sabato 23 marzo 2024

It-Triq tas-Salib

 

Lourdes
Ninsabu resqin lejn il-Ġimgħa Mqaddsa. Waħda mill-aktar devozzjonijiet popolari fi ħdan il-Knisja hija t-talba li xi wħud isejħu l-Via Sagra jew il-Via Crucis li fil-verità tfisser “It-triq tas-salib” li minnha għadda Kristu minn xħin ingħata l-kundanna tal-mewt permezz tat-tislib sakemm tnizżżel minn fuq is-salib u kien midfun. Tradizzjonalment dawn huma erbatax-il waqt li minnhom għadda Kristu fl-aħħar waqtiet tiegħu fid-dinja. Illum qed insibu il-ħmistax-il stazzjon li jfakkar il-qawmiet mill-mewt ta’ Ġesù għax l-istorja tal-passjoni ma ntemmitx bil-mewt imma kompliet bil-qawmien mill-imwiet. Għalkemm xi stazzjonijiet ma nsibuhomx miktubin fl-evanġelji, dawn illum daħlu fl-istorja tal-passjoni.

Id-devozzjoni lejn it-triq tas-salib bdiet fost il-pellegrini li kienu jżuru Ġerusalemm u jimxu fl-istess toroq li minnhom għadda Kristu fi triqtu lejn il-Golgota. Din id-devozzjoni bdiet tinfirex fost l-Insara fil-Knisja kollha u minħabba li Ġerusalemm mhux dejjem kien post sikur li wieħed iżur, bdew jitpoġġew xbihat li juru l-istazzjonijiet tal-Via Crucis fil-knejjes. Bejn is-sekli XII u XV din id-devozzjoni dahlet fid-dinja Kristjana kollha.

Il-bidu tat-triq 

Fatima
Illum insibu li l-ewwel stazzjon tal-Via Sagra hija l-kundanna ta’ Kristu għall-mewt, imma mhux dejjem kien hekk. Fil-bidu kien hemm aktar minn verżjoni waħda bħala bidu ta’ din it-talba. L-istoriċi jirrappurtaw mill-inqas erba’ episodji differenti, magħżula bħala l-ewwel stazzjon. Kien hemm min jibda l-Via Sagra bit-tislima ta’ Ġesù lil ommu Marija – Ġesù jsellem lil ommu qabel jibda l-agonija tiegħu, biss dan l-istazzjon jidher li ma kienx wisq popolari u ma damx ma għeb għal kollox. Kien hemm imbagħad żmien li din it-talba tibda bil-ħasil tar-riġlejn waqt l-Aħħar Ċena. Dan l-istazzjon sar popolari ħafna fis-seklu XVII imma ntemm ukoll. Bidu ieħor li wkoll kien popolari fis-seklu XVII kien l-agonija ta’ Ġesù fil-ġnien taż-żebbuġ. Din il-forma ta’ Via Crucis kienet iqsar minn l-oħrajn u kienet timmedita biss dak li wieħed jista’ jsib miktub fl-evanġelji. Imbagħad kien hemm forma oħra ta’ bidu li kienet il-kundanna ta’ Ġesù fil-pretorju ta’ Pilatu. Nistgħu ngħidu li din kienet l-eqdem forma ta’ bidu ta’ din id-devozzjoni u sal-lum għadha tintużab bħala l-ewwel stazzjon.

Is-suġġett tal-istazzjonijiet l-oħra kollha kien varjat ukoll. Fis-seklu XV kienet għadha tirrenja diversità kbira fl-għażla tal-istazzjonijiet, fin-numru u l-ordni tagħhom. Fid-diversi skemi tal-Via Crucis kien hemm stazzjonijiet bħalma huma l-qbid ta’ Ġesù fil-Ġetsemani, iċ-ċaħda ta’ Pietru, il-flagellazzjoni, l-akkużi malafamanti f’dar Kajfa, Kristu fil-palazz ta’ Erodi, u xi waqtiet oħra li llum ma jidhrux f’din it-talba.

Il-forma tradizzjonali 

Medjugorje

Il- Via Crucis fil-forma attwali tagħha, bl-istess erbatax-il stazzjon fl-istess ordni, kellha l-bidu tagħha fi Spanja fl-ewwel nofs tas-seklu XV, speċjalment fl-ambjenti Franġiskani. Mill-peniżola Iberika għaddiet l-ewwel għal Sardinja, li dak iż-żmien kienet taqa’ taħt il-ħakma tal-kuruna Spanjola u mbagħad minn hemm għaddiet għall-peniżola Taljana. Hawnhek San Leonardo da Porto Maurizio, patri Franġiskan, xerred ħafna din id-devozzjoni.  Hu personalment waqqaf madwar 572 Via Crucis f’postijiet diversi. Maż-żmien din il-forma daħlet fid-dinja Kristjana kollha kif għadna nsibuha sal-lum il-ġurnata.

Varjazzjoniji

Mill-1991 il-Papa beda jmur il-Kolossew nhar il-Ġimgħa l-Kbira biex flimkien ma’ eluf ta’ pellegrini minn madwar id-dinja kollha jitlob din it-talba devozzjonali fil-jum li fih il-Knisja Kattolika tkun qed tfakkar il-passjoni ta’ Kristu. Din il-Via Crucis għandha stazzjonijiet varji minn dik tradizzjonali u tissejjaħ Via Crucis biblika. Il-Via Crucis biblika ma tinkludix l-istazzjonijiet mingħajr referenza biblika preċiża, bħalma huma t-tliet waqgħat tal-Mulej, jiġifieri it-tielet, il-ħames u s-seba’ stazzjon, il-laqgħa ta’ Ġesù mal-Omm, ir-raba’ stazzjon u l-laqgħa mal-Veronika, is-sitt stazzjon. Minflok hemm stazzjonijiet oħra bħall-agunija ta’ Ġesù fil-Ġnien taż-Żebbuġ, li jsir l-ewwel stazzjon, il-ġudizzju inġust ta’ Pilatu, fil-ħames stazzjon, il-wegħda tal-ġenna lill-ħalliel it-tajjeb, il-ħdax-il stazzjon, il-preżenza ta’ Marija Omm Ġesù u d-Dixxiplu Ġwanni taħt is-Salib li ssir bħala t-tlettax-il stazzjon. Kif wieħed jista’ jara, dawn huma episodji ta’ importanza salvifika kbira u ta’ sinifikat teoloġiku sinifikanti fid-drama tal-passjoni ta’ Kristu.

Via Sagra famużi 

Ta' Pinu
Aħna l-Maltin inħobbu nsiefru u nżuru xi postijiet marbutin mal-fidi tagħna. Immorru pellegrinaġġi u minbarra li nżuru pajjiż barrani nagħqdu dawn il-jiem mal-ispiritwalità. F’postijiet bħal dawn insibu spiss il-Via Sagra. Hekk ngħidu għal Lourdes fejn hemm Via Sagra bi xbihat tal-bronz fuq għolja qrib is-santwarju. Illum hawn saret Via Sagra oħra fuq pjanura lixxa minħabba li bosta morda li jżuru l-post ma jkunux jistgħu jitilgħu l-għolja. Il-Via Sagra ta’ Fatima hija pjuttost għall-wita u fiha xbihat f’niċeċ żgħar matul il-mixja. F’Medjugorje hemm Via Sagra bi xbihat tal-bronż imma t-triq wieqfa tagħha hija mħarbta ħafna. F’San Giovanni Rotondo nsibu Via Sagra monumentali. Malta wkoll għandna triq tas-salib mill-isbaħ, quddiem il-bażilika tal-Madonna ta’ Pinu f’Għawdex.

Illum rajna ftit dwar il-bidu u l-iżvilupp ta’ devozzjoni tant kbira fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Marzu 2024




Nessun commento:

Posta un commento