venerdì 25 maggio 2018

L-għeruq tagħna


Ftit ilu iltqajt ma’ raġel anzjan li qalli li ilu snin isegwi l-kitbiet tiegħi. Ħadt gost u għalhekk poġġejt bilqegħda ħdejh u bdejna diskursata xi ftit twila. Il-kliem bħaċ-ċirasa ngħidu aħna l-Maltin, u tassew li hekk hu għax tibda titkellem fuq ħaġa u tispiċċa titkellem fuq xi ħaġa oħra li ma għandha x’taqsam xejn mas-suġġett. Nistħajjilni nibda mill-Mellieħa u nispiċċa Birżebbuġa. Ma’ dan l-anzjan spiċċajna nitkellmu dwar il-vjaġġi li għamel f’ħajtu. U tiskanta mill-kliem fuq is-safar fuq xiex spiċċajna nitkellmu!


Il-Brażil
Dan it-tali qalli li meta kien il-Brażil kien iltaqa’ ma bniedem Malti li fi ċkunitu kien ħalla pajjiżna u mar jgħix Londra. Hemmhekk iltaqa’ ma’ mara Brażiljana, ħadu grazzja ma’ xulxin u żżewwġu. Hi kaxkritu magħha lejn l-Amerika ta’ Isfel, sewwasew f’pajjiżha. Mhix  xi storja li qatt ma smajna bħalha din, iżda s-sabiħ tagħha hu li l-identità Maltija ta’ dan il-bniedem ma ntemmitx mal-bdil tal-kontinent. L-anzjan qalli li kien stiednu jmur id-dar tiegħu. Hemmhekk sab xi tliet statwi ta’ San Publiju għax dan il-Malti kien mill-Furjana u mal-ħitan kellu għadd ta’ nkwatri b’ritratti ta’ postijiet fil-Furjana jew persuni Furjaniżi.

Bdejna ngħidu li l-għeruq tagħna jibqgħu magħna jekk inżommuhom aħna. L-għeruq tagħna huma d-drawwiet li twelidna fihom, huma x-xeni li nafuhom sewwa għax għaddejna minnhom kemm-il darba, huma n-nies li jaqsmu l-istess post, l-istess ħajja, l-istess arja magħna. Jekk dawn inżommuhom qrib tagħna, anke jekk biss fil-ħsieb, għeruqna jibqgħu magħna, jekk inwarrbuhom jintemmu u jispiċċaw għal kollox u nkunu tlifna biċċa kbira mill-identità tagħna.

Il-ħsieb bħall-kliem
Jekk il-kliem huwa bħaċ-ċirasa, tiġbed waħda u tiġi oħra magħha, il-ħsieb mhux b’inqas minnu. Wara dan il-kliem moħħi ġera bija u ftakart f’fatt ieħor li huwa simili għal dan li rrakontali dan il-ħabib xiħ.
L-istorja bdiet meta oħt il-bużnanna tiegħi iżżewġet u emegrat lejn Tuneż.
Għandi xi qraba li lum jgħixu Marsilja fi Franza. Sirt nafhom snin ilu u llum sirna ħbieb kbar. L-istorja bdiet meta oħt il-bużnanna tiegħi iżżewġet u emegrat lejn Tuneż. Hemmhekk rabbiet familja u meta kibret baqgħet tgħix ma’ waħda minn uliedha li wkoll kellha t-tfal. Il-fatt kurjuż huwa li minkejja li dawn it-tfal qatt ma kienu ġew Malta, kienu jitkellmu bil-Malti daqsna għax nannithom dejjem bil-Malti kellmithom. Meta fis-snin ħamsin Tuneż ħa l-indipendenza minn Franza, billi dawn il-qraba tiegħi fil-bogħod, kellhom nazzjonalità Franċiża, ma baqgħux Tuneż imma telqu lejn Franza. Nannithom mietet u l-kuntatt tagħhom ma’ Malta kważi spiċċa għal kollox, sakemm koppja minnhom ġiet tqatta’ ġimgħa Malta u sabet lilna, l-familja mbiegħda tagħha. Illum għadna nżommu kuntatt ma xulxin u meta nitkellmu nużaw il-Malti. L-għeruq ta’ din il-familja għadhom ħajjin għaliex anke bejniethom jużaw il-Malti.

Darba minnhom kont mort pellegrinaġġ ġewwa Lourdes u kont għedt lil waħda minn dawn il-kuġini mbegħdin u waħħalna f’rasna li niltaqgħu. Iltqajna Lourdes u l-membri tal-grupp li kont miegħu kollha stagħġbu kif din il-mara Fanċiża titkellem bil-Malti daqsna. Għaddiet xi jiem magħna u l-hena tagħha kien li titkellem mal-Maltin, bil-Malti u meta jistaqsuha kif titkellem hekk tajjeb il-Malti bla ma hi Maltija kienet dlonk tirrispondihom li hi Maltija minn Ħal Qormi minn ta’ Galluwa, imma ma twelditx Malta. Ħadd ma kien jifhem kif kienet Maltija imma ma twielditx Malta. Imma dan huwa s-sens meta wieħed iħaddan l-għeruq tiegħu.

Għeruqna
Dan kollu jwassalni biex naħseb aktar fil-fond u nara ftit kemm aħna l-poplu tat-tielet millenju aħna kburin bl-għeruq tagħna. Tassew li llum qegħdin ngħixu f’soċjetà likwida, kif jgħidilna s-soċjologu Zygmunt Bauman. Il-bniedem ma għadux aktar stabbli, jiċċaqlaq minn post għal ieħor bħalma likwidu jiċċaqlaq f’borża tal-plastik, ma hemmx stabilità. Iżda b’daqshekk ,ma jfissirx li wieħed għadnu jitlef l-identità tiegħu. Kieku dak ir-raġel mill-Furjana ma żammx l-identità tiegħu la kien ikun Brażiljan u lanqas Malti. Allura x’kien ikun? Kieku s-sekondi kuġini ta’ missieri ma baqgħux jgħidu li huma Maltin, la kienu jkun Franċiżi, għax ma twieldux Franza u lanqas Tuneżin għax l-oriġini jew aħjar l-għeruq tagħhom mhux Tuneżin. Kieku x’kienu jkunu? Nies ta’ bla pajjiż? Imma pajjiż dejjem kellhom!

Nies bħal dawn jgħallmuna napprezzaw lilna nfusna. Jekk nitilfu l-identità tagħna nispiċċaw  poplu mejjet, poplu li xi darba kien jeżisti imma li ntemm, indifen u spiċċa darba għal dejjem. Irridu nkunu aħna li nibżgħu għall-għeruq tagħna. Nibżgħu għall-kultura, għad-drawwiet, għall-ilsien tagħna u mhux kull ma jmur aktar qed nitilfu minn dak li jagħmilna Maltin.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Mejju 2018




Nessun commento:

Posta un commento