giovedì 29 novembre 2012

Il-vażun tas-Sultan


Xi żmien ilu kont qiegħed naqra ktieb u fih sibt storja li baqgħet f’moħħi. Storja li għandha mnejna hija vera u għandha mnejn hija moħluqa minn xi kittieb. Imma t-tagħlima ta’ din l-istorja hija attwali u versatili.
Fi ftit kliem l-istorja hija din: Sultan kellu vażun sabiħ u ta’ valur kbir, kemm sentimentali kif ukoll materjali. Darba minnhom il-qattus tas-sultan tela’ fuq il-gradenza fejn kien hemm dan il-vażun. X’ ħin  il-qaddejja raw il-qattus qrib dak il-vażun intebħu x’ seta’ jiġri u bdew jippruvaw ikeċċu lill-qattus minn hemm sabiex ibiegħdu l-periklu. Imma mhux lakemm tkeċċi l-qattus, wara kollox kien il-qattus tas-sultan u ma setgħux jittrattawh ħażin. F’ ħin minnhom instema’ s-sultan riesaq lejn il-kamra. Il-qaddejja indunaw li jekk jilħaq jasal ħdejhom u jinduna bil-qattus ħdejn il-vażun jaqilgħuha, għalhekk bla telf ta’ żmien bdew iġerrxu lill-qattus. Dan il-povru annimal, imdorri fil-fsied u t-tmellis ta’ sidu, dlonk tgerrex u bil-fixla laqgħat il-vażun u waqqgħu fl-art. Tistgħu timmaġinaw x’ sar mill-vażun – sar frak. Dak il-ħin daħal fis-sala s-sultan u ra dak id-diżastru. Il-qaddejja ħasbu li s-sultan kien se joħodha bi kbira, imma huwa ordna li jinġabru l-bċejjeċ kollha u jintrefgħu. Hekk sar! Il-bċejjeċ kollha kienu nkullati flimkien u l-vażun rega’ ħa l-forma tiegħu imma l-linji ta’ fejn kien inkullat baqgħu jidhru. Għalhekk is-sultan qabbad lill-wieħed arġentier biex jifforma xibka tad-deheb li tgħaddi minn fejn kien hemm il-qsim. B’ hekk il-vażun reġa ssewwa u sar jiswa’ aktar minn qatt qabel.

Kemm-il darba nkissru xi ħaġa aħna! Mhux qiegħed nirreferi għall-oġġetti materjali. Kemm-il darba nkissru relazzjoni, ninterrompu ħbiberija, niksruha ma’ xi ħadd. Fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, l-iskola. Ġlied bejn il-miżżewġin li jwassal għal bosta wġieħ tal-qalb. Kemm-il darba nkissru vażuni fil-ħajja tagħna.
Kieku s-sultan tal-istorja ma ġietux l-idea li jżomm il-bċejjeċ kollha u jerġa’ jgħaqqadhom kien ikun jista’ jgħid li darba kellu vażun għal qalbu li issa tilfu darba għal dejjem. Is-sultan seta’ ta’ daqqa ta’ sieq lill-qattus talli kissirlu l-vażun. Imma ma kien isolvi xejn, l-ewwel ħaġa mhux sewwa li l-annimali jissawtu u t-tieni xorta bil-vażun imkisser quddiem wiċċu kien se jibqa’.
Kultant niġu quddiem sitwazzjonijiet li wieħed irid jaħseb fit-tul dwarhom għax bil-għaġla nieħdu deċiżjonijiet żbaljati. Waqt ġlieda bejn il-ħbieb, mal-kollegi tax-xogħol faċli wieħed jgħid: daqshekk! Imma kemm verament tista’ tgħid daqshekk ma’ nies li tħabbat wiċċek magħhom mit-Tnejn sal-Ġimgħa, jekk mhux is-Sibt u l-Ħadd ukoll? Mhux dejjem faċli ssib soluzzjoni, u ħafna drabi biex naslu għal soluzzjoni rridu npoġġu bilqegħda u niddiskutu. Soluzzjoni tista’ titlob mill-partijeit li jċedu xi ftit. L-istess sitwazzjoni tista’ tinstab bejn koppji miżżewġin. Inkissru l-vażun u minflok ma nippruvaw niġbru l-biċċiet kollha naqbdu u narmu l-bċejjeċ kollha bla ma nġibu quddiem għajnejna il-valur ta’ dak li nkunu sejrin narmu. Ninsew kemm tbatija, kemm snin, kemm xogħol, kemm ferħ, kemm biki, kemm .... biex kellna dak li bħalissa narawh biċċiet.
Iżda mhux kollox ikun mitluf. Jekk il-partijiet kollha jagħmlu sforz, il-vażun jista’ jerġa jingħaqad. Tassew li l-vażun ikun inkiser u jibqa’ għal dejjem imkisser, imma x-xquq nistgħu minlewhom bid-deheb. Forsi l-istorja tal-vażun hija ħlieqa, imma t-tkissir fir-relazzjonijiet tagħna huwa realtà.

© Fr. Reno Muscat OP

Nessun commento:

Posta un commento