sabato 2 marzo 2024

Marzu x-xahar ta’ San Ġużepp

 

Sa ftit għexieren ta’ snin ilu l-Maltin kienu aktar marbutin mal-Knisja u nistgħu ngħidu li kollox kien idur sal-kalendarju tal-Knisja; il-ħlas tal-qbiela tal-art, iż-żriegħ ta’ prodotti agrikoli, il-kaċċa, id-divertiment u elf ħaġa oħra. Saħansitra x-xhur kienu marbutin mal-qaddisin. Niftakar lill-bużnanna tiegħi li x-xhur kienet tafhom b’isem il-qaddisin u mhux b’isimhom stess, hekk Jannar kien ix-xahar tal-istrina, Frar ta’ San Pawl u Marzu ta’ San Ġużepp. Illum nixtieq naqsam magħkom xi ħsibijiet dwar id-devozzjoni lejn San Ġużepp. L-oriġini ta’ din id-devozzjoni hija marbuta mal-pubblikazzjoni ta’ diversi kotba li ltaqgħu tajjeb ħafna mill-fidili, ħerqana li jsiru  jafu aktar u jonoraw lil San Ġużepp, speċjalment bi tħejjija għall-festa tiegħu fid-19 ta’ Marzu.

Devozzjoni

Id-devozzjoni lejn San Ġużepp fix-xahar ta’ Marzu definittivament kibret u kompliet tinxtered meta l-Papa Ljun XIII  ħareġ l-Enċiklika  Quamquam pluries  nhar il-15 ta’ Awwissu 1889. Din il-kitba tal-Papa hija ddedikata lid-devozzjoni lejn ir-raġel ta’ Marija. Dan l-istess Papa daħħal id-drawwa li matul ix-xahar ta’ Ottubru wara r-reċita tar-Rużarju tingħad it-talba lil San Ġużepp: “O Mqaddes Ġużeppi fil-hemm li fih ninsabu …..”  Il-Papa żied nota partikolari: “F’xi postijiet, barra minn hekk, stabbiliet ruħha d-drawwa ta’ min ifaħħarha u li hija b’saħħitha, li l-komunità tiddedika x-xahar ta’ Marzu ad unur tal-qaddis Patrijarka b’eżerċizzji ta’ ħniena ta’ kuljum. Fejn din il-prattika ma tistax tiġi stabbilita, huwa għall-inqas mixtieq li qabel il-jum tal-festa tiegħu jsir tridu ta’ talb fil-knisja prinċipali tal-post.” Fil-25 ta’ Lulju 1920, fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju mill-proklamazzjoni ta’ San Ġużepp bħala patrun tal-Knisja universali, Papa Benedittu XV,  ħareġ Motu proprio bl-isem  Bonum sane fejn talab lill-isqfijiet kollha tad-dinja sabiex ifittxu l-għajnuna u jitolbu lil San Ġużepp. Barra minn hekk kiteb ukoll: “Peress li hemm diversi modi approvati minn din is-Sede Appostolika, li bihom jista’ jiġi meqjum il-Patrijarka Mqaddes, speċjalment kull nhar ta’ Erbgħa matul is-sena u fix-xahar kollu proprju tiegħu, irridu li, fuq talba ta’ kull isqof, dawn id-devozzjonijiet kollha, kemm jista’ jkun, tiġi pprattikata f’kull djoċesi.” 

Erbgħat f’ġieħ San Ġużepp

Rigward l-għażla tal-Erbgħa bħala jum ta’ San Ġużepp, insibu tagħrif fil-ktieb ta’ Patri Tarcisio Stramare bl-isem: San Giuseppe: Dignità, privilegi, devozioni. Skont dan il-kittieb fil-Knisja, għall-inqas sa nofs is-seklu XVII, kien hemm id-drawwa li s-Sibt jitqies bħala l-aktar jum xieraq tal-ġimgħa biex jonora lil San Ġużepp, minħabba li f’dak il-jum issir it-tifkira ta’ Marija u Ġużeppi huwa l-Gwardjan ta’ Marija. Biss lejn l-aħħar tas-seklu XVII, l-Erbgħa ħa post is-Sibt u din id-devozzjoni żdieded ħafna fis-sekli XIX u XX. Skont ir-rikostruzzjoni ta' Patri Stramare d-devozzjoni tal-Erbgħa bdiet b'sensiela ta' ġrajjiet li jduru madwar l-ordni tal-Karmelitani Skalzi. Fl-1695 Papa Innoċenz III kien l-ewwel wieħed li ta l-indulġenzi lill-membri tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp li nhar  ta’ Erbgħa jżuru l-knisja tal-Karmelitani Skalzi fi Brussell. Fl-1745, Benedittu XIV ta permess lil xi ordnijiet reliġjużi li jiċċelebraw quddiesa votiva ad unur San Ġużepp kull nhar ta’ Erbgħa. Hekk bdiet id-devozzjoni li jsiru s-seba’ Erbgħat ta’ San Ġużepp, devozzjoni li nsibuha f’pajjiżna wkoll.

Id-Devozzjoni f’Malta

Id-devozzjoni lejn San Ġużepp hija mifruxa ma’ kull rokna tal-gżejjer Maltin. Insibu knejjes parrokkjali ddedikati lilu. Wwara l-Madonna dan huwa l-qaddis li l-aktar għandu parroċċi għalih f’pajjiżna. Dawn jinsabu fl-Imsida, knisja li ħadet f’idejha l-parroċċa minnflok il-kappella tal-Kunċizzjoni fl-1889, il-Kalkara li saret parroċċa fl-1897, f’Birkirkara imwaqqfa parroċċa f’ġieħ San Ġużepp Ħaddiem fl-1973, fil-Manikata li saret parroċċa fl-1975 u fil-Qala Għawdex li twaqqfet bħala parroċċa fl-1872, biss il-knisja ddedikata lil San Ġużepp bdiet tinbena 10 snin wara.  Kważi f’kull knisja f’dawn il-gżejjer insibu xi artal jew statwa jew saħansitra fratellanza li huma ddedikati li San Ġużepp. Isiru bosta festi jew minn knejjes tar-reliġjużi jew festi sekondarji minn parroċċi f’ġieħ dan il-qaddis. Insibu wkoll numru mdaqqas ta’ kappelli ddedikati lir-raġel ta’ Marija madwar Malta kif ukoll numru kbir ta’ niċeċ bi statwi ta’ San Ġużepp fihom fit-toroq tal-irħula u l-bliet tagħna. Tajjeb insemmu li minkejja li madwar id-dinja ma tantx huwa komuni li nsibu xbihat ta’ San Ġużepp inkurunat, f’pajjiżna nsibu tnejn, statwa fir-Rabat ta’ Malta meqjuma fil-knisja tal-Patrijiet Franġiskani, magħrufin bħala Ta’ Ġieżu, liema statwa hija wkoll magħrufa bħala “San Ġużepp ix-xiħ” u l-kwadru titulari tal-parroċċa tal-Qala Għawdex.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar iddedikat lil San Ġużepp ħassejt li kien xieraq ngħidu xi ħaġa dwar dan il-qaddis ġust u sieket li ftit li xejn nafu dwaru imma li għandu devozzjoni qawwija madwar id-dinja Kattolika kollha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Marzu 2024



Nessun commento:

Posta un commento