Dan l-aħħar ħareġ ir-riżultat tal-istħarriġ li l-Knisja ta’ Malta għamlet
lejn tmiem is-sena l-oħra. Dan juri li 40% jew tnejn minn kull ħames Maltin
imorru regolarment il-quddies nhar ta’ Ħadd. Tassew li dan in-numru ma huwiex il-maġġoranza
tal-Insara Maltin, imma ma rridux ninsew ċerti realtajiet li qegħdin ngħixu
fihom.
Ġieli kellmuni nies li minħabba xogħolhom ma jkunux jistgħu jattendu
l-quddiesa tal-Ħadd. Ma kontx nifhem sakemm fehmuni l-qagħda tax-xogħol
fil-qasam tal-ikel, l-aktar tal-fast food. Jekk bniedem is-Sibt filgħaxija jaħdem
sat-tard u l-għada filgħodu mas-sebgħa jrid jerġa’ jkun fuq il-post tax-xogħol
għal tnax-il siegħa oħrani, x’ħin jista’ jisma’ quddiesa? Dawn in-nies, li ħafna
minnhom huma żgħażagħ studenti, f’dan l-istħarriġ jagħmlu parti mis-60% li ma
jmorrux quddies regolari l-Ħadd.
Il-punt tiegħi illum mhux li naraw l-attendenza fil-Knisja jew in nuqqas
tagħha imma li 40% mhux persentaġġ żgħir u li tajjeb wieħed jieħu ħsiebu. Qrajt
artiklu interessanti dwar xi żbalji li qed isiru waqt il-quddies u li xtaqt
naqsmu magħkom. Illum inġibu parti minnu, aktar il quddiem inkomplu dan
l-argument. Dan kien artiklu miktub bit-Taljan li kien tradott mill-Franċiż.
Dan jurina biċ-ċar li dawn l-iżbalji ma jsirux minna biss!
L-assemblea li tinġabar għall-quddiesa hija waħda u għalhekk jixraq li jkun
hemm sintonija fil-liturġija, ritwali u kliem li jingħad.
L-ewwel żball
Waqt il-mument tal-konsagrazzjoni, wieħed għandu jinżel għarkupptejh jew
joqgħod bil-wieqfa? L-Ordinament Ġenerali tal-quddiesa tar-Rit Ruman (numru 43),
jiġifieri ir-rit li nużaw aħna, jitlob li waqt it-talba tal-konsagrazzjoni
l-poplu jinżel għarkupptejh. Iżda dan jista’ ma jsirx jekk dak li jkun ma jkunx
jiflaħ jinżel għarkupptejh jew jekk
il-post ikun żgħir u minħabba l-folla jkun impossibbli li dak li jkun jinżel
għarkupptejh jew l-art fejn tkun qed issir il-quddiesa ma tkunx tajba jew għal
xi raġuni serja oħra, dak li jkun jista’ jibqa’ bilwieqfa. L-Ordinamnet
Ġenerali madanakollu jitlob li dak li jkun ibaxxi rasu profondament waqt li s-saċerdot ikun qed jagħmel l-inkin.
Il-Knisja titlob li dak li jkun, jibqa’ għarkupptejh waqt it-talba Ewkaristika kollha sakemm
is-saċerdot jgħid: “Dan hu l-misteru tal-fidi” u l-kongregazzjoni twieġeb dak
li għandha twieġeb.
Hawn inżid xi ħaġa oħra: it-Talba Ewkaristika jgħidha biss is-saċerdot u
ħadd aktar. Tiskanta kif hawn min jibda jgħid kelma kelma miegħu!
Il-Missierna
It-talb normalment jispiċċa bil-kelma “Ammen” u hekk tispiċċa wkoll
it-talba tal-Missierna, iżda waqt il-quddiesa din it-talba ma tintemmx
bil-kelma Ammen iżda bil-kliem: “iżda eħlisna mid- deni”. Hawn ġieli jsir żball
ukoll għax xi wħud iżidu l-Ammen meta ma għandiex tingħad. Hawnhekk it-talba ma
tkunx għadha spiċċat għax is-saċerdot ikompli mat-talba tal-Missierna: “Eħlisna
nitolbuk Mulej minn kull deni, eċċetra eċċetra u l-Ammen tingħad sewwasew qabel
ma tingħata l-paċi. Hawnhekk naraw li din il-parti, li tissejjaħ Ir-Rit
tat-Tqarbin tinkorpora fiha it-talba tal-Missierna u din it-talba ma tingħadx waħdeha. Għalhekk
l-Ammen ma għandiex tingħad meta s-saċerdot jistieden lill-poplu biex jitlob
it-talba li għallimna Sidna Ġesù Kristu.
Għal-lum se nieqaf hawn, imma l-artiklu li qrajt jien ikompli u jien ukoll
bi ħsiebni nkompli nwasslilkom xi tagħrif li sibt fih biex il-liturġija
tal-quddiesa tal-Ħadd issir kemm jista’ jkun kif suppost, skont in-normi li
tagħtina l-Knisja Kattolika.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 20 ta' Mejju 2018
Nessun commento:
Posta un commento