Ma twelidtx u
lanqas trabbejt f’ parroċċa Dumnikana jew fejn hemm preżenza tad-Dumnikani.
B’daqshekk ma jfissirx li ma kontx naf b’ San Duminku u bil-festi li jsiru f’
ġieħu kemm fil-belt Valletta kif ukoll fil-belt Vittoriosa. Minn dejjem
għoġobni l-innu lil dan il-qaddis, miktub mill-Qormi bħali Ġużè Muscat
Azzopardi (1853 – 1927), rumanzier u poeta
kif ukoll fundatur tal-Għaqda Kittieba tal-Malti (1920) u mużika
tal-Belti Ġużeppi Caruana (1880 – 1931), kompożitur ta’ bosta mużika għal innijiet
fosthom tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila (1871 – 1961). Dejjem staqsejt
lili nnifsi dwar l-ewwel vers ta’ dan l-innu. Malta nafha għax Malti jien,
Bologna smajt biha kemm-il darba, imma Kalaroga ma kont naf xejn dwarha. Meta
aktar ’il quddiem issaħħart bil-ħajja tal-qaddis Duminku, u tnisslet fija
x-xewqa li nissieħeb mal-Ordni tal-Predikaturi, bdejt naqra dwar Duminku ta’
Gużman. Kont niltaqa’ bosta drabi ma’ isem raħal twelidu – Caleruega fi Spanja.
Poġġejt dal-post mal-lista ta’ għadd ta’ postijiet li kont nixtieq inżur. U
meta sibt iż-żmien opportun mort u għixt f’ dan ir-raħal li ta lid-dinja
kewkba, dan ir-raħal li fih ra id-dawl ix-xandar tal-Mulej.
Inżilt
fl-ajruport ta’ Valladolid, fejn sibt lil Fra Sistu, ħabib tiegħi, Dumnikan
ukoll, jistennieni. Tlaqna lejn il-kunvent ta’ Valladolid, introduċieni
mal-membri tal-komunità u dħalna fir-refettorju biex nieklu. Waqt l-ikel
id-diskors ma naqasx. Patri xwejjaħ beda jsemmili li jaf patri Dumnikan Malti
imma ma setax jiftakar ismu. F’ ħin minnhom nisimgħu jgħidli: “Zerafa, Zerafa!”
Kien qed jirreferi għal p. Pietru Pawl (1929 – 2011). Dak iż-żmien p. Pietru
Pawl Zerafa kien għadu mimli bl-għomor. (Din il-ħaġa ġratli bosta drabi. Meta
ngħid li jien Malti, bosta jsemmuli lil Pietru Pawl Zerafa. Kien patri magħruf u
maħbub li għamel ġieħ lill-provinċja tagħna.) Wara l-ikel tlaqna lejn Caleruega.
Ma hemmx wisq bogħod, 125 kilometru! Siegħa sewqan kollox. Bdejna għaddejjin
minn kampanja b’xenarji mill-isbaħ. Ir-reġjun ta’ Kastilja u Leon huwa sabiħ
ħafna. Iż-żona hija mimlija kastelli, kif juri l-isem tagħha stess wara kollox.
Ħin minnhom waqt li konna għaddejjin mill-autostrada bejn Valladolid u Aranda, naraw
tabella bil-kliem Haza. Aza, il-post fejn kienet toqgħod omm San Duminku. Ma
sibtx oġġezzjoni x’ ħin ix-xufier staqsieni ridtx imur s’hemm. Konna qegħdin
noqorbu lejn Caleruega, kien jonqos biss xi 40 kilometru. Ta’ min jittawwal
ftit fejn kienet tgħix in-nanna.
Fuq għolja tara
bini bħal fortizza. Dik hi Aza! Tasal u ssib ruħek f’ dak li fadal mill-kastell
tal-familja ta’ omm San Duminku. Ftit huma dawk li joqgħodu f’ dan il-post. Fl-2008
kienu joqgħodu hemm 31 ruħ kollox. Hawn tħossok li tkun erġajt lura lejn
il-medjuevu għax donnu l-progress ma kienx wisq kattiv ma’ din in-naħa. Morna
l-knisja ċkejkna u unika li tinstab f’ dan il-post. Kienet magħluqa ovvjament.
Hija knisja ddedikata lil San Mikiel u tagħmel mal-parroċċa ta’ Hontanges,
fid-djoċesi ta’ Burgos. Ta’ interess ukoll f’dan il-post huma s-swar
tas-seklu XV mibnijin fuq il-pedamenti
ta’ swar aktar qodma, jiġifieri tas-swar ta’ żmien Ġovanna ta’ Aza, omm
Duminku.
Il-knisja ta Aza |
u
komplejna triqitna. Għaddejna minn Aranda. Belt antika imma li matul iż-żmien
aġġornat u llum hija belt mimlija ħajja. Kull xorta ta’ ħwienet jimlew it-toroq
prinċipali tal-belt. Mill-istazzjon tal-ferrovija kif ukoll tal-autobus jitilqu
ta’ kuljum eluf ta’ nies lejn Madrid, Barċellona jew bliet oħra Spanjoli.
Qbiżna Aranda u
triq fil-kampanja qabbditna triqitna lejn Caleruega. Għelieqi enormi. Ma tara
xejn bini, xejn djar, imma pjanura immensa ta’ għelieqi. Kien Frar u xi ftit
jiem qabel kien għadu kif niżel is-silg. Qtajjiet ta’ silġ kienu għadhom jidhru
’l hawn u ’l hinn. Bdejna noqorbu lejn ir-raħal u l-ewwel ma jidher huwa bini
enormi. Sistu qalli li dak huwa l-kunvent tagħna, il-kunvent fejn huwa kien
għamel in-novizzjat. Wasalna u waqafna fil-pjazza ta’ quddiem il-kunvent.
Pjazza li hija ċ-ċentru tal-ħajja ta’ Caleruega. Fiha hemm il-kunvent
tal-Patrijiet Dumnikani, il-kunvent tas-sorijiet Dumnikani u l-monasteru
tas-sorijiet tal-klawsura Dumnikani wkoll. Kollox Dumnikan, anke l-parroċċa
hija afdata f’idejn id-Dumnikani. Faċċata tal-kunventi hemm il-ħanut tax-xorb.
Skont l-istitut nazzjonali
tal-istatistika Spanjol fl-2011 kien hemm 509 persuni joqgħodu hemmhekk.
Sewwasew wara l-knisja parrokkjali hemm għolja li jingħad li darba kien hemm
monasteru fuqha.
Dħalna
ġol-kunvent. Laqagħni p. Jesus Martinez. L-istess storja ta’ Valladolid. Malli
għidtilhom li jiena Malti bdew isemmuli xi patrijiet Dumnikani Maltin.
Mill-ġdid issemma Pietru Pawl Zerafa imma issa in-numru żdied. Billi p. Jesus
kien għal xi żmien jgħix Ruma kien jaf ħafna Dumnikani Maltin. Semmewli lil p.
Mark Said (1918 - 2006). Semmewli wkoll lil p. Frank Borg, il-pirjol attwali
tal-Birgu u lil p. Joe Agius li għadu sal-lum jgħix Ruma. Dħalna fil-kamra fejn
issir ir-rikreazzjoni, offrewli kafè bil-brandy Spanjol. Ma’ ħajt minnhom kien
hemm bosta ritratti mdendlin. Kienu tal-kapitli ġenerali tal-ordni. Bejn is-17
ta’ Lulju u t-8 ta’ Awwissu, 1995 il-kapitlu tad-definituri kien sar propju f’
dan il-kunvnet u għalhekk poħħew ritratt ta’ dan il-kapitlu wkoll. Fir-ritratt
rajt żewġ Dumnikani Maltin oħra li kont
nafhom, p. Frans Micallef u p. Mark Montebello.
Ġewwa Calaruega |
Ħriġt indur ftit
ir-raħal, l-istess toroq li min jaf kemm ġera fihom Duminku meta kien ċkejken.
Li n-nies tal-post jaraw patri liebes it-tonka bajda hija xi ħaġa mill-iktar
normali hawnhekk, imma li jaraw wiċċ ġdid mhux daqstant normali. Malajr beda t-tislim.
Ħin minnhom mara waqfet tkellimni. Pruvajt inkellimha bit-Taljan. “Sto qui per una settimana, per un ritiro!”
Boqq! Ma fehmet xejn imma daħqitli. Pruvajt niftakar xi ħaġa bl-Ispanjol. “Yo soy en Caleruega por una semana por
oraciones” pruvajt infehma u naħseb li fehmet għax qalti: “Sí sí!” Komplejt
indur il-ftit toroq tar-raħal u erġajt sibt ruħi fil-pjazza ċentrali, il-qalb u
r-ruħ tal-post. Issa l-knisja kienet miftuħa. Dħalt. Il-kappillan, Dumnikan
imdaħħal fiż-żmien imma b’moħħ ta’ żagħżugħ. (Għandu 80 sena llum. Biex taraw
kemm għadu żagħżugħ f’qalbu dal-patri ngħidilkom biss li bqajna nikkuntatjaw
lil xulxin permezz ta’ Facebook!)
Parroċċa ddedikata lil San Bastjan. “U s-santa mqatta! Jien vera Qormi, imma
Ġorġaniż!” għidt bejni u bejn ruħi aktar bħala ċajta milli għax tagħmilli xi
differenza lil min tkun iddedikata l-parroċċa! Iżda bħal donnu biex nikkonsla
sirt naf li l-għolja li tibda sewwasew minn wara l-knisja ġġib l-isem ta’ San Jorge, San Ġorġ! U bejn
l-għolja Ġorġjana, bejn il-parroċċa Bastjaniża u bejn l-ispirtu Dumnikan
ħassejtni qiegħed f’ dari.
P. Jesus riedni
li din il-ġimgħa ngħaddiha f’ meditazzjoni dwar San Duminku. Ħadni nżur
il-monasteru tas-sorijiet tal-klawsura. Il-kunvent tas-sorijiet, it-torri
tal-Familja Ġużman, niżzilni fil-post fejn twieled San Duminku, daħħalni
fil-kantina fejn sar il-miraklu tal-inbid. Dewwaqni l-ħelu tajjeb li jagħmlu
s-sorijiet. Filgħaxija f’ kamarti ħarist mit-tieqa lejn inżul ix-xemx u
ssaħħat! Xi ġmiel! Bla ma trid ħsibijietek jogħlew lejn il-Ħallieq. Bilfors
titlob hawn, trid u ma tridx l-ambjent iġegħlek titlob. Mhux ta’ b’xejn Duminku
sar qaddis. Hawn il-post jgħinek titqaddes.
Santo Domingo de Silos ma' P. Jesus |
Darba minnhom
wara ikla paella p. Jesus dar fuqi u staqsieni jekk insuqx. X’ħin weġibtu
fl-afferamttiv dar lejn il-kappillan u qallu xi ħaġa bl-Ispanjol. Dar lejja u
qalli biex waranofsinahr immorru Santo Domingo de Silos. Meta Ġovanna ta’ Aza
kienet tqila b’ Duminku kienet tmur fil-monasteru ta’ Silos sabiex titlob. San
Duminku ta’ Gużman huwa msemmi għal San Duminku ta’ Silos u min jaf kemm-il
darba huwa wkoll żar dan il-post. Silos huwa post żgħir, raħal medjevali bi
ġmiel liema bħalu. Joqgħodu fih madwar
300 ruħ imma minħabba l-abazija tal-patrijiet Benedittini li hemm, iżuruh eluf
kbar ta’ turisti. Dħalna fil-monasteru jew abazija. Imxejna fil-kjostru magħruf
ta’ dan il-post. Kjostru romanesk li
jmur lura lejn is-seklu VII. Dħalna fil-knisja u tlabna. Kien għadu l-ħin u
ħriġna. Ix-xita ma waqqfitx lit-turisti milli jżuru dan il-post ferm sabiħ.
Dħalna nieħdu kafè minn ġewwa ħanut b’ambjent medjevali sakemm sar il-ħin biex
immorru ngħidu l-għasar mal-irħieb tal-monasteru. X’ għasar dak! Jekk il-post
jistiednek titqaddes, il-kant tal-patrijiet iġegħlek tħossok li diġà wasalt
il-ġenna! Aħna u sejrin lura Caleruega p. Jesus qalli: “Imnalla taf issuq għax
ridtek iżżur dal-post!” Kif dħalna fil-ġnien tal-kunvent u konna ħerġin
mill-van tal-kappillan p. Jesus qalli li issa kien imiss inżuru Osma, fejn San
Duminku kien kanonku tal-kattidral.
Fil-Kattidral ta' Osma |
U hekk kien,
jumejn wara kellna mmorru Osma. Sbaħna b’ jum imċajpar għall-aħħar. P. Jesus
staqsieni jekk naqtax qalbi insuq f’ dik il-kundizzjoni. Għidlu li le. Qalli li
għandna siegħa sewqan. Erġajt għidlu le. Tlaqna wara l-quddiesa ta’ filgħodu.
Kullimkien abjad. Bdejt nistħajjilni qiegħed f’ borża tal-karti bajda. Ċpar
biss. Soqt bil-mod, u lanqas stajt insuq wisq għax il-viżibilità kienet
mill-agħar. Tlabt lil San Duminku jwasalna bis-sliema għax ngħid id-dritt qatt
ma kont soqt f’ kundizzjoni bħal dik u anke min ikun saq, xorta d-diffikultà
hija kbira. Wara ħames minuti sewqan ħriġna minn dik is-sitwazzjoni u bdejna
mexjin fit-triq bla tfixkil ta’ xejn. Warajna fix-xefaq kien għadu jidher
iċ-ċpar li kien jiksi lil Caleruega.
Osma belt
medjevali, b’ kattidral imwaqqaf minn San Pietru ta’Osma, li l-istatwa tiegħu
tilqek int u dieħel mill-bieb prinċipali tal-belt u li l-qabr tiegħu jinstab
fl-istess kattidral. Dan il-qaddis kien isqof ta’ Osma u l-festa tiegħu tiġi
ċċelebrata fit 2 ta’ Awwissu. Il-kattidral li nsibu llum ma huwiex l-istess
wieħed li kien bena San Pietru ta’ Osma imma xi partijiet minnu għadhom dawk
oriġinali. San Duminku kien kanonku ta’ hawnhekk. Ġejna biex nidħlu
fil-kattidral. Kien magħluq minħabba li kien qed isir xi restawr fih. Li kieku
kont waħdi kien ikolli ndawwar denbi u nerġa lura bħal ħmar, imma ma’ patri
Jesus l-istorja differenti. Jaf lil kulħadd dan p. Jesus. Dħalna u dorna kull
rokna. Min jaf kemm-il darba kien hawnhekk San Duminku! Ħriġna u dorna ftit
il-post. Dħalna nieklu u nixorbu xi ħaġa minn ħanut fi pjazza kbira u komplejna nduru t-toroq u
l-knejjes tal-post sakemm sar il-ħin biex nerġgħu lura. Fit-triq lura il-patri
qalli li dan kien il-mod li huwa jmexxi l-irtiri fuq il-passi tal-fundatur
tagħna. Iħalli lil dak li jkun b ħafna ħin ta’ meditazzjoni personali, imma
jforni lil dak li jkun b’ materjal għall-meditazzjoni.
Għaddiet
il-ġimgħa li kelli nagħmel Spanja u minn Caleruega wassluni sa Aranda fejn
qbadt pullman għal Valladolid. Minn Caleruega mort inkompli l-istudji tiegħi
Bologna fejn wara kelli ninżel Malta għall-ordinazzjoni. Illum meta nisma’
Kalaroga, Bologna u Malta niftakar fil-mixja li għamilt qabel irċivejt
is-saġrament tal-ordni sagri, mixja fuq il-passi tal-patrijarka San
Duminku. Issa li ġejt assenjat f’
kunvent fejn hemm qalb tħeġġeġ għal dan il-qaddis, inħossni aktar kburi li
għamilt din il-mixja.
© Fr. Reno Muscat
O.P.
Nessun commento:
Posta un commento