Qalb il-Pirinej |
Illum, meta bosta
mill-istati tal-Ewropa huma magħqudin f’unjoni politika kif ukoll permezz
tal-ftehim Schengen, il-fruntieri ma għadhomx komuni bħalma kienu sa ftit
għexieren ta’ snin ilu. Biss għan-natura la teżisti Unjoni Ewropeja u lanqas
Schengen. In-natura ġieli toħloq fruntieri permezz ta’ xmajjar u ġieli tifforma
fruntiera permezz ta’ katina ta’ muntanji. Hekk insibu bejn Spanja u Franza,
katina ta’ muntanji li jissejħu l-Pirinej. Qalb dawn il-muntanji nsibu bosta
postijiet mill-isbaħ li ta’ min ikun jaf xi ħaġa dwarhom.
Prinċipat
Fil-bidu semmejt żewġ postijiet kbar, Spanja u Franza, imma
tajjeb ma ninsewx li f’dawn il-muntanji nsibu stat, jew aħjar il-Prinċipat ta’
Andorra. Dan il-mikrostat huwa akbar minn Malta. Fih 468 kilometru kwadru b’popolazzjoni
ta’ madwar 90 elf ruħ. L-Andorreżi, kif jissejħu dawk li twieldu hemm, huma
f’minoranza. Madwar 40% biss tar-residenti huma minn hemm u l-oħrajn huma Spanjoli, Portugiżi, Franċiżi jew ta’ xi nazzjonalità oħra li marru jgħixu
hemm. Interessanti li bħala kap ta’ stat, Andorra għandu żewġ ko-prinċpijiet li
huma l-Isqof tad-Djoċesi ta’ Urgell fi Spanja u l-President tar-Repubblika
Franċiża. Dawn huma l-kapi tal-istat iżda t-tmexxija hija f’idejn il-parlament
tal-post, immexxija minn prim ministru u
gabinett. Il-lingwa uffiċjali ta’ Andorra huwa l-Katalan minkejja li anke
l-Ispanjol, il-Franċiż u l-Portugiż huma mitkellma.
Komunità Awtonoma
Baska
Sal-1978 din il-komunità ma kinitx rikonoxxuta uffiċċjalment. Il-Baski li jiffurmaw din il-komunità minn dejjem riedu li
jkollhom stat għalihom u
f’dik is-sena Spanja kkonċediet ċerta awtonomija. Iż-żona ta’ din il-komunità fiha madwar 7,200
kilometru kwadru b’aktar minn żewġ miljun ruħ jgħixu f’dan it-territorju.
Minkejja li mhux uffiċċjali, il-belt ta’ Vitoria-Gasteiz isservi bħala kapitali
tal-komunità Baska. Bħala
lingwi jintużaw kemm l-Ispanjol kif ukoll il-Bask għalkemm hemm Baski ta’
oriġini Franċiża wkoll. L-Awtorità titmexxa minn gvern parlamentari. Minkejja
li din l art hija parti minn Spanja, għandha wkoll il-bandiera tagħha. Min jaf,
forsi għad tieħu l-indipendenza u jiżdied stat ieħor fl-Ewropa.
San Sebastian
Belt
mal-kosta taż-żona Baska hija
dik imsejħa San
Sebastian. Mhux wisq bogħod mill-fruntiera Franċiża, madwar għoxrin
kilometru biss. Il-poplu Bask isejjaħ lil dan il-post bl-isem ta’ Donostia li
tfisser l-istess bħalma tfisser San Sebastian fl-Ispanjol. Don jew Done tfisser
qaddis u Ostia ħija tqassir tal-isem Bastjan. Minn Done Sebastiane saret
Donostia. Il-belt tiftaħar bi tliet bajjiet mill-isbaħ li huma imfittxijin sewwa fix-xhur tas-sajf.
Fil-festa ta’ San Bastjan issir festa kbira fil-belt. Is-sindku jtella’ l-bandiera tal-post f’nofsillejl u
għal 24 siegħa sħaħ issir festa bid-daqq ta’ tnabar. Mhux ta’ b’xejn li din
il-festa tissejjaħ “Tamborrada”.
Saint Jean de Luz
Nibqgħu fiż-żona tal-poplu Bask imma ’l barra miż-żona tal-Komunità Awtonoma li
semmejt qabel. Il-belt ta’ Saint
Jean de Luz tinsab fi Franza. Il-Baski jsejħu lil din il-belt bl-isem ta’ Donibane Lohizune. Issa li
qrajtu kif jissejjaħ San Sebastian, tifhmu kif oriġina l-isem Bask ta’ dan
il-post. Hawnhekk insibu belt mill-isbaħ b’port li huwa mimli sajjieda. Il-post
huwa wieħed turistiku u fih bajja ramlija kbira u sabiħa. Wieħed jista’ jimxi
tul il-bajja mit-triq ta’ fuqha u hemm fejn wieħed jiekol ikla ħut mill-aqwa.
Biss dawk li ma jħobux il-ħut
xorta jistgħu jsibu biex jimlew żaqqhom. Tul is-sena kollha hawnhekk isiru attivitajiet kulturali li huma attrazzjoni
mhux biss għan-nies tal-lokal imma għal bosta turisti wkoll.
Pont d’Espagne
Lourdes |
Minkejja li ismu huwa marbut ma’ Spanja, anzi jfisser
sewwasew il-pont ta’ Spanja, dan il-post jinsab fi Franza. L-isem ittieħed minn pont li nsibu fil-post li jgħaddi minn
fuq kaskata ta’ ilma li jagħti bidu għax-xmara Gave de Marcadau. Dan il-post
jinsab 1,500 metru ’l fuq mill-baħar, f’waħda mit-toroq li jgħaqqdu lil Franza
ma’ Spanja.
Jekk wieħed jasal sa hawn, jista’ jew jitpaxxa bil-kaskati tal-ilma li hawn
jew jibqa’ tiela’ aktar ’l fuq safejn għadira mill-isbaħ. Din l-għadira tinsab
madwar mitejn metru aktar il fuq minn Pont d’Espagne u tista’ tasal għaliha
permezz ta’ cable chair. Hemmhekk hemm xenarju mill-isbaħ.
Lourdes
Din il-belt fil-Pirinej hija l-aktar magħrufa għad-dehriet
li seħħew fiha fl-1858 u għall-miljuni li ta’ kull sena jżuruha bħala
pellegrini, iżda lil hinn minn żjara bħala pellegrin, wieħed jista’ jżur
Lourdes bħala viżita kulturali. Il-belt fiha fortizza fuq l-ogħla parti tagħha
li llum wieħed jista’ jżurha
u jara mużew interessanti. Qrib tal-belt hemm għadira kbira fejn wieħed jista’
jammira ġmiel naturali u
jgħaddi ftit ħin fil-kwiet.
Ovvjament, la wieħed ikun
Lourdes ikun qed jonqos jekk ma jittawwalx lis-santwarju.
Dawn huma
ftit mill-postijiet li wieħed isib fil-Pirinej. Hemm bosta aktar x’wieħed iżur!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Diċembru 2019
Nessun commento:
Posta un commento