venerdì 30 novembre 2012

Djakonat – servizz ta’ qadi fl-imħabba

 Vittore Carpaccio:  L-Ordinazzjoni tas'seba' djakni           

Mill-evanġelji nafu li Ġesù ħalli f’ idejn l-appostli xi ministeri bħalma huma x-xandir tas-saltna, il-fejqan, il-magħmudija, iċ-ċelebrazzjoni tat-tifkira tiegħu, jew aħjar l-Ewkaristija kif ukoll il-maħfra tad-dnubiet. Fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli nsibu li sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja inħolqu ħtiġijiet ġodda barra minn dawk li ħalla Kristu lill-appostli, bħalma hija l-assistenza tar-romol u l-foqra u l-organizazzjoni tal-komunitajiet lokali. Sat-tmiem l-ewwel seklu il-Knisja kellha diġà struttura ġerarkika ta’ ministeri fundamentali. Din il-gerarkija kienet ta’ tliet gradi, episkopat, presbiterat u djakonat. It-tmexxija tal-Knisja kienet sa mill-bidu f’ idejn l-isqof filwaqt li l-organizazzjoni tal-knejjes lokali kienet f’idejn il-presbiteru imma l-atti ta’ karità mal-fqar u r-romol kienu fdati sa mill-bidu f’ idejn id-djakni. Huwa propju għalhekk li l-ministeru tad-djaknu huwa twieħed ta’ qadi, servizz li għandu jsir mill-qalb bl-akbar sens ta’ mħabba u karità. Hekk insibu li jitlob San Pietru lill-prsbiteri, imma l-istess ħaġa tgħodd għad-djakni: <<Nitlob lill-presbiteri li hemm fostkom, bħala presbiteru jien ukoll u xhud tat-tbatijiet ta’ Kristu, u bħala wieħed li għandu sehem mill-glorja li għad trid tidher: irgħu l-merħla ta' Alla fdata f’idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma minn qalbkom, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, imma bil-ħeġġa tal-imħabba>> (1Pt,5, 1-3). Billi d-djakonat huwa l-ewwel ordni fil-ġerarkija mesemmija aktar il fuq, dan il-ministeru ta’ qadi jibqa’ mhux biss fil-grad tad-djakonija imma wkoll fil-presbiterat u l-episkopat għaliex ordni li jingħata ma jħassarx dak li jkun ingħata qabel.

Id-djaknu fl-Iskrittura Mqaddsa u fit-tagħlim tal-Knisja

Il-kelma stess turi is-sens ta’ dan il-ministeru. Il-kema ġejja mill-Griek διάκονος (diákonos), li tfisser servitur, qaddej. Fit-Testment il-Ġdid insibu l-istituzzjoni tas-seba’ djakni fl-Atti tal-Appostli (6, 1-6) kif ukoll riferenzi għalihom fl-Ittra lill-Filippin (1, 1) u fl-ewwel Ittra lil Timotju fejn insibu t-twissa ta’ San Pawl dwar l-imġieba tad-djakni : << Hekk ukoll id-djakni: għandhom ikunu nies serji, li ma jilagħbux bil-kliem, ma jkunux mogħtija żżejjed għall-inbid, anqas  għall-qligħ baxx tal-flus; għandhom iżommu sħiħ il-misteru tal-fidi b'kuxjenza safja. Dawn ukoll għandhom l-ewwel jgħaddu mill-prova; mbagħad, jekk wieħed ma jsib xejn xi jgħid fihom, ikunu jistgħu jaqdu bħala djakni. Hekk ukoll in-nisa tagħhom għandhom ikunu serji, ma jqassux fuq l-oħrajn, ikunu meqjusa fl-imġiba tagħhom u ta' min jafdahom f'kollox. Id-djakni jkunu rġiel li ma jkunux miżżewwġin ma' aktar minn mara waħda, u li jkunu jafu jmexxu 'l uliedhom u 'l djarhom sewwa. >> (1Tim:3, 8-12) L-Iskrittura Mqaddsa b’hekk tixhed kemm id-djakonat huwa ministeru ta’ oriġini appostolika minkejja li ma jġorrx il-piż tal-presbiterat imma fl-istess waqt għandu għan partikolari ta’ servizz fil-komunità. Kif insibu fl-Atti tal-Appostli << Mhux sewwa li aħna [il-presbiteri] nħallu l-kelma ta’ Alla biex naqdu fl-imwejjed.>> (Atti 6, 2) Dan il-vers meħud mis-silta fejn insibu l-għażla tas-seba’ djakni juri biċ-ċar li s-servizz tad-djaknu huwa wieħed ta’ qadi.

 
Dan il-ministeru jiġi istitwit mill-ordinarju f’ rit liturġiku li fih it-talba tal-ordni u t-tqegħid tal-idejn. Kieku x-xogħol tad-djaknu kien biss li jsolvi problema ta’ neċessità ma kienx ikun hemm ħtieġa ta’ liturġija hekk solenni li fiha t-talba tal-appostli u t-tqegħid tal-idejn. Fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli, kapitli 6 sa 8 juru l-evanġelizazzjoni li wettqu Stiefnu u Filippu; u naraw ukoll li l-ministeru tagħhom kien li jxandru l-evanġelju u li jgħammdu. Dlopnk nintebħu li l-karatteristika ta’ dan il-ministeru appostoliku huwa x-xandir tal-evanġelju u l-qadi fl-imħabba.

L-ittri Pastorali ta’ San Pawl joffru viżjoni wiesgħa u artikolata tal-ministeri fil-Knisja, naraw il-figura tal-appostlu, tad-dixxipli Timotju u Titu, l-għadd tal-presbiteri, tal-isqfijiet u tad-djakni. Huwa juri x’inhuma l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dak li jaspira li jsir djaknu. (1 Tim 3)

Fil-kostituzzjoni Lumen Gentium meta titratta d-djakni insibu hekk:

Fuq livell anqas tal-ġerarkija insibu d-djakni, li fuqhom ġew imposti l-idejn ‘mhux għas-saċerdozju iżda għas-servizz’ [110]. Fil-fatt, imsaħħa mill-grazzja sagramentali, fil-qadi (Djakonija) tal-liturġija, tal-predikazzjoni u tal-karità, jservu l-poplu ta’ Alla, magħqudin mal-Isqof u l-presbiteri tiegħu. L-uffiċċju tad-djaknu, bi qbil mal-awtorità kompetenti, jamministra solennement il-magħmudija, iqassam l-Ewkaristija, f’isem il-Knisja jassisti u jbierek iż-żwiġijiet, jieħu l-vjatku lill-moribondi, jaqra l-Iskrittura Mqaddsa  lill-fidili, jgħallem u jeżorta lill-poplu, jippresjedi fejn jidħol il-kult u talb tal-fidili, jamministra s-sagramentali, jippresjedi ir-rit tal-funerali u servizzi tad-dfin. Iddedikati għall-qadi fil-karità u l-assistenza, id-djakni jiftakru fi kliem San Polikarpo: “Uru ħniena, kunu attivi, imxu skond il-verità tal-Mulej, li sar l-qaddej ta’ kulħadd” (LG 29)


Normalment aħna mdorrijin bid-djaknu li jkun sejjer jieħu l-ordni sagri fi żmien qasir, imma jeżistu wkoll id-djakni permaneneti. Tajjeb niftakru li l-djakonat kien forma stabbli fil-Knisja tal-bidu, matul is-sekli, sar parti mill-mixja lejn l-ordinazzjoni saċerdotali sakemm il-Konċilju Vatikan II irrestawra din il-pożizzjoni permanenti fil-Kostituzzjoni Dommatika fuq il-Knisja Lumen Gentium. Malta sa issa għad ma għandniex djakni permanenti. Din il-ħaġa turi li minkejja n-nuqqas ta’ vokazzjonijiet, xorta waħda għadna ma wasalniex fil-qiegħ. Mhux l-istess jistgħu jgħidu għal bosta djoċesijiet Ewropej. Il-bżonn tagħhom huwa differenti u għalhekk jiġu ordnai id-djakni permanenti. Il-maġġoranza tad-djakni permanenti huma miżżewġin. Dan ifisser li hemm konnessjoni fil-fond bejn il-vokazzjoni djakonali u l-ħajja tal-familja. Kuntrarjament għal dak li wieħed jista’ jaħsbu, id-djakonat mhuwiex ostakolu għall-ħajja tal-familja, u wisq inqas il-kanċellazzjoni tal-ispiritwalità taż-żwieġ. Dawn id-djakni jkollhom l-ordni l-istess bħad-dajkni li jkunu fit-tħejjija għall-presbiterat.

Naraw issa xi jgħid il-Katekismu tal-Knisja Kattolika fuq id-djakni:

1536 Il-Ordni huwa s-sagrament li permezz tiegħu il-missjoni fdata minn Kristu lill-appostli tiegħu tkompli tiġi eżerċitata fil-Knisja sal-aħħar taż-żminijiet, allura, huwa s-sagrament tal-ministeru appostoliku. Għandha tliet gradi: l-episkopat, is-saċerdozju u d-djakonat.

1537 Il-kelma ordni f’ Ruma antika, kienet użata għal dawk li jinħatru fil-korpi kostitwiti f’sens ċiviku, speċjalment il-korpi ta’ dawk li jmexxu. “Ordinatio” - Ordni - tindika l-integrazzjoni fl-ordo. Fil-Knisja hemm stabbiliti korpi li t-Tradizzjoni, mhux mingħajr bażi skritturali, [Lhud 5:6; Lhud 7:11; Ps 110.4] appellaw minn żminijiet antiki l-isem “taxies” (bil-Grieg), ta’ “ordines”: għalhekk il-liturġija titkellem dwar l-“episcoporum ordo”  l-ordni tal-Isqfijiet, il-“presbyterorum ordo” l-ordni tal-saċerdoti u l-“diaconorum ordo” l-ordni tal-djakni.

Bħalma tgħid il-Lumen Gentium jgħid ukoll il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “Huwa dmir tad-djaknu, fost affarijiet oħra, li jgħin lill-isqof u saċerdoti fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri divini, speċjalment fl-Ewkaristija, iqarben, jassisti u jbierek iż-żwiġijiet, ixandar l-Evanġelju u jippreitka, jippresjedi fil-funerali u jwettaq varji ministeri ta’ karità.”(KKK, 1570)

Madankollu d-djaknu għandu jkun distint mill-qassis, kif ukoll huwa distint is-saċerdot mill-isqof. Id-djaknu jassisti lill-Isqof, u miegħu il-presbiteru, li tagħhom it-tnejn l-Isqof huwa l-kap, sabiex iservi l-poplu ta’ Alla, permezz ta’ dmirijietu fil-liturġija, fix-xandir tal-kelma u l-karità. Il-ministeru tiegħu ma huwiex ta’ presidenza imma ta’ servizz.

L-artiklu 1570 tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jkompli jgħid: “Il-djakni jipparteċipaw b’mod speċjali fil-missjoni u l-grazzja ta’ Kristu [Cf Conc. Ecum. Vat. II, Lumen gentium, 41; Id. , Apostolicam actuositatem, 16] Il-Sagrament tal-Ordni jagħtihom marka (karattru) li xejn ma tista’ tħassarha u li juri ċar lil Kristu, li sar “djaknu” jew aħjar li huwa l-qaddej ta’ kulħadd. "(KKK, 1570) Il-konfigurazzjoni ta’ Kristu Qaddej kabbret ir-riflessjoni dwar il-ħidma mogħtija lill-djakni.

L-ilbies tad-Djaknu

L-ilbies liturġiku tad-djaknu tar-Rit Latin huma l-istola djakonali li tintlibes mill-ispalla tax-xellug għall-ġenb tal-lemin u d-dalmatika, użata fiċ-ċelebrazzjonijiet solenni, (bid-differenza tal-pjaneta għax ikun fiha l-kmiem). Fl-assenza ta’ ministri ta’ ordni ogħla, d-djaknu jista’ jilbes ukoll il-kappa, l-ilbies li jintuża għaċ-ċelebrazzjonijiet barra mill-quddiesa. Id-djaknu tar-rit Ambrożjan jilbes l-istola fuq id-dalmatika. Id-djaknu mhux obbligat jilbes is-suttana jew il-clergyman, imma bosta djakni jużaw salib ċkejken bħala sinjal tal-istat tagħhom.
 
Illum minbarra d-dalmatika d-djaknu juża wkoll it-tuniċella. It-tuniċella hija forma ta’ dalmatika imma bi kmiem iqsar. Kienet oriġinarjament il-libsa tas-sudjaknu. Il-Papa Pawlu VI bl-Ittra appostolika Ministeria  quædam tal-15 ta’ Awwissu, 1972 abolixxa s-sudjakonat u l-erbgħa ordnijiet minuri tal-Knisja Latina. Madanakollu is-sudjaknu għadu jinstab f’ xi komunitajiet li baqgħu jżommu ir-rit Ruman l-antik. Fil-komunitajiet l-oħrajn l-ilbies tas-sudjaknu beda jintuża wkoll mid-djaknu. Id-differnza bejn it-tuniċella u d-dalmatika hija żgħira wisq u ftit li xejn wieħed jintebaħ biha, iżda qegħdin insemmuha għall-korrettezza.

Storikament id-dalmatika kienet ilbies tal-imperatur Ruman tal-Lvant li ġie ukoll adottat mill-Imperatur Pawlu I tar-Russja bħala l-ilbies ta’ waqt l-inkurunazjoni imperjali. Fil-Liturġija tal-Knisja Ortodossa, l-ikoni jirrappreżentaw lil Ġesù Kristu liebes id-dalmatika. Fl-Istorja tal-Knisja, id-dalmatika hija wkoll waħda mill-paramenti sagri l-aktar antiki u tmur lura sar-raba’ seklu.  Bħala lbies liturġiku insibuha f’ Ruma lejn nofs is-seklu IV, introdotta mill-Papa Silvestru. Dak iż-żmien kienet tintuża f’Ruma mill-Papa biss, imma biż­-żmien bdiet tintuża mid-djakni tal-belt ta’ Ruma. Fis-seklu V bdiet tintuża mill-isfijiet barra minn Ruma wkoll. Bejn is-sekli XII u XIII id-dalmatika ħadet il-forma li għandha llum. Waqt li d-dajknu jkun qed jilbes id-dalmatika jista’ jgħid din it-talba: Indue me, Dómine, induménto salútis et vestiménto lætítiæ; et dalmática iustítiæ circúmda me semper (Libbisni Mulej bi lbies is-salvazzjoni u bi lbies il-hena; dawwarni dejjem bid-dalmatika tal-ġustizzja).(Missal tal-1962)

L-istola hija s-sinjal tal-poter tal-ordni u tintlibes mill-Isqof, mis-saċerdot u mid-djaknu (bil-mod li semmejna aktar il fuq). Kemm l-oriġini kif ukoll l-iżvilupp tal-istola huma materji kontrovarsjali bejn l-istoriċi. Dak li nafu fiż-żgur huwa li fil-bidu kemm fl-Orjent kif ukoll fl-Oċċident l-istola kienet tissejjaħ orarium (fil-Griek oράριον [orarion]). Bejn is-seklu VI u s-seklu VII fil-pajjiżi nordiċi l-orarium beda jissejjaħ stola, isem li sar definittiv bejn is-sekli XI u XII. Nafu wkoll li sa mill-bidu tal-Knisja l-orarium kien juri l-ordinazzjoni sagra tal-isqfijiet, saċerdoti u djakni. Ma nafux jekk dan l-orarium kellux xi użu partikolari bħal ngħidu aħna flok maktur biex jixxotta l-għaraq. Huwa maħsub li sa mill-bidu l-istola kienet distintif mhux ta’ unur imma ta’ uffiċċju, mhux biss fil-Knijsa imma wkoll fl-użu ċivili. Naraw fil-fatt li l-Konċilju ta’ Loadiċeja (343 w.K.) jgħidilna li s-sudjakni ma kienux permessi jilbsu l-orarium.

L-istola hija fuq kollox simbolu tal-innoċenza bħalma jgħid l-isqof waqt li jkun qiegħed ilibbisha lid-djaknu fl-ordinazzjoni djakonali: Accipe stolam candidam. Tfakkar ukoll fil-libsa tal-immortalità li tlifna bid-dnub ta’ Adam u Eva u li reġa’ tahielna lura Kristu.

Il-dmir tad-djaknu

Kif rajna id-dmir tad-djaknu huwa li jservi, imma sfortunatament dan l-ispirtu xi kultant jintilef u d-dajknu jservi biss bħala spalliera biex l-ilbies tal-parroċċa jitperreċċ fil-jiem tal-festa. Dnub li xi djakni jkunu huma stess li jitilfu dan l-ispirtu u jintilfu fix-xinxilli. Id-djaknu huwa dak li jagħti servizz u mhux mudell jew figorin! Huwa parti mill-ġerarkija tal-Knisja.
Fiċ­-Cerimoniale Episcoporum, promulgat fl-1984 insibu eżatt x’ inhu r-rwol tad-djaknu. Insibu li d-djaknu huwa marbut strettament mal-isqof u għalhekk l-ewwel servizz tiegħu għandu jkun fil-Knsija Katedrali. Anke jekk fiċ-ċelebrazzjoni jkun hemm għadd ta’ kardinali jew isqfijiet, id-djaknu huwa dak li għandu jkun il-ħin kollu maġenb l-isqof li jkun se jippresjedi. Fis-sagristija, l-Isqof bl-għajnuna tad-djakni u l-ministri l-oħra li jkunu ser jgħinu l-quddiesa, jilbes l-ilbies sagru għall-quddiesa. Jitlibbes il-mitra minn wieħed mid-djakni. F’ każ ta’ Arċisqof qabel ma jitlibbes il-mitra, jiġi mlibbes il-pallium mid-djaknu. L-isqof jirċievi ċ-ċensier mingħand l-abbati u jitfa’ fih l-inċens, filwaqt li d-djaknu jieħu n-navetta. Wara d-djaknu jieħu l-evanġelju fil-purċissjoni tal-bidu taċ-ċelebrazzjoni.
Fil-purċissjoni id-djaknu bl-evanġelju jimxi quddiem is-saċerdoti u żewġ djakni oħra jimxu wara l-isqof . Jekk ikun hemm aktar djakni dawn għandhom jimxu wara d-djaknu li jkun qiegħed iġorr l-evanġelju imma quddiem is-saċerdoti konċelebranti. Meta l-purċissjoni tasal fuq l-altar l-isqof ipoġġi bilqegħda u wieħed mid-djakni jneħħilu l-mitra. Id-djakni jpoġġu kemm jista’ jkun qrib tal-isqof, imma dil-ħaġa dejjem tiddependi mill-ispazju disponibli fuq il-presbiterju.

Waqt il-kant tal-Hallelulia kulħadd għandu jqum bil-wieqfa ħlief l-isqof. Id-djaknu li jkun sejjer jaqra l-evanġelju jinkina quddiem l-isqof u jitolbu l-barka tiegħu. Imur lejn l-altar jistenna li jaslu l-abbatini biċ-ċensier u n-navetta, id-djaknu jinkina quddiem l-altar u jieħu l-evanġelju minn fuqu. Huwa mbagħad jimxi wara l-abbatini sa fuq l-ambone. Isellem bil-kliem “Il-Mulej magħkom” u jħabbar il-qari, wara jinċensa l-evanġelju u jaqra s-silta. Wara l-qari l-evanġelju jittieħed mid-djaknu lejn l-isqof u dan ibusu.


Fiċ­-Cerimoniale Episcoporum insibu li għat-talbiet tal-fidili id-djaknu jipproponi l-intenzjoni tat-talbiet. Jipproponi biss imma għandu jkun il-poplu li jagħmel it-talbiet forsi wkoll b’ mod spontanju. Imma bosta drabi minħabba in-nuqqas ta’ prattiċità it-talbiet jinqraw direttament mid-djaknu. Ikun wasal issa il-waqt tal-Liturġija Ewkaristika. Fl-offertorju id-djakni jilqgħu l-offerti, imma huma jwasslu biss il-ħobż u l-inbid sa fuq l-altar. Offerti oħra li jittellgħu fl-offertorju jgħaddu minn idejn id-djakni għal għand ħaddieħor. Wara wieħed mid-djakni jnewwel il-patena bl-ostji lill-isqof filwaqt li djaknu ieħor ifondi l-inbid u l-ilma fil-kalċi. Wara dan l-isqof jirċievi ċ­-ċensier waqt li djaknu jżomm in-navetta u flimkien iduru mal-altar sabiex jinċensawh. Fil-prefazju id-djaknu jneħħi il-karlotta minn fuq ras l-isqof. Waqt il-konsagrazzjoni id-djakni ma għandhomx ikunu quddiem il-konċelebranti iżda jinżlu għarkupptejhom wara l-isqof. Wieħed mid-dajkni għandu jikxef il-kalċi qabel il-konsagrazzjoni. Waqt l-elevazzjoni djaknu ieħor għandu jinċensa l-ispeċi mibdul. Id-dajkni jibqgħu għarkupptejhom sakemm issir l-elevazzjoni tal-kalċi minn wieħed minnhom jew aħjar sakemm il-poplu jwieġeb “Ammen”. Id-djaknu li jkun qara l-evanġelju jistieden ukoll lill-ġemgħa biex tagħti l-paċi lil xulxin. Wara li l-isqof jagħti l-paċi liż-żewġ konċelebranti qrib tiegħu jagħti l-paċi lid-djaknu li jkun l-eqreb. Fil-qsim tal-osjta id-dajknu għandu jgħin lill-isqof jaqsam l-ostji.


Waqt it-tqarbin mhux bilfors li d-djaknu jinżel iqarben, imma billi huwa l-ministru tal-kalċi, kemm-il darba t-tqarbin isir biż-żewġ speċi, il-kalċi għandu jinżamm mid-djaknu. Wara t-tqarbin id-djaknu għandu jikkonsma d-demm li jkun fadal fil-kalċi u fl-assenza ta’ akkoltu għandu wkoll jippurifika. Fi tmiem il-quddiesa huwa d-djaknu li jistieden lill-ġemgħa biex tbaxxi rasha sabiex tirċievi l-barka mingħand l-isqof, u wara l-barka jibgħat lill-assembleja fil-paċi ta’ Kristu.


 © Fr. Reno Muscat O.P.


Bibljogarfija

Bennardo M. (ed Ali), Il diacono.  Chi è. Cosa fa. Come diventarlo,  Effatà, 2007.
Borras A., Il Diaconato, vittima della sua novità? , EDB, Bologna, 2008.
Conferenza Episcopale Italiana, Il rinnovamento liturgico in Italia, Edizioni Paoline, Roma, 1983.
Donghi A., I Prenotanda dei Nuovi Libri Liturgici, 3Ancora, Milano, 1995.

Hammann G., Storia del diaconato. Dal cristianesimo delle origini ai riformatori protestanti del XVI secolo, Qiqajon, 2004.

Lurker, M. Dizionario delle immagini e dei simboli biblici. Cinisello Balsamo (MI), Edizioni Paoline, 1990.

Piccolo Paci S., Storia delle vesti liturgiche, Ancora, 2008.

Caerimoniale Episcoporum, Romae 1984 - http://www.liturgia.it/Cerimoniale.pdf

http://www.cattoliciromani.com/enciclopediacattolica/index.php/ENCICLOPEDIA_CATTOLICA

Nessun commento:

Posta un commento