Din is-sena il-Patrijiet Teatini, patrijiet li ma għandniex minnhom f’pajjiżna, qegħdin jiċċelebraw il-500 sena mit-twaqqif tagħhom. Wieħed mill-fundaturi ta’ dan l-Ordni Reliġjuż kien San Gejtanu ta’ Thiene, li lilu hija ddedikata l-knisja arċipretali tal-Ħamrun. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan l-anniversarju, l-istatwa titulari ta’ San Gejtanu, mill-Ħamrun sejra tittieħed fil-belt ta’ Ruma fix-xahar ta’ Settembru. Hija ħaġa sabiħa li nkunu nafu xi ħaġa dwar l-artist li ħoloq din l-istatwa. Dan ma kien ħadd għajr Karlu Darmanin.
Il-familja Darmanin
Darmanin l-istatwarju
Darmanin sar statwarju magħruf sew fi żmienu u xhieda ta’ dan hu l-fatt li
huwa ħoloq il-vari titulari tas-Salvatur għal Ħal Lija maħduma fl-1864, il-vara ta’ San Gejtanu għall-Ħamrun li
tlestiet fl-1882 u dik ta’ San Ġiljan għall-parroċċa li ġġib l-istess isem, li
tlestiet fl-1893. Xi vari titualri oħra kienu ta’ Darmanin imbagħad inbidlu.
Dawn kienu dik ta’ Santa Venera, tar-raħal li jġib isem il-qaddisa, Santa
Margerita ta’ Sannat Għawdex u dik ta’ San Leonardo ta’ Ħal Kirkop. Fil-Qrendi
nsibu l-vara tal-Madonna ta’ Lourdes li hija xogħol ta’ dan l-istatwarju, li
tlestiet fl-1878. Il-fatt li huwa kien fdat b’tant statwi titulari juri l-ħila
li kellu.
Vari
Karlu Darmanin jibqa’ magħruf ħafna għal
bosta vari tal-Ġimgħa l-Kbira li ħadem. Kien l-istatwarju li seraq ix-xena
fit-tieni nofs tas-seklu dsatax u ta sehem kbir fl-izvilupp u l-bidla
ikonografika f'Malta. Minn sett ta’ disa’ vari tal-Ġimgha l-Kbira li jinsabu
fil-knisja tal-Mosta, Karlu Darmanin ħadem sebgħa minnhom: Kristu fl-ort,
Kristu marbut mal-kolonna, l-Ecce Homo, ir-Redentur, il-Veronika, il-vara l-kbira
u l-istatwa tad-Duluri. Bħala karatteristiċi ġodda, dan l-istatwarju ntorduċa
xi figuri ġodda bħat-tifla ħdejn il-Veronika tal-Mosta, vara li saret fl-1869 u
l-vara ta’ Kristu fl-ort b’żewġ anġli minflok anġlu wieħed għal Bormla, fl-1878.
L-aktar vara li turi l-bidla ikonografika hija l-vara tat-tradiment ta’ Ġuda li
Darmanin ħadem fl-1908 għal Ħal Qormi. Din hija l-ewwel vara f'Malta li turi l-bewsa
ta’ Ġuda u li baqgħet unika sal-1961. B’ hekk Karlu Darmanin kiser
it-tradizzjoni tas-sett tat-tmien vari. Statwi oħra li Darmanin ħadem
għall-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-kbira huma: Kristu fl-ort tan-Naxxar, ta’
Ħal Għargħur u Ħal Qormi, Il-Marbut fl-Isla u ta’ Ħal Għargħur, Ir-Redentur
tal-Belt Valletta, tal-Birgu, ta’ Ħal Qormi u taż-Żejtun, Il-Veronika tar-Rabat
(Malta), tal-Isla, ta’ Ħal Qormi u
taż-Żejtun (attribwita), Il-Madalena fil-vara l-kbira tal-Isla u l-persunaġġi
tal-vara l-kbira ta’ Bormla għajr Kristu, Il-Madonna u San Ġwann fil-vara
l-kbira ta’ Ħal Qormi, wiċċ San Ġwann tal-vara l-kbira ta’ San Ġorġ Għawdex, l-anġli tal-monument tal-Belt Valletta u ta’
Ħal Luqa, Kristu mejjet ta’ Ħal Għargħur, id-Duluri tar-Rabat (Malta), ta’
Bormla, ta’ Ħal Għargħur, ta’ Ħal Għaxaq u tal-Qala.
Statwi oħra
Fost statwi oħra li wkoll huma xogħol dan l-istatwarju nsemmu l-Madonna
tar-Rużarju tal-Mellieħa, tan-Naxxar, ta’ Ħal Qormi San Ġorġ u taż-Żurrieq kif
ukoll dik tal-Madonna tal-Qalb ta' Ġesù ta' H' Attard. Ħadem għadd bla qies ta’
statwi għal toroq u pjazez li jiġu armati fil-festi f’għadd ta’ bliet u rħula tagħna.
Illum min għandu xi statwa ta’ dan l-istatwarju jqisha bħala patrimonju
imprezzabbli għax Darmanin huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa statwarji li qatt
ta pajjiżna. Dan l-iskultur ta kontribut kbir fl-iżvilupp tal-arti reliġjuża
popolari f’pajjiżna u permezz tiegħu l-arti tal-kartapesta ħadet apprezzament
ġdid f’Malta.
Darmanin miet fis-26 ta’ Novembru 1909 fl-età ta’ 84 sena, fid-dar tiegħu
fi Strada Rjali l-Ħamrun, fejn kellu wkoll il-ħanut tax-xogħol tiegħu. Huwa
ndifen fiċ-ċimiterju tal-Addolorata fil-qabar tal-Fratellanza tat-Trinità
Qaddisa tal-Belt Sengleana, billi huwa kien membru ta’ dik il-fratellanza. Il-ħidma
ta’ Darmanin tkompliet mill-istudenti tiegħu Karmenu Mallia magħruf bħala
“il-Lhudi” u Ġużeppi Cilia magħruf bħala “il-Bellettu”, li t-tnejn baqgħu jużaw
l-istil u l-forom tiegħu fix-xogħol tagħhom, fil-bidu tas-seklu għoxrin.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Jananr 2024
Nessun commento:
Posta un commento