Bħalma għidtilkom jew forsi anke ndunajtu, matul din is-sena fejn il-Belt
Valletta hija l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, qiegħed minn żmien għal
żmien inwassal xi tagħrif dwar xi post artistiku jew kulturali f’din il-belt
mibnija mill-ġentlomi għall-ġentlomi. Wara li wassalt xi tagħrif dwar il-Kon-katidral
u t-tliet knejjes parrokkjali, illum nixtieq ngħid xi ħaġa dwar is-Santwarju
tal-Madonna tal-Karmnu li nsibu f’din il-belt maestuża tagħna.
Punt ta’ riferiment
Illum il-ġurnata il-koppla tal-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt
saret sinonima mal-Belt Valletta. Huma bosta r-ritratti tal-kapitali tagħna
meħudin min-naħa l-oħra tal-port ta’ Marsamxett li juru l-koppla ta’ din
il-knisja kif ukoll il-kampnar tal-Katidral Anglikan ta’ San Pawl. Illum din
ix-xena saret popolari u nistgħu ngħidu li saret ukoll punt ta’ riferiment jew
aħjar dak li bl-Ingliż jissejjaħ landmark.
Minħabba dan li qed ngħidu, il-knisja llum hija waħda mill-ħafna
attrazzjonijiet turistiċi li għandna ġewwa l-kapitali tagħna.
Oriġini
Il-knisja l-qadima |
L-ewwel knisja fil-post tas-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu kienet bdiet tinbena
għall-ħabta tas-sena 1570 fuq disinn tal-Malti Ġlormu Cassar. Dan Cassar kien
issa qabad sewwa r-ritmu fejn jidħlu pjanti għall-belt il-ġdida. Il-Karmelitani
kienu talbu lill-Gran Mastru Pietro del Monte biċċa art fejn setgħu jibnu
knisja u kunvent għalihom. Billi l-għan tal-Kavallieri kien li l-belt mibnija
minnhom ma jkun jonqosha xejn, u kienu jaħsbu anke f’każi ta’ ħbit mill-għadu,
xtaqu li lanqas il-ħtieġa spiritwali ma tkun nieqsa minn din il-belt. Tassew li
kien hemm aktar patrijiet li kellhom artijiet, knejjes jew kunventi fuq
l-Għolja Xiberras, imma ma rridux naħsbu bil-mentalità tal-bniedem tal-lum,
irridu nirraġunaw b’raġunament ta’ aktar minn 500 sena ilu meta l-knisja kienet
kollox, kienet l-aqwa punt ta’ għajnuna, l-aqwa jew l-unika għalliema ta’ dak
iż-żmien. Għalhekk il-patrijet Karmelitani ngħataw biċċa art biex anke huma
jkollhom knisja u kunvent tagħhom biex jaqdu spiritwalment lir-residenti tal-Belt
Valletta u lill-bosta oħrajn li jgħaddu minnha b’negozju jew ħidma oħra. Jingħad
li għall-ewwel it-titular tagħha ma kinitx il-Madonna tal-Karmnu imma
l-Lunzjata. Il-patronaġġ lill-Madonna tal-Karmnu ngħata fis-seklu XVII. Il-faċċata tal-knisja (mhux dik li nsibu llum)
inbniet mill-ġdid fuq pjanta ta’ Ġużeppi Bonavia.
Bażilika
Illum kulħadd isejjaħ lil din il-knisja bħala l-Bażilika tal-Karmnu. Dan
it-titlu ngħata lill-knisja oriġinali fl-1895 mill-Papa Ljun XIII. Din
il-Bażilika kienet, kif fil-fatt għadha tinstab, fil-konfini tal-parroċċa
tal-Madonna tal-Portu Salvu u San Duminku. Il-knisja parrokkjali saret bażilika
fl-1816 u għalhekk f’teritorju ta’ parroċċa waħda konna, u għadna nsibu żewġ
bażiliċi. Din il-ħaġa kultant tkidd xi ftit lill-Qormin għaliex sat-twaqqif
tal-ewwel parroċċa Beltija din l-akwata kienet tagħmel mal-parroċċa tagħhom u
għalhekk jgħidulek li għandhom żewġ ulied bażiliċi u l-omm baqgħet b’xejn! Insomma,
kull omm tifraħ bil-ġid ta’ wliedha wara kollox!
Knisja ġdida
Illum |
Is-sena 1942 tibqa’ msemmija bħala dik is-sena li pajjiżna ra xita ta’
bombi nieżel fuqu. Bosta djar waqgħu waqt xi ħbit mill-għadu, bosta Maltin
tilfu ħajjithom, intilfu bosta ġawhar artistiċi. Nhar l-4 ta’ Marzu ta’ dik
is-sena l-bażilika tal-Karmnu tal-Belt intlaqtet u saritilha ħafna ħsara.
Il-patrijiet waslu għall-konklużjoni li tinbena knisja ġdida. Il-bini beda
fl-1958. Fl-1981 intemm il-bini u sar it-tberik tal-knisja l-ġdida. L-iskultura
ta’ fuq ġewwa tal-knisja sar fuq medda twila ta’ snin, imma meta wieħed iżomm
f’moħħu l-kobor ta’ dan il-bini jinduna għalfejn ittieħed daqstant żmien. B’dan ma jfissirx li issa l-knisja kienet
lesta minn kollox, lanqas xejn, anzi ix-xogħol fuq ġewwa baqa’ sejjer biex din
is-sena qegħdin naraw l-art tal-bażilika miksija bl-irħam, opra mill-isbaħ. Dan
l-aħħar il-knisja kient ukoll ikkonsagrata.
Nixtieq insemmi punt li forsi mhux kulħadd jaqbel miegħu, min jgħid li veru
u min jgħid li mhux veru. Meta ġiet biex titħażżeż il-pjanta tal-knisja
l-ġdida, min kien inkarigat ried li l-koppla tagħha tkun għolja aktar
mill-ponta tal-kampnar tal-katidral Anglikan li hemm fil-qrib. Forsi dak
iż-żmien kien hemm xi ftit rivalità bejn iż-żewġ denominazzjonijiet Kristjani.
Illum rajna bid-deher li din il-pika ntemmet għaliex l-Anglikani silfu
l-katidrtal tagħhom lill-patrijiet għal xi funzjonijiet tagħhom waqt li kien
qed isir ix-xogħol tla-paviment tal-bażilika.
Arti
Bħal f’bosta knejjes oħra, f’dan is-santwarju nsibu għadd ta’ opri tal-arti
li mhux faċli wieħed isemmihom kollha f’artiklu qasir bħal dan, imma tajjeb
insemmu xi wħud minnhom. Żgur li
tiddomna fuq kollox l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu, minquxa fl-injam ġewwa
Napli bil-pedestall tagħha maħdum minn Abram Gatt. Insemmu wkoll il-pittura
tal-Beatu Franco u ta’ Santa Maria Maddalena de Pazzi li huma ta’ Maria De
Domenici, allieva ta’ Mattia Preti. Il-kwadru titulari, inkurunat fl-1881 la
nafu meta sar u lanqas min huwa l-awtur tiegħu, imma nafu biss li huwa kwadru
devot ħafna.
Hemm bosta aktar x’wieħed iżid, imma xejn ma jista’ jissupera żjara
fil-post.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento