena 529. Skont San Girgor il-Kbir, il-monasteru nbena fuq sit pagan antik li kien tempju ta’ alla Apollo li kien jinkuruna l-għolja. Kien hawn li Benedittu kiteb ir-regola tal-ordni tiegħu u hawn għadna nsibu l-fdalijiet tiegħu u ta’ oħtu Santa Skolastika. Il-membri tal-ordni ta’ San Benedittu propjament huma rħieb u mhux patrijiet, speċi ta’ patrijiet tal-klawsura.


Ftit storja

L-ewwel monasteru li kien hemm f’dan il-post kien attakkat mill-qawwiet Lombardi u l-irħieb kollhom iħallu darhom fis-sena 570. It-tieni monasteru twaqqaf minn Petronax ta’ Brescia madwar is-sena 718, fuq suġġeriment tal-Papa Girgor II u bl-appoġġ tad-Duka Lombard Romuald II ta’ Benevento. Fis-sena 883, il-monasteru ġie attakkat mill-ġdid din id-darba mis-Saraċini u reġa’ ġie abbandunat. Il-komunità tal-irħieb kienet tgħix l-ewwel f’Teano u mbagħad mis-sena 914 f’Capua qabel ma nbena mill-ġdid il-monasteru fl-949. Is-sekli XI u XII kienu l-età tad-deheb tal-abbazija. Hija akkwistat territorju kbir madwar Monte Cassino, l-hekk imsejħa Terra Sancti Benedicti "L-Art ta' San Benedittu", art li kienet tinħadem mill-irħieb. Il-binjiet tal-monasteru nqerdu minn terremot fl-1349 u fl-1369 il-Papa Urbanu V talab kontribuzzjoni mill-monasteri Benedittini kollha biex jiffinanzja l-bini mill-ġdid ta’ din l-abbazija. Fl-1799, il-membri tal-monasteru ta’ Monte Cassino reġgħu ġew mkeċċin mit-truppi Franċiżi matul il-Gwerer Rivoluzzjonarji Franċiżi. Aktar tard l-abbazija ġiet magħluqa mill-gvern Taljan fl-1866. Il-bini sar monument nazzjonali bil-patrijiet tagħha jkunu bħala kustodji tat-teżori tagħha. Fl-1944 matul it-Tieni Gwerra Dinjija, dan il-monasteru kien il-post tal- Battalja ta' Monte Cassino u l-bini nqered mill-bumbardamenti tal-Alleati. L-abbazija nbniet mill-ġdid wara l-gwerra. Fi ftit kliem din l-abbazija għandha storja tassew interessanti u twila, imżewqa bi żmien sabiħ u żminijiet inqas sbieħ.

Il-battalja

Il-Battalja ta' Monte Cassino, magħrufa wkoll bħala l-Battalja għal Ruma, kienet sensiela ta' erba' attakki militari mill-Alleati kontra l-forzi Ġermaniżi fl- Italja matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Attakki ripetuti tal-Ġermaniżi fuq it-truppi alleati wasslu biex il-mexxejja tagħhom jikkonkludu b'mod żbaljat li l-abbazija kienet qed tintuża mill-Ġermaniżi bħala post ta' osservazzjoni. Għalhekk seħħew dawn l-attakki. Fil-15 ta’ Frar 1944, l-Alleati tefgħu 1,400 tunnellata ta’ bombi fuq il-monasteru. Dawn ikkawżaw ħsarat kbar fil-bini tal-abbazija. Madankollu, matul il-bumbardament l-ebda truppi Ġermaniżi ma kienu preżenti fl-abbazija. Investigazzjonijiet li saru wara sabu li l-uniċi nies li nqatlu fil-monasteru mill-bumbardament kienu 230 ċivili Taljan li kienu qed ifittxu kenn hemmhekk.

L-abbazija reġgħet inbniet wara l-gwerra. Fil-bidu tas-snin 50, il-President tar-Repubblika Taljan Luigi Einaudi ta l-appoġġ tiegħu għall-bini mill-ġdid tal-monasteru u l-Papa Pawlu VI kkonsagra l-Bażilika mibnija mill-ġdid fl-24 ta’ Ottubru 1964.

Ġmiel

Meta wieħed iżur din l-abbazija, l-ewwel ħaġa li jinnota huwa s-skiet u l-paċi li hemm. Fil-binja hemm ħames kjostri li minnhom wieħed jista’ jittawwal u jara xenarju “tal-kartolini.” Biss l-isbaħ post li wieħed jista’ jżur hija l-bażilika. Mużajk sabiħ, affreski, u rħam interzjat iżejnu lil din il-knisja. Interessanti wkoll il-kor skulturat wara l-artal maġġur. Taħt il-knisja hemm il-kripta tas-seklu XVI, imżejna b'mod għani bil-mużajk, bil-qabar tal-Qaddisin Benedittu u Skolastika. Wieħed jista’ wkoll iżur il-mużew tal-abbazija. Ġewwa l-mużew, dak li jkun jista’ jagħti ħarsa tajba lejn l-istorja tal-abbazija kif ukoll isib informazzjoni dwar il-ħajja monastika. L-oġġetti li hemm għall-wiri fil-mużew imorru lura sas-VI seklu qabel Kristu u nsibu wkoll oġġetti tas-seklu XX. Għall-wiri hemm biċċiet tal-abbazija l-qadima, antikitajiet misjuba waqt l-iskavi ħdejn il-monasteru, manuskritti antiki, stampi, ilbies reliġjuż u pitturi medjevali. Ma jistax jonqs li jkun hemm sezzjoni dwar it-Tieni Gwerra Dinjija.

Ora et Labora

L-irħieb Benedittini għandhom il-motto “Ora et Labora”, jiġifieri Talb u Xogħol. Il-membri ta’ dan il-monasteru għadhom sal-lum jimxu ma’ dan il-motto u jipproduċu xi xorb kif ukoll xi ħelu li mbagħad jinbiegħu minn ħanut li hemm f’wieħed mill-kjostri. Flimkien ma’ dawn il-prodotti wieħed isib jixtri xi tifkira tal-monasteru kif ukoll kotba u ikoni, xi wħud minnhom magħmulin mill-irħieb tal-abbazija stess. Dan il-ħanut jgħin biex tkun tista’ tibqa’ miexja l-komunità ta’ Monte Cassino, komunità li darba kienet tiġbor fiha mijiet ta’ rħieb iżda llum hija ta’ ftit aktar minn għaxar membri.

Illum ħadtkom f’post mill-isbaħ li mhux faċli tiddeskrivi l-ġmiel tiegħu bil-kitba. Trid tara biex temmen, biss jiena ppruvajt nagħtikom ħjiel ċkejken ta’ dak li hemm f’dan il-post mimli storja, arti u sliem!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Frar 2024



Nessun commento:

Posta un commento