sabato 14 dicembre 2019

Il-Presepju u Napli


Issa li bdejna żmien l-Avvent u kull ma jmur resqin lejn il-festa tal-Mileid, jixraq li ngħidu xi ħaġa dwar ix-xena tat-twelid ta’ Kristu kif tiġi rrapreżentata fil-presepju Napiltan. Insibu bosta presepji minn madwar id-dinja, imma dak ta’ Napli huwa xi ħaġa magħrufa minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-Milied u t-tradizzjoni tal-presepju. Hemm bosta xi tgħid dwar dan is-suġġett. Din tiegħi hija biss ħarsa fuq fuq.

Differenzi
Tajjeb ngħidu li f’Napli niltaqgħu ma’ tipi ta’ presepji differenti. Aktarx li l-aktar komuni huma dawk li juru lill-Madonna, San Ġużepp u lil Ġesù Bambin biss. Dawn ikunu mlibbsa ilbies rikk u ħafna drabi nsibuhom fuq forma ta’ pedestall. Insibu wkoll il-presepju fil-bozza tal-ħġieġ. Dawn ikun fihom pasturi tat-tafal maħdumin f’Napli stess imdaħħlin f’xena tat-twelid ta’ Kristu. F’din ix-xena jitpoġġa d-dawl biex jidher aħjar id-dettall tal-presepju. Ovvjament, dan ikollu forma tonda li joqgħod f’bozza tal-ħġieġ. Imbagħad insibu l-presepju l-kbir b’ħafna persunaġġi u xeni mill-ħajja Napiltana. Il-pasturi ta’ dan il-presepju jkunu pupazzi bħal tal-ewwel presepju li semmejt. Dawn il-pupazzi, li tajjeb ngħid jistgħu jkuni ta’ qisien differenti, jkollhom ir-ras, l-idejn u s-saqajn tal-fuħħar u l-ġisem jissawwar fuq il-fildiferru imdawwar b’ħafna spag. B’dan il-mod il-ġisem tal-pastur ikun jista’ jingħata l-forma li jkun irid dak li jkun qed jaħdem il-presepju. Fl-aħħar nett il-pastur jitlibbes bi drapp skont dak il-persunaġġ li jkun qed jirrapreżenta.



Oriġini
Mhux faċli wieħed jgħid sewwa meta d-drawwa tal-presepju daħlet f’Napli. It-tradizzjoni tgħidilna li kien San Franġisk ta’ Assisi li għamel l-ewwel presepju, imma dak ma kienx fil-Campania, ir-reġjun li Napli hija l-kapitali tiegħu iżda fl-Umbria, mijiet ta’ kilometri bogħod.

Issa tajjeb ngħidu li San Franġisk għex bejn l-1182 u l-1229 iżda l-ewwel riferiment għal xi forma ta’ presepju hija qabel din id-data. F’att notarili tas-sena 1021 jissemma presepju fil-knisja ta’ Santa Marija msejħa “ad Praesepe” li tfisser tal-presepju. Tajjeb ngħidu li din il-knisja hija dik li llum nafuha bl-isem ta’ Santa Maria Maggiore fil-belt ta’ Ruma. Billi f’din il-knisja jingħad li hemm il-maxtura li kien hemm fl-għar ta’ Betlem, kien inbena presepju hemmhekk. Biss dak ta’ San Franġisk jibqa’ l-ewwel presepju ħaj, b’nies bħala pasturi.

Iżda ejjew nersqu lejn Napli. F’kitba tas-sena 1324 insibu riferiment għal presepju f’kappella ġewwa d-dar tal-familja Alagni f’Amalfi. Tabilħaqq li Amalfi ma huwiex Napli, anzi jinsab taħt il-golf Naplitan, iżda ma ninsewx li kien jagħmel parti mir-renju li Napli kien il-kapitali tiegħu. Fl-1340 mart is-Sultan ta’ Napli Robertu ta’ Angiò, is-Sutlana Sancia, tat presepju lis-sorijiet tal-Klarissi f’Napli biex jitpoġġa fil-knisja li kienu għadhom kemm bnew. Parti żgħira minn dan il-presepju għadha teżisti u tinsab fil-Mużaw Nazzjonali ta’ San Martin fil-belt ta’ Napli. Forsi dawn huma l-ewwel presepji tabilħaqq Naplitani.

Fis-seklu XV bdejna nsibu xi artisti Naplitani li bdew jaħdmu pasturi tassew artistiċi. Tajjeb ngħidu li fil-Mużew ta’ San Martin hemm sezzjoni ddedikata lill-presepju u hemm wieħed jista’ jara bosta eżempji minn dawn il-presepji li taw bidu għat-tradizzjoni tal-presepju Naplitan. Fis-sena 1532 wasal f’Napli saċerdot li meta kien Ruma kien diġà wera ġibda kbira lejn ix-xena tat-twelid ta’ Kristu. Dan is-saċerdot, li llum huwa qaddis, ma huwa ħadd għajr San Gejtanu ta’ Thiene, dak li fil-Ħamrun għandu parroċċa ddedikata għalih. Aktarx li kien hu li bena l-presepju fl-isptar magħruf bħala tal-inkurabbli, u kien hu wkoll li daħħal id-drawwa li fil-knejjes jibda’ jintrama presepju u li d-djar ukoll ikollhom ix-xena tat-twelid ta’ Kristu f’forma ta’ presepju.

Id-djar irjali mill-ewwel laqgħu din l-idea u għalhekk insibu bosta presepji li kienu ta’ palazzi rjali. Bosta familji nobbli minn Napli wkoll bdew jordnaw presepju għal darhom u għalhekk id-drawwa kompliet tinxtred. Dawk li ma kienux nobbli ma baqgħux lura u bdew jibnu xi presepju huma wkoll, sempliċi u fqir imma li xorta waħda jwassal ix-xena tal-Milied.

Fil-qalb
Illum ma ssibx dar Naplitana li ma għandiex prespju. Il-presepju daħal f’qalb in-Naplitani daqs kemm daħal San Ġennaru. Fih huma jdaħħlu karattri magħrufin bħal politiċi, atturi jew plejers tal-futbol mal-pasturi biex hekk iħossu li Kristu twieled fostom, sar wieħed minnhom. Il-presepju tant daħal fil-qalb tan-Napiltan li nsibu anke rappreżentazzjonijiet teatrali marbutin ma’ dan is-suġġett. Il-Cantata di Natale hija rappreżentazzjoni fejn turi l-pasturi tal-presepju li jieħdu l-ħajja. Rappreżentazzjoni li fiha sitwazzjonijiet xi kultant anke komiċi li twassal biex turi t-twelid tal-Bambin. Rappreżentazzjoni oħra hija l-kummiedja Natale a casa Cupiello, fejn il-familja Cupiello, minkejja l-inkwiet li tkun għaddejja minnu, xorta jkollha l-kap li jrid jarma l-presepju u jistenna li kulħadd jgħidu kemm hu sabiħ.

Dan huwa biss ftit minn dak li wieħed jista’ jgħid fuq il-presepju u Napli, il-belt li minkejja kollox, tħoss l-ispirtu tal-Milied is-sena kollha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  14 ta' Diċembru 2019


Nessun commento:

Posta un commento