Magħrufa għaz-zalza
tal-ispagetti, universitajiet u San Duminku.
Waħda mill-ibliet
li kull ma jmur qegħda ssir familjari mal-Maltin hija l-belt antikissima ta’
Bologna. Din hija l-kapitali tar-reġjun Emilia Romagna. Hija belt li fiha bosta
universitajiet u għalhekk bla dubju hija belt mimlija studenti żgħażagħ. Hija belt
li fil-medjuevu kienet imdawra bis-swar u kellha 12-il bieb. Kienet belt li
tagħmel parti mill-istati pontifiċji. Hija belt ċentru ta’ kultura u attività
artistika u tista’ tgħid li ta’ kuljum, sajf u xitwa ssib xi attivita
kulturali għaddejja. Hemm insibu is-sitt l-akbar knisja fid-dinja, u jekk tqis
il-bażilika tal-Vatikan bħala ’l barra minn l-Italja, tiġi it-tielet l-akbar
knisja fl-Italja. Illum Bologna hija ħolqa importanti fit-toroq u fir-rotot
tal-ferrovija li jgħaqqdu lill-Italja ta’ fuq.
Illum Bologna
bejn iċ-ċentru u l-periferija hija d-dar ta’ madwar miljun ruħ, imma ċ-ċentru
storiku ma huwiex daqstant kbir li wieħed idum ħafna sabiex iżuru. Iżda
minkejja ċ-ċokon taċ-ċentru storiku, hemm bosta x’ wieħed iżur.
Il-qabar ta' San Duminku |
Il-bosta
mużewijiet ta’ din il-Belt huma kollha bla ħlas is-sena kollha. Bejn mużewijiet
statali u dawk ekkleżjali insibu xejn inqas minn 43 wieħed fiċ-ċentru ta’
Bologna. Forsi l-aktar magħrufin u tajjeb wieħed iżurhom huma dak arkeloġiku,
il Mużew Ċiviku Medjevali, Il-pinoteka tal-arti kif ukoll il-mużew tal-Knisja
ta’ San Petronju. Barra minn dawn hemm bosta knejjes li huma mużew fihom
infushom. Forsi l-aktar qaddis magħruf fid-Dinja li għandu rabta ma’ din
il-Belt huwa San Duminku. Minkejja li huwa kien Spanjol, huwa għażel lil din
il-belt biex tkun pilastru tal-ordni tiegħu. Dan minħabba li sa minn żmienu
Bologna kienet għajn ta’ tagħlim minħabba l-universitajiet tagħha. Illum dan
il-qaddis ghadu hemm, midfun fil-Knisja iddedikata lil San Nikola u lilu
miżmuma mill-patrijiet Dumnikani, uliedu. Il-qabar ta’ dan il-qaddis huwa
kapolavur ta’ arti, xogħol ta’ bosta surmastrijiet tal-arti bħalma huma Nicola
Pisana, Michelangelo Buonarrotti u Guido Reni. Fl-istess bażilika hemm bosta
opri artistiċi oħra ta’ artisti famużi. Wieħed ma għandux jitlef milli jżur
il-kor interzjat ta’ din il-knisja sabiħa.
Semmejna aktar il
fuq it-tielet l-akbar knisja tal-Italja. Din hija l-Bażilika ta’ San Petronju.
Semmejna diġa l-mużew tagħha wkoll. Quddiem din il-bażilika hemm tliet pjazez
imissu ma- xulxin: Piazza Maggiore, Piazza del Nettuno u piazza Re Enzo. Piazza
maggiore hija l-pjazza li għaliha Lucio Dalla, iben dehen ta’ din il-Belt,
kiteb il-kanzunetta popolari Piazza Grande. Ġewwa l-Bażilika ta’ San Petronju
insibu wkoll għadd ta’ opri artisitċi. Forsi l-aktar ħaġa li tiġbed nies biex
jaraw f’ din il-Knisja, u l-aktar opra li toħloq kontroversji hija l-pittura
tal-ġudizzju universali li fiha jidher Mawmettu. Bosta Musulmani jipprotestaw
għal dan l affresk, imma tajjeb wieħed iżomm f’ moħħu l-mentalità ta’ meta
saret din l-opra tal-arti. Interessanti wkoll f’ din il-knisja huwa l-arloġġ
tax-xemx li hemm fl-art. Minn toqba żgħira fis-saqaf jidħol raġġ ta’ dawl li
jimmarka l-ħin.
Knisja oħra li
tajjeb wieħed iżur hija dik ta’ San Stiefnu. Fil-verità din hija kumpless ta’
knejjes, seba’ knejjes imissu waħda mal-oħra. It-tadizzjoni tgħid li kien San
Petronju stess li ried li tinbdna dil-knisja, li biż-żmien saret kumnpless ta’
knejjes. Mil-lat arkitettoniku din hija Knisja li toffri bosta x' wieħed jara.
Wieħed jista' jżur il-kjostru u jidħol ukoll fil-ħanut li jbiegħ prodotti tipiċi
maħdumin mill-patrijiet tal-monasteru li hemm imiss mal-knejjes u minn
monasteri oħra mifruxin madwar l-Italja.
Piazza del Nettuno |
Iċ-ċentru huwa
dominat mit-torrijiet Asinelli. Huma żewġ torrijiet simbolu tal-belt. L-itwal
wieħed huwa għoli 97 metru u kwart. L-itwal torri fl-Italja. It-torri ta’ ħdejh
huwa iqsar u huwa mmejjel u huwa twil 48 metru. It-torri t-twil huwa miftuħ
għall-pubbliku u wieħed jista’ jitla jara veduta mill-isbaħ ta’ din il-belt. Simbolu
ieħor tal-belt huwa l-istatwa ta’ Nettunu li nsibu fil-pjazza msemmija għalih.
Ħaġa unika ta’ Bologna hija l-għadd ta’ loġoġ li jdawru l-belt. Madwar 34
kilometru ta’ loġoġ huma mifruxin mal-belt kollha. Din il-ħaġa tagħmel lil din
il-belt unika li anke fix-xita wieħed jista' joħroġ jippassiġa mingħajr ma jkun
jeħtieġ umbrella. Dawn il-loġoġ huma wkoll attrazjoni matul il-lejl. Mixja
taħt il-loġoġ għad-dawl baxx tagħhom matul il-lejl hija xi ħaġa li ma
tintesiex. Passiġġata ħelwa taħt dawn il-logog tista’ twasslek sas-santwarju
tal-Madonna di San Luca. Dan huwa l-aktar santwarju maħbub għall-Boloniżi u ta’
kull sena jsiru pellegrinaġġi għalih. Hemm daqxejn telgħa mhux ħażin, imma meta
wieħed jasal fuq l-għolja fejn hemm dan is-santwarju jkun jista’ jgawdi veduta
li minn imkien ma jkun jista' jaraha. Tajjeb ukoll insemmu l-fiera ta’ Bologna
fejn fost oħrajn issir il-motor show annwali u tkun attrazzjoni li tiġbed lejha
eluf kbar ta’ nies. Billi din il-belt hija mimlija studenti ma jistax jonqos li
jkun hemm bosta postijiet ta’ divertiment. Via Zamboni u via del Pratello huma
żewġ toroq li wieħed jista’ jsib kull tip ta’ divertiment, minn ċinema, għal
ristoranti, ħwienet tax-xorb u ħwienet tal-kotba li joffru wkoll xi ħaġa
tal-ikel.
U la semmejna
l-ikel tajjeb nagħtu ħarsa gastronomika u naraw x toffri dil-belt. Iz-zalza
bolgonese ħadet l-isem tal-belt. It-tortellini fil-brodu huma speċjalità. Hemm
tip ta’ għaġin li jsir fid-djar, jissejjaħ pasatelle, li jagħmel brodu tajjeb
ħafna. Dan il-platt isisbu biss Bolgona u jekk wieħed ikun hemm jagħmel tajjeb
li jistaqsi għalih. Imbagħad ma nistgħux ma nsemmux il-mortadella ta’ Bologna,
magħrufa mat-Taljani kollha bħala l-itjeb ta’ pajjiżhom. Ikel tipiku ieħor ta’
Bologna huma il-frittelle, għaġina tal-ħobż moqlija, maqsuma meta tkun għadha
taħraq u mimlija bil-mortadella jew salami jew skont dak li jiggosta dak li jkun. Bomba fil kalaoriji, imma tajba
fit-togħma u ta’ min jippruvaha!
Għal dawk
dilettanti tal-futbol: billi t-tim tal-Bologna jinsab fis-serje A, allura din
il-belt spiss tilqa’ timijiet kbar tas-serje A. L-istadju Renata dall’Ara jinsab
qrib ħafna ċ-ċentru storiku u wieħed jista' anke jasal għalih bil-mixi. Min ma
jħobbx jimxi imma jista’ jserraħ rasu għax Bolgona għandha sistema tajba ħafna
ta’ servizz pubbliku.
Bologna għandha
stazzjon tal-ferrovija li minnu jgħaddu
bosta ferroviji għal bliet oħrajn. Għalhekk min ikun hawn jista’ japprofitta
ruħu u jżur xi belt billi jitlaq filgħodu u jerġa lura filgħaxija. Jekk wieħed
ikun irid imur Ferrara jista’ jasal f’ nofs siegħa, jekk irid imur Padova
għandu vjaġġ ta’ siegħa u nofs u jekk dak li jkun ikun irid jitbiegħed ftit
ieħor, f’ sagħtejn jasal Venezja. Il-ferrovija għal Rimini tieħu siegħa u
siegħa wkoll tieħu għal Ravenna. F’inqas minn siegħa wieħed jista’ jasal Parma.
F’inqas minn siegħa wkoll wieħed jista’ jmur Modena u jekk dak li jkun ikun
dilettant tal formula uno jista’ jżur Imola bi vjaġġ ta’ madwar siegħa. Jekk
wieħed ikun irid imur Milan jista' jasal hemm f’ inqas minn sagħtejn u Firenze
tinsab biss 35 minuta bogħod minn Bologna.
Dawn huma kollha bliet magħrufa u sbieħ li ta’ min wieħed iżurhom jekk
ikollu ħin.
© Fr. Reno Muscat OP
Nessun commento:
Posta un commento