venerdì 25 maggio 2018

Festa Maltija


Bejn tmiem Mejju u l-bidu ta’ Ġunju f’ pajjiżna jibda l-istaġun festiv,  nibdew niċċelebraw il-festi titulari tal-parroċċi tagħna. Nibdew naraw l-antarjoli jitwaħħlu u l-festuni tad-dawl jiddendlu. Kollox jibda juri li waslu l-festi li tant ikun hemm min ilu jaħdem għalihom.

Festi titulari
Illum lanqas nimmaġinaw parroċċa tradizzjonali Maltija mingħajr festa. Il-festa Maltija llum fiha tiżwieqa ta’ fidi, arti u kultura. Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta għandna madwar sebgħin parroċċa u fid-Djoċesi Għawdxija hemm ħmistax-il waħda. Huma waħdiet dawk il-parroċċi li ma jiċċelebrawx il-festa titulari tagħhom. Kien hemm żmien li dawn il-festi kienu jiġu ċċelebrati fil-jum tal-festa tal-qaddis, imma maż-żmien il-festi bdew isiru fis-sajf meta t-temp aktar jippermetti. Illum fadlilna żewġ festi parrokkjali li jiġu ċċelebrati fix-xitwa: San Pawl tal-Belt u l-Kunċizzjoni ta’ Bormla. Minkejja li llum il-poplu għandu fejn jiddeverti matul is-sena kollha, xorta waħda l-festa titulari għadna insibuha fuq nett fil-lista tal-festi u okkażjonijiet oħrajn li jsiru matul is-sena.

Ħela, lussu jew xiex?
Il-festa tal-patrun hija okkażjoni fejn il-knisja ssir vetrina ta’ opri artistiċi li missirijietna minn dejjem fittxew li jsebbħu t-tempju ta’Alla bihom. Fided u dehbijiet, skultura, pittura u x’naf jien. Din il-ħaġa spiss toħloq lok għal diskussjoni dwar jekk il-Knisja għandiex tbiegħ dawn l-opri biex bil-flus tagħhom tagħmel karità. Tajjeb ngħidu li bosta minn dawn l-opri huma antiki u l-ebda prezz ma jista’ jitħallas għalihom għax minn banda għandhom is-snin fuqhom u mill-banda l-oħra dawk l-artisti li ħolquhom ma għadhomx magħna u lanqas jekk isiru kopji tagħhom ma jkunu qatt ta’ preġju daqs l-oriġinali. Tajjeb niftakru wkoll li l-benefatturi li ħallsu għal dawn l-opri għamlu hekk biex dawn jitpoġġew fil-knisja. Jekk jinbiegħu jispiċċaw f’xi kollezzjoni privata fejn ikunu jistgħu jitgawdew minn ftit nies biss. Fil-knisja jkun jista’ jarahom kulħadd.  Punt ieħor hu li dawn l-opri huma wirt kollettiv tal-parroċċa u l-parruċċani u ħadd ma għandu dritt ibiegħhom jew jiddisponi minnhom għax huma ta’ kulħadd. Mela nasal biex ngħid li min jgħid li l-opri artistiċi fil-knejjes tagħna huma lussu, ikun qiegħed iwarrab minn moħħu li dak huwa patrimonju komuni.

Nibżgħu għall-patrimonju
Ladarba dan kollu huwa patrimonju wieħed għadnu jibża’ għalih. Proprju għalhekk anke l-Unjoni Ewropeja ġieli toffri fondi biex isiru xi restawri fi knejjes jew xi opri li nsibu fihom. Hemm fejn ikunu l-parruċċani stess li joħorġu l-flus għal xi proġett ta’ restawr bħal dan. Patrimonju hija l-festa sħiħa mhux biss il-knisja għaliex fiha nsibu elementi uniċi tradizzjonali, sew fil-qasam tal-mużika, fl-arti piroteknika u fl-arti li nsibu fl-armar tat-toroq. Wara kollox dawn huma l-ingredjenti tal-festa Maltija.

Festi fuq it-televiżjoni
Minn mindu f’Malta daħal il-pluraliżmu fil-qasam tax-xandir, u aktar u aktar fix-xandir viżiv, bdejna naraw programmi dwar il-festi. Kull stazzjon televiżiv nistgħu ngħidu li xi sena jew oħra xandar sensiela dwar il-festi parrokkjali Maltin. Ma rridx noqgħod nidħol fil-mertu tal-kwalità ta’ dawn il-programmi imma żgur li kienu programmi popolari u mfittxijin minn ħafna Maltin, mhux biss dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu imorru l-festa, iżda anke minn dawk li jkunu attendew il-festi. Bit-teknoloġija tal-live streeming dawn il-programmi bdew ikunu segwiti wkoll minn bosta emigranti Maltin.

Sehem kulħadd
Il-festi tagħna jinkludu faxxa wiesgħa ta’ nies. Il-festa ma ssirx jekk ma jkunx hemm min jorganizzaha u jekk ikun hemm min jorganizzaha u ma jkunx hemm min jipparteċipa fiha tkun festa mejta. Għalhekk il-festa tagħna hija festa ta’ kulħadd; tal-kappillan li jieħu ħsieb il-parti spiritwali tal-festa, tas-sagristan li jieħu ħsieb l-armar tal-knisja; tal-kumitati tal-armar li jieħdu ħsieb iżejnu t-toroq tar-raħal jew belt, tal-każin tal-banda li jirsisti biex kull sena jferraħ lill-parruċċani bid-daqq, tax-xiħ jew xiħa li jmorru bilqegħda fuq il-bank tal-knisja biex jisimgħu l-prietka tat-tridu jew il-paniġierku u wara joħorġu bilqegħda fuq bank fil-pjazza biex jaraw il-briju ta’ barra, taż-żgħażagħ li mimlijin entużjażmu, normalment, jifirħu huma u jferrħu lill-oħrajn.
Kulħadd huwa importanti fil-festa u kulħadd għadnu postu. Ma hemm ħadd li jista’ jgħid li ma hemmx post għalih, ma hemm ħadd li jista’ jgħid li ma jogħġbu xejn fil-festa Maltija għax din hija vetrina b’ għażla kbira ta’ kultura, artiġjanat, ikel, drawwiet u mitt ħaġa oħra.

Għeluq
Il-festi tagħna huma taħlita ta’ religjożità u kultura li matul il-medda ta’ snin tħalltu tant li llum kważi sar diffiċli tifridhom. Tajjeb li nagħrfu l-ħafna tajjeb li fihom u tajjeb ukoll li kultant niżbruhom, innaqqsu xi ftit miż-żejjed tagħhom sabiex jagħtu aktar frott. Fuq kollox ma għandna ninsew qatt x’ kien l-iskop ewlieni tal-festi tagħna, skop li minkejja li għaddew bosta snin minn fuqu għadu attwali.

Fr Reno Muscat


Artiklu li deher fil-programm tal-Festa tal-Madonna ta' Fatima   Pietà Gwardamanġa 2018





Nessun commento:

Posta un commento