sabato 26 maggio 2018

Inkomplu bl-iżbalji


Fl-artiklu tiegħi tal-Ħadd  20 ta’ Mejju f’dan il-ġurnal bdejt insemmi xi żbalji li jsiru waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Kont semmejtu “Żbalji ta’ nhar ta’ Ħadd” imma fis-sewwa kollu dawn l-iżbalji jsiru kuljum. It-tama tiegħi hija li nnaqqsu kemm jista’ jkun minn dawn l-iżbalji. Fl-artiklu l-ieħor kont ktibt dwar meta wieħed jinżel għarkupp tejh waqt il-quddiesa u dwar il-Missierna.

Kliem is-saċerdot waħdu
It-talba Ewkaristika ma tingħadx mill-ġemgħa minkejja nistgħu ngħidu li kulħadd jafha bl-amment. Din hija parti fejn il-ġemgħa għandha tħalli lis-saċerdot jgħid il-kliem tal-konsagrazzjoni waħdu. L-istess ngħidu għad-dossoloġija li tfisser esklamazzjoni ta’ tifħir. Waqt il-quddiesa issir din id-dossoloġija: “Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu….” Żball komuni ħafna waqt il-quddiesa hu li l-ġemgħa tgħid flimkien mas-saċerdot dan il-kliem. Hemm partijiet mill-liturġija tal-quddiesa li jingħadu biss mis-saċerdot. L-Ordinament Ġenerali tal-quddiesa tar-Rit Ruman (numru 151) jgħid ċar u tond li din it-talba jew tifħira trid tingħad biss mis-saċerdot u l-ġemgħa twieġeb biss “Ammen” warajh. Din il-ħaġa naqrawha fuq il-missal li nkunu qed inqaddsu minn fuqu u jgħidha ċara u tonda l-Ordinament Ġenerali (ara:  https://bit.ly/2qUM1Qm)

L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għat-talba tal-paċi: “Mulej Ġesù Kristu, li għidt lill-Appostli tiegħek, inħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi ….” Din għandha tingħad biss mis-saċerdot u mhux minn kulħadd minkejja li hawn min jgħid lill-ġemgħa biex tgħid miegħu.

Is-sinjal tal-paċi
Meta kont għadni nistudja Ruma kont ngħix f’kunvent li kellu miegħu parroċċa u għalhekk kont inqaddes fiha. Fil-parti tal-paċi kien isir terrimot ċkejken fil-knijsa għaliex it-Taljani għandhom vizzju li jieħdu b’idejn xulxin jew ibusu ħaddejn xulxin waqt l-għoti tal-paċi. Dan biex ma nsemmix dak li kont nisma’ meta kont għadni ngħix Napli fejn kollox huwa aktar storbjuż u kollox aktar ikkulurit. Intant fil-parroċċa ta’ Ruma kien iqaddes ukoll patri li biex jevita li fil-quddiesa tiegħu isir dak it-terrimot, kien jaqbeż il-parti: “Agħtu l-paċi lil xulxin”. Fl-Eżortazzjoni Appostolika Sacrasantum Caritatis tal-Papa Benedettu XVI, (numru 49) jgħidilna li: “Is-sinodu tal-isqfijiet jista’ jimmodera dan il-ġest li jista’ jieħu espressjoni eċċessiva u għalhekk joħloq konfużjoni fil-ġemgħa ftit qabel il-waqt tat-tqarbin. Niftakru li jekk isir biss sinjal ħafif ma jnaqqas xejn mill-valur tal-ġest u jżomm klima adattata fiċ-ċelebrazzjoni. Pereżempju nistgħu nagħtu l-paċi li dawk biss li jkunu ħdejna.”

Naħseb li dan il-kliem ma għandux bżonn ta’ żieda miegħu għaliex  juri ċar x’titlob il-Knisja f’dan il-waqt. Ħaġa li xejn ma ddoqqli hija li wara li s-saċerdot jgħid: “Il-Paċi tal-Mulej tkun dejjem magħkom” u l-ġemgħa twieġbu “U miegħek ukoll”, ikun hemm min imur jieħu b’idejn is-saċerdot. Għalfejn, mela l-ewwel paċi ma tgħoddx?

Il-Kardinal Antonio Cañizares Llovera, li kien Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kult Divin (2008-2010) kien qal li dan il-ġest mhux obbligatroju waqt il-quddiesa. (Vatican Insider 1/08/14)

Il-barka tal-aħħar
Żball ieħor li spiss isir fil-quddiesa huwa fil-barka li s-saċerdot jagħti lill-poplu fl-aħħar tal-quddiesa. Issib min jgħid il-kliem “Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu”. Min qed jagħti l-barka lil min? il-ġemgħa lis-saċerdot jew is-saċerdot lill-ġemgħa? F’din il-parti il-ġemgħa għandha tbaxxi ftit rasha u kull ma tgħid huwa l-Ammen tal-aħħar, sakemm ma jkunx hemm il-barka solenni u allura l-kelma Ammen tintqal aktar minn dabra, iżda l-kliem tar-radd tas-salib ma għandux jingħad.

Dawn huma xi ftit żbalji komuni li nsibu fil-liturġija, mhux tagħna l-Maltin imma tal-Insara kollha. L-imħabba lejn il-liturġija wasslitni biex nikteb dwarhom. Jalla nnaqqsu minnhom biex ikollna liturġija aktar uniformi, aktar skont kif titlob il-Knisja Universali.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument -  27 ta' Mejju 2018



Nessun commento:

Posta un commento