giovedì 29 novembre 2012

Pjanar tajjeb


Niftakar li meta kont żgħir ommi, Alla jaħrfilha!, kienet tgħidli: «is-saqaf tad-dar jaqa' fuqek! ». Nistqarr li verament kont inħobb niġri 'l barra, u daqqa għal ħaġa u daqqa għal oħra dejjem kont insib xi skuża biex nagħmel xi dawra jew ġirja. Kbirt u ma nafx jekk il-vizzju, jew virtu' baqax fija. Qabel kont qisni naħla, ma jkunx hemm fjura li ma mmurx fuqha, issa mhux daqstant!

Dan l-aħħar ftit li xejn kont qiegħed insib ħin biex niġri 'l barra, meta kont noħroġ verament għax kien  ikolli bżonn. Issa ddeċidejt li nibda noħroġ tal-inqas siegħa kultant, siegħa mixi mgħaġġel. Għidt bejni u bejn ruhi, aħjar siegħa mixi milli siegħa fuq facebook! Tlieta jew erba' darbiet fil-ġimgħa żgur li nsib ħin għalihom. Kemm ilni nagħmel dil-ħaġa indunajt li mhux talli ma naqaslix il-ħin, imma kwazi kwazi żdiedli! Mhux talli naqqast l-attivita' li kont nagħmel, imma bqajt nagħmilha kollha u issa qed nagħmel il-mixja wkoll. Indunajt li l-importanti huwa li wiehed jorganizza l-ħin, jippjana l-ġurnata sewwa.


Fl-Italja, fi bliet kbar bħal Ruma, fejn ngħix jiena, bosta ħwienet jiftħu wkoll il-Ħdud minħabba l-ħtieġa. U mnalla jiftħu għax l-eluf ta' turisti li jżuru din il-belt speċjalment nhar ta' Ħadd iridu jieklu u jridu jixtru xi tifkira tal-post biex joħduha magħhom lura lejn darhom. Imma hemm bżonn li jiftaħ is-supermarket ukoll? Hemm bżonn jiftaħ taż-żebgħa wkoll?U l-beautician mhux se tħalli l-bieb magħluq hi biss! Ngħid jien: min għandu bżonn jixtri mis-supermarket jew mingħand taż-żebgħa għalfejn ma jmurx fost il-ġimgħa?

Bosta qegħdin iġibu skuża bix-xogħol u jgħidu li mit-Tnejn sas-Sibt jaħdmu u jekk il-ħwienet ma jifthux il-Ħadd ma jkunux jistgħu jixtru. Allura nistaqsi jien: sa issa, meta f'bosta partijiet tal-Italja l-ħwienet ma jiftħux nhar ta' Ħadd, in-nies kif tagħmel? Ma tixtirx? Ma tiekolx? Ma ssajjarx? Għadni qatt ma smajt b' ħadd li miet bil guħ għax sab is-supermarket magħluq.

Jekk nitilfu s-sens tal-jum tal-Ħadd inkunu qegħdin inħaffu sewwa it-triq tan-niżla. Mhux talli x-xerrej ma jibqalux distinzjoni bejn il-jum tal-Ħadd u jum ieħor ta' matul il-ġimgħa, imma l-ħaddiema li jkollhom jidħlu xogħol il-Ħadd jispiccaw li lanqas huma ma jkollhom ħin biex imorru jixtru għax ikunu xogħol. Ftit ftit jibdew jiftħu l-ħwienet l-oħra kollha, tal-kompjuters, tal-ħwejjeġ u l-aġenziji tal-ivjaġġar, għax jekk jiftħu tas-supermarkets mhux sewwa li ħwienet u agenziji oħra jibqgħu magħluqin! U mbagħad il-fabbriki jibdew iħaddmu n-nies il-Ħadd ukoll, u nispiċċaw biex noħolqu problema oħra, problema għax lanqas il-Ħadd ma nkunu nistgħu mmorru nixtru! Żgur li hawn min bħalissa qed jgħid f’ qalbu, “Kemm jara kbir dal-Patri!” Għandi mnejn qed nara kbir, imma nippreferi hekk milli b’għajnejja magħluqin. Għax ladarba tkun tara ikun ifisser li jkollok għajnejk miftuħin!

Jekk wieħed jippjana sewwa l-ġurnata żgur li jsib ħin għal kollox. Kieku minflok ħwienet jifthu l-Ħadd, jiġi mtawwal il-ħin tal-ftuħ nemmen li jkun aħjar. Biex ma noħolqux problemi li l-ħaddiema tal-ħwienet bit-tul ta' ħin tax-xogħol ma jkunux jistgħu jixtru huma, jistgħu jiġu mpjegati part timers sabiex ibiddlu lill-ħaddiema li jaħdmu full time. Pjanar sewwa kull ma wieħed irid, bħalma għamilt jien, pjanat il-ġurnata u qiegħed insib ħin għall-universita, għall-qari, għall-ħajja pastorali li titlob il-ħajja tiegħi kif ukoll għal mixja ta' siegħa ħdejn ix-xmara Tevere! U inti għax ma tippruvax tagħmel bħali?

© Fr. Reno Muscat OP

Nessun commento:

Posta un commento