Il-Kapitali Taljana bija belt sabiħa s-sena kollha imma
fi żmien li ninsabu fih donnha ssir isbaħ. Forsi l-fatt li Ruma hija wkoll
il-benniena tal-Kristjaneżmu jkompli jsaħħar dawn il-jiem sbieħ. U la tkun Ruma
tara l-Papa ngħidu aħna l-Maltin. Mhux hekk? Imma Ruma mhux il-Papa biss hemm x’tara
f’ dawn iż-żminijiet – dawl, arti, mużika, teatru, wirjiet, ċirkli, presepji,
ikel, swieq, riġali, liturġija, ħelu, spettakli. Insomma fi ftit kliem, hemm xi
ħaġa għall-gosti ta’ kulħadd.
Funzjonjiet lituġiċi
Dawn huma jiem qaddisa u ma jistax jonqas li jsiru
funzjonjiet kif jixraq. F’ kull parroċċa f’ Ruma ssir in-novena u l-quddiesa
ta’ nofsilejl. Imma aħna sejrin naraw biss il-programm ta’ attivitajiet
tal-Papa għax żgur li bosta minn dawk li jkunu fil-belt eterna dawn
iż-żminijiet imorru xi funzjoni fil-Vatikan għax żgur li tkun esperjenza
indimentikabbli. Il-quddiesa tal-lejl tal-Milied, fil-Vatikan tibda fl-10.00 pm
u tkun immexxija mill-Papa. L-għada, jum il-Milied il-Papa jagħti l-barka
msejħa Urbi et Orbi mill-loġġa tal-Bażilika tal-Vatikan. Fl-aħħar jum tas-sena
il-Papa jmexxi għasar solenni fil-Vatikan fil-5.00 pm.Wara l-għasar jitkanta
it-Te Deum. Fl-ewwel tas-sena il-Papa
jiċċelebra quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru fid-9.30 am. Għal dawk li forsi
ma jkunux Ruma f’ dawn il-ġranet imma jkunu hemm ftit wara, il-Papa jiċċelebra
l-quddiesa tal-Epifanija, fis-6 ta’ Jannar fid-9.30 am, wara jkun hemm
l-Angelus fi Pjazza san Pietru. Għall-funzjonijiet tal-Papa li jsiru
fil-Bażilika ta’ San Pietru wieħed irid jakkwista l-biljett (bla ħlas) minn
qabel. Għall-funzjoniijet li jsiru fil-pjazza ma hemmx bżonn ta’ biljett.
Presepji
Jitħejja l-presepju fi Pjazza San Pietru |
Kien propju fl-Italja li oriġina l-presepju meta San
Franġisk fl-1223 ġewwa r-raħal ta’ Greggio għamel l-ewwel xena tat-twelid ta’
Ġesù. Din it-tradizzjoni dlonk infirxet mhux biss mal-Italja imma mad-dinja Kattolika
kollha. Ruma bħala l-Kapitali tal-Kattoliċi jkollha għal wiri għadd ta’
presepji artistici. Forsi l-aktar wieħed imfittex huwa dak li jintrama taħt
l-obelisk fi Pjazza San Pietru. Dan il-presepju beda jintrama fl-1983 fuq xewqa
tal-Beatu Ġwanni Pawlu II. Ta’ kull sena jinbidel il-format tiegħu. Din is-sena
għandu format tassew oriġinali, u forsi ngħid ukoll interattiv. Ħdejn dan
il-presepju tintrama wkoll siġra tal-Milied kbira li ta’ kull sena tkun
irregalata minn xi pajjiż lill-Vatikan. Din is-sena s-siġra tal-Milied
tal-pjazza tal-Vatikan hija rigal mill-Ukraijna. Tajjeb li wieħed imur jara
l-wirja annwali tal-presepji li ssir fis-Sala del Bramante fi Piazza del
popolo. Din il-wirja ġġib l-isem “I 100 Presepi”.
Hija wirja li tiġbor numru kbir ta’ presepji mill-Itlaja kollha u minn madwar
25 pajjiż ieħor. Presepju ieħor jintrama fit-taraġ ta’ Piazza Spagna. Barra minn dawn kull knisja f’ Ruma tagħmel
il-presepju tagħha. Xi wħud minn dawn il-presepji jkollhom livell artistiku
tassew għoli. U min hu deilettant tal-presepju ma għandux jinsa jmur il-mużew
tal-prespju. Dan il-Mużew jinsab f Via Tor di Conti, qrib il Colosseo.
Wirjiet artistiċi u mużewijiet
F’ dawn il-jiem f’ Ruma qegħdin jinżammu bosta wirjiet
artistiċi li mhux ta’ min wieħed jitilfhom. “Roma al tempo di Caravaggio” hija
wirja li żgur ma għandiex tintilef. F’ din il-wirja wieħed jista jara f’ post
wieħed 140 opra tal-arti li inġiebu minn knejjes, mużewijiet, kollezzjonijiet
internazzjonali u biċċa xogħol li qatt ma ntweriet qabel – pittura ta’ Santu
Wistin, li nġiebet minn Spanja apposta għal dil-wirja u hija attribwita għal
Caravaggio. Flimkien mal-opri tal-Caravaggio hemm esebiti wkoll opri ta’
artisti kontemporanji tal-Merisi bħal Aremisia Lomi Gentileschi u Annabile
Carucci. Din il-wirja qegħda titqies bħala x-xogħol artistiku tal-mument
l-aktar kruċjali għall-pittura Taljana, żmien fejn Ruma kienet għadha qegħda
tbati mix-xiżma Luterana, żmien fejn il-Knisa Kattoika kellha 4 papiet
importanti kemm mil-lat politiku kif ukoll minn dak artistiku, żmien li minnu
ddependa l-iżvilupp artistiku tal-Ewropa tas-seklu XVII. Din il-wirja qegħda
ssir fil-Mużew ta’ Palazzo Venezja, fi Pjazza Venezja u tibqa’ miftuħa sal-5
ta’ Frar.
Wirja interessanti oħra hija dik li qiegħda ssir bħalissa
fil-Musew Capitolini. Din il-wirja ġġib l-isem ta’ “Leonardo e Michelangelo,
Capolavori della grafica e studi Romani”. Din il-wirja straordinarja tpoġġi
maġenb xulxin żewġ artisti Toskani kbar, Michelangelo Buonarroti u Leonardo da
Vinci. Din il-wirja tiġbor fiha 80 disinn ta’ dawn iż-żewġ ġenji tal-arti.
Id-disinji huma ta’ buzzetti ta’ xogħol, studji anatomiċi u proġetti. Dawn
id-disinni inġiebu mill-Bibljoteka Ambrożjana ta’ Milan u minn Casa Buonarroti
ta’ Firenze. Parti mill-wirja fiha disinji ta’ arkitettura u geometrika filwaqt
li parti oħra fiha disinji anatomici li Michelangelo ħażżes għall-Kappella
Sistina u l-Kappella Pawlina u għall-Bibljoteka Lawrenzjana. Il wirja tibqa’
miftuħa sad-19 ta’ Frar 2012.
150 sena ilu l-Italja ingħaqdet f’ Renju. Din is-sena
saru bosta ċelebrazzjonijiet biex jitfakkar dan l-avveniment. Bħalissa qegħda
ssir wirja ta’ 140 ritratt li qatt ma dehru qabel. Il-wirja ġġib l-isem ta’
“Italia a colori 1861 – 1935” u tinsab f’ Palazzo Incontro, f’ Via dei Prefetti.
Il-140 ritratt huma kolla meħudin f’ Ruma, huma vjaġġ fl-istorja kemm
tal-Italja kif ukoll fit-teknika tal-fotografija. Ir-ritratti juru postijiet,
persuni u sitwazzjonijiet mill-ħajja ta’ kuljum. Il-wirja tibqa’ miftuħa sat-8
ta’ Jannar.
Bħalissa f’ Ruma għaddejja offerta. Is-Sibtijiet
filgħaxija, meta wieħed jixtri biljett ta’ xi mużew ikun jista’ jidħol f’ għadd
ta’ mużewijiet oħra. Din l-offerta tinkludi il-Mużew ċentrali Montemartini, il-mużew tal-arti kontemporanja Macro f’ Via Nizza, il-mużew Macro Testaccio,
il-Mercati di Traiano jew aħjar il-mużew tal-Fori Imperjali, il-Mużewijiet Capitolini,
il-Mużew ta' Ara Pacis, il-Museo di Roma ġewwa Palazzo Braschi, u il-Museo di
Roma fi Trastevere. Il-ħinijiet ta’ din l-offerta huma mit-8.00 pm sas-1.00 am.
Din l-offerta sejra tibqa’ fis-seħħ sas-7 ta’ Jannar 2012.
La qegħdin insemmu l-mużewijiet ma nistgħux ma nsemmux
il-mużewijiet tal-Vatikan. Dan il-mużew ta’ min iżuru kmieni matul il-ġurnata u
jiddedika ftit ħin sewwa għalih għax hemm ħafna x’wieħed jara. Swali b’ opri
artistiċi, swali b’arazzi, swali b’ apparat lituġiku, wirjiet u kollezzjonijiet
li mhux faċli tfisser fi ftit kliem dak kollu li wieħed jista’ jara f’ dawn il-mużewijiet.
Dawra ma’ dawn il-mużewijiet tieħdok ukoll fil-kappella Sistina. Hawnhekk (mhux
fil-kappella imma bil-ġnien!) wieħed isib ukoll post fejn jiekol xi ħaġa wkoll
u għalhekk wieħed jista’ wkoll jagħmel jum sħiħ idur qalb l-opri u l-meravilji
li jsib hemmhekk. Minħabba l-jiem tal-festi, il-mużewijiet u l-Kappella Sistina
jagħlqu fit-3.30 pm lejlet il-Milied u lejlet l-Ewwel tas-sena u ma jkunux
miftuħin fil-Milied u fl-Ewwel tas-sena u fil-Ħdud. Il-Kappella Sistina tagħlaq
fis-2.00 pm fis-7 ta’ Jannar.
Swieq tal-Milied
Stand fis-suq tal-Milied ta' Piazza Navona |
Il-ħwienet kollha tal-kapitali Taljana jżejnu l-vetrini
tagħhom bi stil verament sabih u uniku f’ dan iż-żmien tas-sena. Bosta parroċċi
jorganizzaw bazaar jew suq tal-Milied, imma xejn ma jħabatha mas-suq tal-Milied
li jsir fi Piazza Navona. Madwar 100 stand jimla din il-pjazza kbira u sabiħa.
Issib dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Milied, minn pastur sa rigali, presepji
żgħar u kbar, tiżjin għad-dar u għal mas-siġra tal-Milied. Ħelu, ikel u xorb
kollox marbut ma dawn il-jiem. Ma jonqsux il-pupi forma ta’ sħaħar, imsejħin Befana.
Dan is-suq jibqa’ miftuħ tard filgħaxija u wieħed jista’ jiddedika lejla għal
dan il-post. Jekk magħkom ikolkom it-tfal, dawn isibu wkoll logħob fejn jistgħu
jehdew. Insomma f din il-pjazza kulħadd jerġa jsir tfal, għax issaħar lil kull
min iżurha u treġġa’ lura fiż-żmien lil dak li jkun – tal-anqas fil-memorja!
L-Epifanija
L-Italja għadha tiċċelebra l-festa tat-Tre Re fis-6 ta’
Jannar. Illum jitqassmu r-rigali lit-tfal il-kwieti filwaqt li lil dawk
imqarbin la befana ġġibilhom faħma. Attrazzjoni turistika li ssir dan il-jum
hija l-presepju ħaj li jsir fit-toroq tal-kwartier Esquilino. Issir forma ta’
purċissjoni - peagent li tintemm fi pjazza Vittorio Emanuele fejn is-Slaten
Maġi jippreżentaw ir-rigali tagħhom lil Ġesù Bambin. B’din l-attività u b’ dan
il-jum jiġu fi tmiemhom l-attivitajiet natalizji kollha, kif jgħid il-qawl Taljan,
Con l’epifania, tutte le feste vanno via. Minn għada jibdew jiżżarmaw l-istands
ta’ Piazza Navona, il-ħwienet jerġgħu jarmaw il-vertini tagħhom b’ mod normali
u t-tfal jerġgħu lura għall-iskola ferħanin b’dak li tkun ġabiltihom la Befana
il-jum ta’ qabel.
Suġġeriment għall-ikel
Il-Milied huwa wkoll żmien ta’ ċelebrazzjonijiet. U biex
niċċelebraw x’hemm isbaħ milli niġabru madawar mejda għal ikla tajba. Meta
wieħed ikun imsiefer għandu jagħmel dak kollu li jista’ biex igawdi l-ikel
tal-post. M’hemmx għalfejn ngħidu li l-ewwel platt f’ Ruma jkun għaġin imħawwar
tajjeb. Tiskanta b’ kemm ingredjenti kapaċi jagħmluh l-għaġin! Ir-Rumani jħobbu
jieklu l-ħut lejliet il-Milied. Mal-ħut għandhom drawwa li jservu Crocchette di
patate u qlub tal-qaqoċċ. Fil-jum tal-Milied aktarx li jieklu l-ħaruf jew dundjan.
Iservu wkoll bużbież imsajjar bil ġobon parmeġġjan. Ma għandneix xi ngħidu wra
ikla tajba l-ħelu ma jonqosx. Illum issib għadd kbir ta’ ħelu differenti, imma
l-Panettone jibqa’ l-ħelu l-aktar maħbub għat-Taljani fi żmien il-festi
tal-Milied. Ruma għandhom il ħelu tradizjonali tagħhom tal-Milied imsejjaħ Pangiallo
di Natale. Jekk wieħed jinzerta Ruma fl-aħħar tas-sena żgur li ma jitlifx iċ-Cenone
di San Silvestro. Din iċ-ċena tkun tinkludi madwar 14-il platt differenti.
Illum iservu wkoll iz-zampne, sieq tal-majjal miksija bl-għads. Mat-tokki ta’
nofs il-lejl is-sema jintela’ bi lwien sbiħ. Nar ta’ kull tip. Bews, tgħannieq,
wegħdiet u Spumante!
Togħma Rumana
il Pangiallo di Natale |
Żgur li mhux kull min qiegħed jaqra dan l-artiklu żar jew
sejjer iżur Ruma u għalhekk nixtieq indewwaqkom ftit mill-Milied Ruman. Tlabt
lil Anna Maria, il-koka tal-kunvent fejn qiegħed jiena sabiex tgħidli r-riċetta
tal-itjeb ħelu tipiku Ruman tal-Milied. Anna Maria issuġġerietli il Pangiallo
di Natale. Se ngħaddilkom ir-riċetta biex b’ hekk min irid ikun jista’ jagħmilha
hu stess id-dar! Għalina mela. Ikollok bżonn, Kilo tin imqadded, 100 gramm
lewż, 100 gramm ġellewż, 200 gramm jam li tiġġosta inti, 300 gramm dqieq u 10
grammi ħmira tat-trab. Staqsejtha kif tagħmilha u waqt li kompliet tqaxxar il-patata
għall-ikel ta’ nofsinhar qaltli l-metodu. Qatta’ t-tin fil-mixer u itfgħu f’ bowl,
żid il-lewż u l-ġellewż sħaħ miegħu u għaqqad kollox bil-jam. Jekk il jam ilkun
iebes ħollu bi ftit misħun. Ħalli kollox joqgħod għal xi siegħa jew tnejn.
Sadattant agħġen id-dqieq u l-ħmira flimkien bl-ilma. Iftaħ l-għaġina irqieqa
kemm tista’. Mit-taħlita agħmel blalen żgħar xi ftit ċatti u poġġihom fuq
l-għaġina. Iksi l-blalen bl-għaġina u aħmi f’temepratura għolja għal madwar
tliet kwarti, sakemm jieħdu lewn dehebi.
Anna Maria qaltli li din hija r-riċetta bażika u magħha tista’ żżid ċikkulata,
rum, għasel, passolina, ġewż, qoxra ta’ larinġa u ħwawar bħal kannella u
ħlewwa, imma dawn iż-żidiet isiru dejjem skont il-gosti ta’ dak li jkun.
Nispera li jippruvawha dawk li mhxu se jkunu Ruma, u anke dawk li se jkun. Issa
jekk iduquha u tgħoġobhom ikunu jafu kif issir.
Hekk jgħaddi dan iż-żmien fil-Belt kapitali ta’ Ruma –
hemm bosta x’wieħed jara, jisma u jduq! Semmejna biss ftit min dak li wieħed
issib. Min mar Ruma xi darba f’ dan iż-żmien żgur li jitħajjar jerġa jżurha, u
min qatt ma żarha nissuġġerilhu li jagħmel l-ewwel pass. Tmur Ruma tara l-Papa
kienu jgħidu n-nanniet tagħna. Għalihom Ruma kienet tfisser il-Papa u xejn
aktar. Imma mhux hekk, tmur Ruma lil Papa tarah, imma mhux biss, hemm hafna x’tara
u xi żżur li meta tasal fi tmiem tal-vaganza tiegħek tibda taħseb biex
tirritorna darba oħra biex iżżur dak li ma tkunx ilħaqt żort.
© Fr. Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento