sabato 2 marzo 2019

Il-Ħmar


Il-ħmar ilu jintuża mill-bniedem kemm biex iġorr lilu jew biex iġorrlu xi tagħbija aktar minn ħamest elef sena. Huwa annimal mill-familja ekwina, jiġifieri taż-żiemel bħalama hija wkoll iż-żebra. Illum il-ħmir, b’erba’ saqajn, naqsu sew mill-pajjiżi żviluppati imma għadhom jagħtu sehemhom f’pajjiżi foqra.

F’Malta ta’ dari
Niftakar meta kont tifel żgħir kien hemm tfajjel xi ftit akbar minni li kien jiġi fit-triq tagħna jbigħ il-ħaxix fuq ħmara. Meta dan it-tfajjel kien ikun l-iskola din il-ħmara kienet tkun tirgħa fil-wied qrib ir-razzett ta’ missieru. Biex ngħid is-sewwa dan ma kienx il-bejjiegħ waħdieni li kien jiġi fit-triq tagħna bil-ħmara, niftakar ukoll lil tal-bigilla b’daqxejn ta’ ħmara tiġbed kaxxa b’żewġ roti ta’ karettun. Kien hemm oħrajn imma dawn it-tnejn l-aktar li baqgħu stampati f’moħħi.

Meta kbirt kelli nsir naf lil bin il-bejjiegħ tal-bigilla u darba staqsejtu għalfejn missieru ma jarmax vann minflok il-ħmara. Hu kien qalli li bil-van ikollok tobdi r-regoli tat-traffiku, tabelli u mitt ħaġa oħra, bil-ħmara tgħaddi minn kullimkien. Insomma qed insemmi ħafna snin ilu meta t-traffiku f’Malta ma kienx bħal dak tal-lum u għalhekk billi ħmara tgħaddi minn triq one way ma kinitx se taqa’ d-dinja. Immaġinaw illum iżomm triq mimlija karozzi għax tkun għaddejja ħmara tiġbed karettun warajha.

Il-ħmar kien ukoll annimal domestikat. Mhux qed ngħid domestiku imma kien hawn min iżommu għad-delizzju. In-nannu tiegħi niftakru bi ħmar u mhux darba jew tnejn kien joħodni xi dawra bih. U l-ħmar tan-nannu kien jiġri mhux ħażin. Darba qalbu minn fuq il-karettun u n-nannu spiċċa kollu tbenġil, imma lin-nanna ma qalilhiex li kien waqqgħu l-ħmar imma qalilha li kien żelaq. Mur oqgħod biha kieku kellu jgħidilha li dak li ġralu kien tort tal-ħmar!

Prodotti
Storja popolari ħafna li tirrigwarda l-ħmir hija dik li s-Sultana Kleopatra tal-Eġittu kienet tinħasel bil-ħalib tal-ħmara biex iżżomm sbuħitha. Jingħad li anke Poppea, il-mara tal-Imperatur Neruni kienet tagħmel l-istess ħaġa. Jingħad ukoll li Pawlina, oħt Napuljun Bonaparti wkoll kienet tinżel f’banju mimli ħalib tal-ħmir biex tibqa’ sabiħa.

Hu x’inhu il-ħmara tipproduċi l-ħalib bħal kull annimal mammiferu ieħor. Dan il-ħalib hemm fejn jintuża biex minnu jsir il-ġobon. U biex tkun taf dan il-ġobon huwa l-aktar ġobon għoli fid-dinja. Ovvjament ħmir li jitrabbew biex jipproduċu l-ħalib huma ftit ħafna meta mqabblin ma’ baqar, nagħaġ jew mogħoż. Barra minn hekk biex wieħed jagħmel kilo minn dan il-ġobon irid ħamsa u għoxrin litru ħalib. Jingħad li kilo ġobon tal-ħmara jista’ jkun jiswa sa elf ewro. Imbagħad issib min jgħidlek li hu jiekol “ħobż u ġobon”, skont x’ġobon imma!

Il-laħam tal-ħmar jista’ jittiekel bħalma jittiekel dak taż-żiemel. Hawn min ma jieklux dan il-laħam, imma jekk ikun imsajjar tajjeb nassigurakom li huwa tajjeb immens. Attenti għax jgħolli l-pressjoni.

Laqam
Aħna l-bnedmin għandna l-idea li ħmar huwa annimal injorant u għalhekk lil xi persuna li moħħha ma jkunx iwassal wisq insejħulu ħmar. Ħmir b’żewġ saqajn hawn iduru madwarna. Ħmar huwa dak il-bniedem li ma jkunx jaf li qed idejjaq lil ħaddieħor, ħmar hu dak il-bniedem li mingħalih jaf kollox. Min jaf kollox fid-dinja? Ħmar ta’ veru huwa dak il-bniedem li ma jafx li hu ħmar. Aħna l-Maltin għandna kelma oħra għal bniedem injorant; ngħidulu ċuċ. Il-kelma ċuċ (ciucio) ma tfisser xejn għajr “Ħmar” fil-Calabria, il-Baslicata u l-Campania. Mela jekk bniedem tgħidlu ċuċ tkun qed tgħidlu ħmar.

Fil-qwiel
Il-ħmar għandu bosta qwiel marbuta ma’ xortih. Naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema ngħidlu jekk kliemna dejjem jaqa’ fuq widnejn torx u l-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien. Imbagħad issib min jgħid il-qawl: Aħjar issuq erba’ żwiemel milli ssuq ħmar. Jgħidulek ukoll: Orbot il-ħmar fejn jgħidlek sidu. Jekk ikollok xi ħaġa u jużaha ħaddieħor minflokok tgħid li ħmar tiegħek imma tirkeb wara u jekk tnejn min-nies jagħtu t-tort lil xulxin ngħidu li l-ħmar iwaħħal f’denbu. Jekk tipprova tgħallem lil min ma jridx ngħidu li jekk taħsel ras il-ħmar taħli l-ilma u s-sapun.

Dawn huma l-aktar użati imma hemm xi oħrajn ukoll.

Fil-Bibbja
Il-ħmar jissemma’ f’xi kotba tal-Bibbja. Bil-kontra taż-żiemel, li hu meqjus bħala l-annimal li jġorr lis-slaten, il-ħmar huwa dak l-annimal li jaħdem, dak li jdawwar is-sienja. Fl-Evanġelju nsibu d-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm fuq felu ta’ ħmara.

Interessanti li fil-presepju ħdejn il-maxtura naraw baqra u ħamra, imma dawn ma jissemmewx fl-Evanġelji, dawn dħalu minn kotba oħra li ma jagħmlux parti  mill-Bibbja.
X’kontradizzjoni hux? Jekk bniedem ikun ħmar hija kundizzjoni tal-biki filwaqt li jekk annimal ikun il-ħmar huwa annimal li ilu eluf ta’ snin jgħin lill-bniedem!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-nazzjon -  2 ta' Marzu 2019

Nessun commento:

Posta un commento