Ġewwa l-katidral
Luteran tal-belt kapitali Żvediża, Stokkolma nsibu statwa ġganteska ta’ San
Ġorġ fuq in-naħa tal-lemin tal-altar maġġur. Il-katidral huwa ddedikat lil San
Nikola u mal-poplu Żvediż huwa aktar magħruf bħala Storkyrkan, li tfisser “il-knisja l-kbira” milli bħala l-katidral. Din
il-knisja aktarx inbniet minn Birger
Jarl, il-fundatur tal-belt ta’ Stokkolma. L-ewwel riferenzi li nsibu għal din
il-knisja jmorru lura sas-sena 1279 u jingħad li kienet l-unika parroċċa fuq
il-ġżira Gamla Stan. (Stokkolma hija belt mibnija fuq għadd ta’ ġżejjer b’
numru ta’ pontijiet li jgħaqqduhom ). Fl-1527 din il-knisja għaddiet f’ idejn
il-Knisja Protestanta Luterana u saret katidrali.
Din l-istatwa li
qegħdin insemmu hija meqjusa fost l-aktar teżori famużi li fih dan il-katidral.
Hija minquxa fl-injam aktarx xogħol ta’ Bernt Notke, skultur Ġermaniż li għandu
bosta xogħol tiegħu fi knejjes ġewwa d-Danimarka, l-Estonja u kif qegħdin
ngħidu fl-Iżveżja. Din l-istatwa inħadem fis-sena 1489 biex tfakkar il-battalja
ta’ Brunkeberg li ġrat fl-10 ta’ Ottubru 1471 bejn is-suldati Żvediżi taħt
it-tmexxija tal-Viċi Re Sten Sture il-kbir u l-armata Daniża taħt il-kmand
tas-Sultan Christian I. Il-battalja intrebħet mit-truppi Żvediżi. Skont
it-tradizzjoni, il-figura ta’ San Ġorġ hija dik ta’ Sten Sture li ta’ r-rebħa
lill-art Żvediża filwaqt li d-dragun jissimbolizza lis-Sultan Christian I
tad-Danimarka. Il-prinċipessa hija figura allegorika tal-Iżveżja.
Il-kavallier
Il-ġellied fuq
dahar iż-żiemel huwa żagħżugħ imlibbes korazza tad-deheb. Jidher li għadu kemm
qasam il-lanza tiegħu fil-ġlieda mad-dragun u għalhekk issa qiegħed jiġġieled
bix-xabla. L-istatwa turi kif San Ġorġ sejjer jagħti d-daqqa mortali
lid-dragun. Madwar għonq il-ġellied hemm katina b’ kaxxa ċkejkna mdendla magħha.
F’ din il-kaxxa hemm relikwi fosthom ta’ San Ġorġ kif ukoll insibu nota ta’
meta din l-istatwa kienet imbierka. L-elmu tas-suldat jinsab fl-art, fuq
quddiem tal-istatwa u jingħad li oriġinarjament kien hemm ukoll tarka iżda din
illum ma għadiex tinstab mal-istatwa. L-istatwa tal-kavallier ma hijiex
imwaħħla maż-żiemel u jingħad li kien hemm żmien li din kienet tinħareġ
purċissjoni waħedha.
Iż-żiemel u d-dragun
Taħt il-kavallier
jidher żiemel imlibbes xedd għani ħafna, jixbaħ l-armar taż-żwiemel li kienu
jservu lir-rejiet. Fl-armar tal-bhima nsibu skulturati bosta xeni mill-Bibbja.
Iż-żiemel, ixheb, jinsab fuq saqajh ta’ wara.
Id-dragun jinstab
mindud minn tulu fl-art fuq dahru taħt iż-żiemel, imdawwar bi fdalijiet umani u
fdalijiet ta’ ħrief li kienu jiġu offruti lilu. Id-dragun għandu kemm ġenitali
maskili kif ukoll femmini, dan huwa simbolu li jfisser li l-ħażen jista’
jiġġenera lilu nnifsu. Id-dragun jidher jaqbad il-lanza maqsuma b’ siequ ta’
wara filwaqt li saqajh ta’ quddiem qegħdin jinbuttaw il fuq liż-żiemel. B’ dan
il-mod il-piż taż-żiemel qiegħed jinżamm minn saqajn id-dragun.
Il-prinċipessa
Il-prinċipessa
tidher liebsa l-libsa tat-tieġ u ħdejha tidher ħarufa. Kieku l-kavallier kellu jitlef
din il-ġlieda, hi u dik il-ħarufa kienu jispiċċaw ikel għad-dragun. Din
il-figura ma tagħmilx parti mill-istatwa iżda tinsab fuq pedestall għaliha
mal-ġenb tal-istatwa l-prinċipali.
Il-pedestall tal-prinċipessa huwa forma ta’ kastell.
Pedestal
Il-pedestall tal-istatwa ta’ San Ġorġ jissielet mad-dragun fih bosta skultura li turi siltiet
mill-ħajja u mill-martirju ta’ San Ġorġ. Jingħad li l-pedestall orġinali kien
ħafna akbar u fih kien indifnu Sten Sture u martu kif ukoll kien fih artal.
Ftit storja
L-ispiża għal din
l-istatwa laħqet is-somma ta’ 4,000 Mark, somma enormi għal dak iż-żmien. Kien
ħallas għaliha il-Viċi Re Sten Sture
stess, iżda biex jilħaq is-somma mitluba kellu bżonn l-għajnuna finanzjara
mingħand xi qraba. Din l-istatwa tpoġġiet f’ din il-knisja u kienet imbierka
fis-sena 1489. Sten Sture miet fis-sena 1503 u ndifen fil-pedestall
tal-istatwa, iżda ftit snin wara il-fdal tiegħu ttieħed minn hemm u tpoġġa
fil-kjostru tal-knisja ta’ Mariefred.
Aktarx li l-ewwel
post ta’ din l-istatwa kien fil-korsija tan-nofs, iżda minħabba l-qies tagħha
tneħħiet minn hemm. Aktarx li daret aktar minn post wieħed f’ l-istess knisja
sakemm fl-1866 tneħħiet għal kollox u tpoġġiet f’ mużew. Iżda fil-bidu
tas-seklu XX din l-istatwa reġgħet sabet postha fil-katidral, fejn għadha
sal-lum.
Kopji tal-bronż u tal-ġibs
Fuq l-istess
gżira fejn jinsab dan il-katidral b’ din l-sitatwa, hemm pjazza li fiha kopja
tal-istatwa tal-bronż. Din il-kopja inħadmet minn Otto Meyer, artist u propjetarju
ta’ funderija Żvediż, fis-sena 1912. Minkejja li din hija kopja ma nistgħux
ngħidu li hija replika għax xi dettalji bejn iż-żewġ statwi ma humiex l-istess,
fosthom f’ din il-kopja il-kavallier huwa liebes l-elmu ġewwa rasu u
l-fdalijeit tal-umani taħt id-dragun huma differenti.
Ġewwa l-knisja
ta’ Santa Katerina ta’ Lixxandra f’ Lübeck fil-Ġermajna ta’ fuq, insibu kopja
tal-ġibs ta’ din l-istatwa. Din inħadmet fuq ix-xewqa tal-istoriku Carl Georg
Heise. Dan biddel il-knisja ta’ Santa Katerina f’ mużew li fih kopji tal-ġibs
ta’ opri kbar. F’ dan il-mużew-knisja nsibu l-kopja ta’ San Ġorġ. Din inħadmet
fis-sena 1926.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa ta' San Ġorġ 2017 maħruġ mill-Banda San Ġorġ Martri Ħal Qormi
Nessun commento:
Posta un commento