Spiss nisimgħu bl-għoli
tal-ħajja, kemm familji jissieltu biex ilaħħqu mal-ħajja u biex jaraw li
uliedhom ma jkun jonqoshom xejn. Spiss naqraw li prodott għola mil-lum għal
għada u ħafna drabi nsibu ruħna aħna stess f’qagħda bħal din. Immorru nixtru u
nindunaw li dak li konna nixtri sena ilu llum irridu nħallsu għalih aktar. Mhux
qed ngħid li dawn l-argumenti huma gideb jew esegerati, imma ejjew inkunu
sinċiera magħna nfusna, bosta minna jeħlu u l-ħela minbarra li hija serq lil
min ma għandux, għandha wkoll prezz x’jitħallas. Biss imbagħad illum sar
għandna ħtiġijiet li forsi sa ftit snin ilu konna narawhom ħela jew lussu
żejjed.
Ħela?
Dan kien eżempju wieħed biss ta’
ħela, imma jekk noqgħodu naħsbu ftit ma ndumux wisq ma nindunaw kemm naħlu.
Kemm-il darba nħallu dawl mixgħul f’kamra bla nies fiha? Kemm il-televixin jibqa’
jagħti meta quddiemu ma jkun hemm ħadd? Kemm nużaw il-karozza għal vjaġġ li
jista’ jsir bil-mixi? Nista’ nibqa’ sejjer bl-eżempji, imma aħjar nieqaf hawn.
Kulħadd għandu moħħ u kulħadd jista’ jaħseb hu stess kemm jaħli.
Riklamar
Ninsabu f’dinja li timexxa
mir-reklami. Kull fejn iddawwa wiċċek tara xi reklam: fuq il-mezzi tal-media
soċjali, fuq it-televixin, fit-toroq tagħna, fil-gazzetti u l-magazines li
naqraw. Kullimkien. Issa l-iskop tar-reklam huwa li inti tħossok fil-bżonn ta’
dik il-ħaġa li qed tiġi rreklamata meta fil-verità mhux veru jkollok bżonnha.
Dan huwa l-bażi tar-reklamar. Aktar ma jirnexxielek tikkonvinċi nies li
għandhom bżonn l-oġġett li qed tirreklama, aktar ikun reklam tajjeb u li jirrendi.
Ħtiġijiet
Bħalma semmejt fil-bidu, illum
għandna ċerti bżonnijiet li qabel jew ma kinux jeżistu jew kienu lussu. Illum
mhix ħela li f’dar ikollok computer u dan għandu bżonn l-internet. It-telefon
ċellulari ħa post it-telefon tad-dar u għalhekk ma jitqiesx bħala lussu jew
ħela. Is-sistema tal-arja kkondizzjonata ma għadhiex xi ħaġa “tas-sinjuri” –
illum anke l-karozzi tal-linja għandhom din is-sistema aħseb u ara djarna. Li
familja jkollha karozza kienet normali sa ftit snin ilu, imma llum kull membru
tal-familja għandu l-karozza tiegħu, imma dan lussu żejjed? U nistgħu nibqgħu
nsemmu numru ta’ ħtiġijiet li qabel kienu żejda. Kull bżonn għandu l-prezz
tiegħu ukoll u kollox irid jitnaqqas mill-paga.
Wieħed irid ikun bil-għaqal biex
jagħraf jixtri l-meħtieġ bla ma jeħli. Il-ħela hija dejjem ħażina. Ma jfissirx
li xi kultant wieħed ma għandux jagħmel xi kapriċċ. Kapriċċ ta’ kultant huwa
ħtieġa biex il-ħajja ma ssirx monotona imma jekk il-kapriċċ isir ħaġa ta’
kuljum allura hawn huwa fejn tidħol il-ħela. L-għaqal huwa ċ-ċavetta ta’
kollox.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' Frar 2024
Nessun commento:
Posta un commento