Kemm-il darba wara li jkun għadda
l-jum, inħarsu lura lejn dak li nkunu għamilna dakinhar u nħossu li ma
għamilniex dak kollu li kellna f’moħħna li nagħmlu u madanakollu nħossuna
għajjenin. Kemm-il darba noqgħodu naħsbu u ngħidu kemm qabel konna nagħmlu aktar
xogħol milli qed nagħmlu llum. Kemm-il darba nħossuna għajjenin mentalment waqt
li fiżikament inkunu għadna nħossuna tajjeb. Ħafna drabi dan kollu jiġrilna
għax inkun mgħobbijin bix-xogħol. Dan ma jfissirx li nkunu dħalna f’dippressjoni
imma aktarx li nkunu dħalna f’eżawriment, għejja mentali. Dippressjoni u
eżawriment huma żewġ kondizzjonijiet differenti għal kollox u jridu trattament
differenti. L-istess sitwazzjoni tista’ ma taffettwax lil persuna filwaqt li
twassal għal eżawriment lil persuna oħra.
Il-psikoloġi jgħidulna li dak li
jissejjaħ burnout huwa sintomu marbut ma' stress relatat max-xogħol, li jwassal
lill-individwu għall-eżawriment tar-riżorsi psikoloġiċi jew fiżiċi tiegħu u
jistgħu jwasslu għal manifestazzjoni ta' sintomi psikoloġiċi negattivi bħal
ngħidu aħna apatija f’dak li dak li jkun qabel kien jagħmel b’entużjażmu kbir,
nervożiżmu għal kull ħaġa ta’ xejn, anzjetà f’sitwazzjonijiet li normalment dak
li jkun jibqa’ kalm, demoralizzazzjoni u nuqqas ta’ ħeġġa fix-xogħol li qabel
kien isir mill-qalb. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jwasslu għal problemi
fiżiċi bħalma huma wġigħ ta’ ras, disturbi fl-irqad, disturbi fl-ikel u oħrajn.
Waħda mill-aktar riċerkaturi awtorevoli dwar dan is-suġġett, Christina Maslach,
tiddefinixxi l-burnout bħala
"sindromu psikoloġiku li joħroġ bħala rispons fit-tul għal stress
interpersonali fuq il-post tax-xogħol." Biss hawn tajjeb ngħidu li din
il-kondizzjoni ma hijiex marda. Kif tissuġġerixxi l-Organizzazzjoni Dinjija
tas-Saħħa (WHO), il-burnout huwa stat ta’ stress kroniku relatat max-xogħol
ikkaratterizzat mis-sensazzjoni ta' eżawriment sħiħ tal-enerġija fiżika u
mentali.
Tliet aspetti
Hemm tliet aspetti ewlenin li
jikkaratterizzaw is-sindromu tal-burnout: Nies fil-burnout iħossuhom emozzjonalment
eżawriti, li ma jistgħux ilaħħqu mat-talbiet tax-xogħol, għajjien u qalbhom
maqtugħa, u jħossu li m'għandhomx biżżejjed enerġija. Dawn in-nies iħossuhom
batuti u ma jistgħux jerġgħu jiksbu l-enerġija biex jibdew proġetti ġodda ta’
xogħol. Nies li qed jesperjenzaw burnout jaraw ix-xogħol tagħhom bħala dejjem
aktar stressanti u frustranti. Jistgħu jibdew ikunu ċiniċi lejn il-kollegi jew
lejn ir-riċevituri tax-xogħol tagħhom. Fl-istess ħin, jibdew jitbiegħdu
emozzjonalment u juru nuqqas fl-impenn għax-xogħol. Il-burnout inaqqas il-prestazzjoni
tax-xogħol u jnaqqas il-motivazzjoni, il-konċentrazzjoni u l-kreattività. Hekk
kif il-prestazzjoni tax-xogħol tonqos, in-nies iħossuhom dejjem aktar megħlub
minn talbiet għal xogħolhom u jħossu li ma jistgħux jirrispondu b'mod adegwat
għal dak li jitlob ix-xogħol tagħhom. Il-persuna titlef il-fiduċja
fil-kapaċitajiet tagħha.
Fl-akbar riskju
Min jinsab fl-akbar riskju ta’ burnout? Mistoqsija
tajba!
Fost il-fatturi li jwasslu għal din
is-sitwazzjoni nsibu piż ta' xogħol eċċessiv u twil, sens baxx ta’ appartenenza
għall-organizzazzjoni, tensjonijiet bejn il-kollegi u klima ta’ tensjoni fuq il-post
tax-xogħol, Insigurtà tax-xogħol jew nuqqas ta' rikonoxximent għax-xogħol ta’
dak li jkun, xogħol monotonu, ripetittiv jew xogħol mingħajr sfidi u għanijiet,
ambjent tax-xogħol kaotiku jew pressjoni ta' xogħol eċċessiva u oħrajn.
Il-każ taż-Żurrieq
Ftit ilu Malta xegħlet bil-każ fejn saċerdot
ġibed l-attenzjoni dwar xi nuqqasijiet li kien qed iħoss li qed isiru waqt
il-quddies. Huwa qal li meta jqaddes hu jkun qed jippresiedi – u għandu raġun
għax tabilħaqq huwa hekk. Kien hemm min
daħaq, kien hemm min lagħabha tad-dejjaq u skandalizza ruħu imma ħafna oħrajn
urew simpatija u solidarjetà ma’ dan is-saċerdot. Jista’ jkun dan kien każ ta’ burnout?
Għandu mnejn kemm-il darba dan is-saċerdot twajjeb ġibed l-attenzjoni u kliemu
waqa’ fuq widnejn torox? Ma rridx nidħol fil-każ imma rrid inġib eżempju. Jiena
bħala saċerdot ġieli ħassejtni bħalu, noħroġ inqaddes u nħossni qisni mhux jien
qed immexxi, inħossni qisni abbati aktar milli saċerdot, allura nifhem sew x’sentiment
ħass dak is-saċerdot Żurrieqi biex tkellem kif tkellem.
F’kull qasam ta’ xogħol hemm ir-riskju ta’
burnout, ta’ eżawriment li ħafna drabi jwassal għal atti mhux mixtieq. Għahekk
tajjeb nieħdu ħsieb xulxin.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Frar 2024
Nessun commento:
Posta un commento