venerdì 9 giugno 2017

Il-bandiera

Bandiera ma hija xejn għajr biċċa drapp aktarx rettangulari li ħafna drabi tkun tperper ma’ arblu. Din hija l-bandiera – biċċa drapp, iżda s-sinifikat tagħha huwa kbir ħafna.

Frak ta’ storja
Minkejja li l-bandiera hija xi ħaġa antika ħafna l-użu tagħna kif nafuh illum mhux antik wisq. Il-leġjuni tal-armata tal-Imperu Ruman kien ikollhom biċċa drapp b’ arma fuqha, bħal ajkla jew dragun, simbolu tal-leġjun. Dawn kienu jittajjru bħalma aħna ntajru tajra (dik li hawn min isejjaħ ħamiema jew manuċċa), biss din lanqas nistgħu ngħidlu li kienet sewasew bandiera. Kienu l-kruċjati li taw bidu għall-bnadar bl-użu li nafu llum. Dawn kienu jġorru biċċa drapp ikkulurita b’ salib fuqha. Din kienet tindika minn fejn ikunu s-suldati. Fil-Medju evu bdew jidhru bnadar bl-arem tal-familja li kienu jitwaħħlu ma’ lasta biex jindikaw it-territorju ta’ xi nobbli. Fil-bidu tas-seklu XVII daħlet id-drawwa li x-xwieni jġorru bandiera li turi minn liema pajjiż ikun  dak ix-xini. Aktar tard din il-ħaġa saret obbligu u dawk il-bnadar kienu l-antenati tal-bandar nazzjonali.

Il-bandar bdew jintużaw ukoll għall-messaġġi. Qabel ma nħolqot it-tekonoloġija moderna, messaġġ kien seta’ jitwassal permezz ta’ bnadar. Inħoloq l-alfabett semaforiku li permezz ta’ żewġt ibnadar u l-pożizzjoni tal-idejn, dak li jkun jista’ jibgħat messaġġ lil ħaddieħor li jkun qed jarah mill-bogħod.

L-użu tal-bandiera lil hinn mill-ambjent militari jew marittimu beda lejn tmiem is-seklu XVIII meta beda jikber in-nazzjonaliżmu. Daħlet id-drawwa li kull stat sovran ikollu bandiera tiegħu. Biss dan ma jfissirx li qabel dan iż-żmien ma kinux jeżistu bnadar nazzjonali. Aktarx li l-ewwel bandiera nazzjonali hija dik tad-Danimarka. Il-bandiera bi sfond aħmar b’ salib abjad fuqha bdiet tintuza fl-1478 u għadha tintuża sal-lum. Din il-bandiera, bil-forma tagħha, kienet omm il-bnadar fl-Iskandinavja u pajjiżi Nordiċi oħrajn. Fuq il-mudell tagħha nħolqu l-bnadar tal-Isvezja, tan-Norveġja, tal-Finlandja, ta’ Iceland, ta’ Shetland u ta’ Orkney.

Mudell popolari ta’ bandar huma dawk bi tliet kuluri, it-trikolor. Dawn insibu minnhom kemm bl-istrixxi mindudin bħal dik ta’ Spanja kif ukoll weqfin bħal dik Taljana. L-aktar trikolor antik huwa dak Olandiż. Aktarx li kien mogħti minn Karlu Manju fis-seklu IX.

Bajda u ħamra
Aħna l-Maltin għandha t-tradizzjoni li tgħid li l-bandiera tagħna ngħatat lilna mill-Konti Ruġġieru fl-1091. Li nafu fi żgur hu li sa mill-qedem l-ilwien abjad u aħmar kienu l-ilwien marbuta ma’ artna. Il-George Cross żdied mal-bandiera Maltija wara li dan ingħata lil Malta fl-1942. Dan kien tpoġġa fuq il-bandiera f’ rokna ta’ fuq in-naħa tal-arblu. Kellu sfond kwadru ikħal taħtu. FL-1964 mal-kisba tal-Indipendenza, dan il-kwadru ikħal tneħħa u l-bandiera Maltija saret dik li nafuha llum.

Malta għandha bnadara oħra, bħal dik navali. Dih hija ħamra bis-salib tal-Kavallieri abjad f’ nofsha. Bandiera Maltija oħra hija dik tal-President tar-Repubblika. Din turi l-arma ta’ Malta fin-nofs fuq sfond ikħal b’ erba’ slaleb ta’ Malta lewn id-deheb fil-ponot tal-bandiera. Din bdiet tintuża fl-1988.

Dil-biċċa drapp!
Tabilħaqq li hija biċċa drapp imma llum hija s-simbolu tan-nazzjon sovran. Kull nazzjon jissielet biex il-bandiera tiegħu tkun tidher tperper fuq il-bini ċivili tiegħu għax din turi sovrantià u dinjità.

Bandiera hija wkoll simbolu ta’ ferħ. Għadna kemm għaddejna minn kampanja elettorali. Kemm rajna bnadar tal-partiti fil-meetings - mijiet ta’ bandar tal-partiti u bnadar Maltin jixxejru. Għax il-bandiera tagħtik ukoll identità. Niftakar meta sar il-konklavi li fih intgħażel il-papa Franġisku jien kont Ruma, qrib ħafna tal-Vatikan. Segwejt dik il-grajja minn Pjazza San Pietru. Kont ħadt il-bandiera ta’ Malta li kelli fil-kamra tiegħi u waħħaltha mal-umbrella u mat-tħabbira tal-għażla tal-Papa xejjirtha ma’ mjiiet ta’ bnadar oħra. Ghax bandiera turi wkoll is-sentimenti li nkunu qed inħossu.

Bandiera turi wkoll in-niket. B’ sens ta’ luttu l-bnadar jittajru mezz’ asta, ma jittellgħux sa fuq nett tal-arblu iżda jibqgħu sa nofsu. B’ dan il-mod jittajru l-bnadar fil-Ġimgħa l-Kbira u f’ Sibt il-Għid jew f’ jiem ta’ luttu nazzjonali. Dan huwa l-mod kif permezz ta’ bandiera nuru n-niket tagħna.

Il-bandiera tista’ wkoll tintuża bħala offiża. Dawn il-każi jseħħu meta bandiera ta’ xi nazzjon jew istituzzjoni tinħaraq, issir l-awrina jew ħmieġ uman fuqha, titqatta’ tiġi garatha l-ġebel jew jiġu sparati tiri lejha. Dawn l-atti kollha huma insulti lejn il-bandiera li tirrappreżenta nazzjon. Hemm xi postijiet fid-dinja li ħaġa bħal din hija meqjusa bħala att gravi u hija llegali biss hemm pajjiżi oħrajn li mhux illegali twettaq din il-ħaġa. Hi x’inhi hija dejjem offiża.

Forma u lewn
Ħafna drabi l-bandiera hija rettangolari b’ ratio ta’ 2:3, iżda mhux il-bnadar kollha għandhom din il-forma. Il-bnadar tal-Iżvizzera u tal-Vatikan huma kwadri anke jekk bosta drabi narawhom rettangolari bħall-oħrajn. Dik tan-Nepal għandha forma ta’ żewġ triangli fuq xulxin.

Fejn jidħlu lwien, l-aktar komuni fil-bandar huma l-aħmar, l-abjad u l-ikħal. Għal xi żmien kien hemm bandiera b’ lewn wieħed, dik tal-Libja sakemm saret ir-revoluzzjoni tal-2011. Illum l-aktar bandiera nazzjonali li fiha lwien hija dik tal-Afrika ta’ Isfel. Fiha nsibu l-iswed, l-isfar, l-aħdar, l-abjad, l-aħmar u l-ikħal.

Tiskanta kemm daqxejn ta’ ċaruta tista’ jkollha stejjer warajha!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 10 ta' Ġunju 2017




Nessun commento:

Posta un commento