Issa li l-jiem għeżież tal-Ġimgħa
Mqaddsa resqin sewwa, nibdew nisimgħu spiss ir-rakkont tal-passjoni u l-mewt
ta’ Kristu. Personaġġ li għandu sehem importanti minn din il-ġrajja, anke jekk
f’sens negattiv, huwa Ġuda imlaqqam l-Iskarjota. Nafuh bħala dak li kien
magħżul bħala appostlu minn Ġesù nnifsu imma mbagħad biegħu għal tletin biċċa
tal-fidda. Minkejja l-prospettiva negattiva ta’ dan il-bniedem, huwa kien ta’
ispirazzjoni għal bosta artisti li tawna x-xbieha tiegħu fl-opri tagħhom. Tajjeb
inkunu nafu xi ħaġa dwaru.
L-isem
L-isem Ġuda ġej mill-isem Ebrajk Yehudah
li huwa mnissel min-nom yadah li
jfisser "tifħir". Għalhekk it-tifsira tal-isem hija “l-imfaħħar”
sorsi oħra jinterpretawh minflok bħala "l- iljun". L-isem Ġuda kien
isem ta’ diversi rġiel fil-Bibbja. Insibu l-ewwel nett lil Ġuda, ir-raba’
mit-tnax-il iben ta’ Ġakobb u Lija, kap tat- tribù tal-istess isem, li tajjeb
ngħidu li minnu kienu jagħmlu parti David u Ġesù. Dan Ġuda waqqaf saltna u għal
ismu ssemmiet il-Ġudea u minnu ħa l-isem ukoll tal-fidi tal-Lhud, imsejjaħ Ġudaiżmu.
Għal darba oħra fit- Testment il-Qadim dan l-isem kien iġorru wkoll Ġuda l-Makkabew,
wieħed mill-mexxejja tar-rewwixta tal-Lhud kontra Selewku, Sultan tal-Asja. Fit-Testment
il-Ġdid dan l-isem insibuh imniżżel mhux ħażin imma forsi l-aktar popolari huma
tnejn mid-dixxipli ta’ Ġesù, Ġuda Taddew u Ġuda l-Iskarjota, li semmejna diġà.
Dan tal-aħħar huwa magħruf sew għax kien it-traditur ta’ Ġesù, li biegħu lill-qassisin
il-kbar għal tletin dinar. Ir-reputazzjoni ħażina ta’ dan il-karattru żammet
l-isem milli jidħol fl-użu komuni f’diversi lingwi. Il-forma femminili ta’ dan
l-isem huwa Ġuditta. Mela la semmejna l-Bibbja tajjeb ngħidu fit-Testment
il-Qadim insibu l-ktieb ta’ Ġuditta, fejn insibu li din il-mara qatlet lil
Oloferne.
L-istatwa tal-Bewsa ta' Ġuda - Ħal Qormi |
Intant ejjew naraw ftit x’nafu
dwar dak li tradixxa lil Ġesù. Nafu li wara t-tradiment huwa nidem u xtaq
ireġġa kollox lura, imma kien tard wisq. Aktarx li b’disprament fuqu huwa mar
tgħallaq. Il-mewt ta’ Ġuda hija mniżżla fit-Testment il-Ġdid fl-Evanġelju skont
San Mattew u fl-Atti tal-Appostli ta’ San Luqa. Iż-żewġ verżjonijiet huma
differenti u ma jaqblux ma’ xulxin. Fl-Atti ma nsibux li Ġuda mar tgħallaq imma
miet meta żelaq u qasam rasu fl-għalqa li kien xtara bil-flus li kien kiseb
meta tradixxa lill-imgħallem tiegħu Ġesù. Skont ħafna teologi Kristjani,
l-awturi jipprovdu qari teoloġiku tal-ġrajja, aktar milli rakkont storiku
dettaljat, għalhekk miet kif miet ma jibdel xejn mill-ġrajja tat-tradiment.
Nuqqas ta’ qbil ieħor f’dawn iż-żewġ rakkonti huwa dwar l-għalqa imsejħa
“Tad-demm” fejn Mattew jgħid li xtrawha l-Qassisin il-Kbar bil-flus li Ġuda
l-Iskarjota xeħtilhom lura wara li biegħu u Luqa jgħid li Ġuda xtara l-għalqa
“Tad-demm” bil-flus li tawh il-Qassisin il-Kbar.
Ġuda l-Iskarjota huwa
l-protagonist tal-Evanġelju ta’ Ġuda , evanġelju apokrafu (jiġifieri ma
jagħmilx parti mill-Bibbja, għalhekk ma huwiex il-Kelma ta’ Alla) miktub bil-lingwa
Griega datat bejn is-snin 130 u 170. F’din ix-xogħol, it-tradiment tal-appostlu
huwa mpinġi bħala att ta’ ubbidjenza u peress li s-sagrifiċċju tal-ġisem ta’ Ġesù
huwa ċ-ċavetta għall-fidwa, Ġuda f’dan l-evanġelju huwa meqjus bħala eroj, li
jispiċċa jkun l-għira ta’ bosta. F’dan l-evanġelju, Ġuda jmut
imħaġġar mill-appostli l-oħra.
Fl-arti
Fl-arti Ġuda l-Iskarjota kien ta’
ispirazzjoni għal bosta artisti. Jekk xejn huwa jidher f’kull opra artisitka
tal-aħħar ċena. Xena oħra li turi lil dan il-bniedem hija l-bewsa li biha
tradixxa lil Kristu. Fost l-aktar popolari nsibu l-pittura ta’ Giotto. Hemm
imbagħad xi artisti oħra li juruh imgħallaq ma’ siġra.
Il-Bewsa ta' Ġuda - Giotto |
F’Malta nsibuh f’xi wħud
mis-settijiet tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Sal-bidu tas-seklu għoxrin ix-xbieha
ta’ Ġuda t-traditur ma kinitx tidher fil-knejjes tagħha. Kienu l-Qriema li
l-ewwel daħħlu l-istatwa ta’ Ġuda qed ibus lil Kristu fil-purċissjoni tagħhom
għall-ħabta tas-sena 1907. Illum f’din il-purċissjoni Ġuda jidher ukoll
fil-vara tal-aħħar ċena. Ġuda baqa’ jidher biss f’Ħal qormi għal bosta snin
għax it-tieni statwa tiegħu saret għaż-Żejtun fl-1961. Din taż-Żejtun hija
kopja ta’ dik tal-irħam li nsibu f’Ruma, sewwasew fejn hemm l-Iscala Santa.
Minbarra f’dawn iż-żewġ irħula llum insibu l-istatwa tal-Bewsa ta’ Ġuda
fil-Mosta, fin-Naxxar, Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat Malta, Bormla, Ħal Luqa, Raħal Ġdid
u x-Xagħra Għawdex. Fiż-Żebbuġ Għawdex imbagħad insibu lil Ġuda l-Iskarjota
fil-vara tal-aħħar ċena.
Illum rajna ftit dan il-personaġġ
li nistgħu ngħidu li huwa kontoversajali u li ħadd ma jieħu gost ikun imxebbah
miegħu imma huwa wkoll personaġġ importanti fil-ġrajja tal-passjoni u l-mewt
ta’ Ġesù. Minkejja kollox lanqas nistgħu ngħidu li huwa personaġġ minsi għax
kif rajna huwa wkoll popolari fis-settijiet tal-vari tal-Ġimgha l-Kbira f’Malta
u Għawdex.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Marzu 2024
Nessun commento:
Posta un commento