
Ħadd ma jaf sew jekk dan il-kliem huwiex verament ta’ William Shakespear
jew le, jien irċevejtu u ma stajtx ma naqsmux magħkom għax huwa kliem tabilħaqq li fih x’wieħed
jifhem u x’jixtarr.
Montefalcione
![]() |
Il-ġebla fid-dar ta' Montefalcione |
Parti minn dan il-messaġġ fakkarni f’raħal mitluf fil-muntanji
fil-provinċja ta’ Avellino l-Italja. F’dan raħal hemm dar li fuq ġebla tagħha
hemm imnaqqxin l-ittra P għal għaxar darbiet. In-nies ta’ Montefalcione, kif
jismu sewwasew dan ir-raħal qatt ma fehmu sewwa x’kienu jfissru dawk l-għaxar
ittri u sid id-dar qabel ma miet qal it-tifsira tagħhom, ovvjament bit-Taljan: Prima pensa, poi parla, perché parole poco
pensate portano pena (l-ewwel aħseb imbagħad tkellem għax kliem mhux maħsub
sewwa jista’ jġib l-inkwiet). Fil-verità dan kien qawl antik Grieg, qawl mimli
għerf li anke Shakespear iwissina dwaru. Minekejja l-għadd ta’ snin li għaddew
kemm minn żmien il-Griegi, kemm minn żmien William Shakespear kif ukoll
mill-bini tad-dar ta’ Montefalcione, it-tagħlima li jagħtuna hija attwali.
Tbissem, ifraħ, idħaq
![]() |
Xi kotba Maltin b'kitba ċajtiera |
Punt ieħor mill-messaġġ li bdejt din il-kitba bih huwa dak li jgħidlek li
l-ħajja hija qasira wisq biex tgħaddiha bil-buli, mela idħaq u ifraħ. Fil-ħajja
jiġu waqtiet li jtaqqluna, jiġu żminijiet fejn is-salib tagħna tant inħossuh
tqil li nħossuna mgħaffġin taħtu. Illum id-dipressjoni saret kundizzjoni komuni
ħafna, kuntrarjament għal dari. Il-bniedem għandu stress kbir fuqu. Hemm
sitwazzjonijiet fil-ħajja li jbikkuk, imma xejn ma huwa etern, kollox għad
jgħaddi ħinu u fl-aħħar tal-mina għad naraw id-dawl, wara s-solitudnin hemm
it-tama.
Illum il-bniedem għandu bżonn jitbissem u jidħaq għax il-gwaj fid-dinja
huwa kbir. Osservajt li l-bniedem huwa għatxan għal tbissima. Dan l-aħħar anke
f’pajjiżna ħarġu għadd ta’ kotba li jnisslu tbissima fuq fomm il-qarrej. Jien
kont wieħed mill-awturi li ħriġt ktieb b’kitbiet mexxejja u li jnisslu
tbissima. Modestament nistqarr li dan il-ktieb mar tajjeb ħafna fis-suq Malti u
beda jinbiegħ bħall-pastizzi b’mod li f’xahar spiċċaw il-kopji kollha. Nistqarr
li ħadt gost li xogħli kien mar tajjeb imma s-sodisfazzjon kien akbar meta
għadd ta’ qarrejja kienu jwaqqfuni u jgħiduli: “Ajma Father kemm daħħaqtni
b’dak il-ktieb! Fittex oħroġ it-tieni wieħed”. Is-sodisfazzjon tiegħi ikun meta
naħseb li b’kitbieti ferraħt li xi ħadd li tant kellu bżonn jitbissem jew
jidħaq waħda sewwa.
“Ninsab tajjeb”
Il-messaġġ ta’ Shakespear jintemm bil-klien: “Ninsab tajjeb.” Kemm hija
xewqa kbira li wieħed ikun iħossu sewwa, kemm hu sewwa li wieħed ikun jinsab
tajjeb. Bniedem jista’ jkun jinsab tajjeb l-aktar meta jkun maħbub u jkun iħobb
– sewwasew kif qal l-awtur tar-rumanz Romeo u Ġuljetta.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Mejju 2018
Nessun commento:
Posta un commento