Sa mill-qedem il-bniedem dejjem għaraf li ċerti postijiet jew ċerti binjiet
ma humiex bħall-oħrajn imma għandhom xi ħaġa speċjali, xi ħaġa tal-għaġeb li
tpoġġi lil dak il-post fi klassi għalih. Il-bniedem ittimbra xi wħud minn dawn
il-postijiet, sew naturali kif ukoll jekk inhuma magħmulin mill-bniedem, bħala
għeġubijiet tad-dinja.
Fid-dinja l-qadima
Il-Griegi tal-qedem f’bosta kitbiet isemmu xi wħud minn dawn l-għeġubijiet.
Dawn kienu kollha kemm huma imdawrin jew mal-Mediterran jew fil-Messapotamja,
għaliex wara kollox dik kienet id-dinja magħrufa f’dawk iż-żminijiet.
Giża tal-qedem |
Il-piramida ta’ Giża hija l-eqdem u l-akbar mit-tliet piramidi ta’ Giża.
Hija għolja mija u sitta u erbgħin metru u hija meqjuża bħala wieħed
mill-għeġubijeit tad-dinja l-qadima. Bħall-piramidi l-oħra, din inbniet bħala
post tad-dfin għar-raba’ dinastija tal-Eġittu. Din il-piramida għadha wieqfa
sal-lum u wieħed jista’ jżurha. Ġewwa l-gżira ta’ Rodi konna nsibu statwa
gġanteska ta’ Helios, alla tax-xemx. Din kienet għolja madwar tlieta u tletin
metru. Din kienet tissejjah Colossus u waqgħet fis-sena 226 qabel Kristu ħtija
ta’ terrimot. Il-ġonna tal-Babilonja wkoll kienu meqjusa bħala wieħed
mill-għeġubijiet tad-dinja tal-qedem. Dawn kienu ġonna li meta wieħed kien jarahom
kien jaħsibhom li huma mdendlin ma’ xi bini u mhux ċatti mal-art minħabba l-mod
li tħawlu s-siġar ta’ fihom. Huwa għalhekk li kienu meqjusa bħala għaġeb. Kienu
nbnew madwar sitt mitt sena qabel Kristu u raw it-tmiem tagħhom madwar mitt
sena wara Kristu. Aktarx li dawn il-ġonna kienu parti minn palazz aktarx
tas-Sultan Nabukadnasser II.
Ġewwa Lixxandra fl-Eġittu konna nsibu l-fanal li kien meqjuż bħala wieħed
minn dawn l-għeġubijiet. X’fanal kien dan? Qiegħed insejjaħ fanal dak li
bl-Inġliż jissejjaħ lighthouse, għaliex
Għawdex għandna il-Fanal tal-Ġurdan li bejn wieħed u ieħor iservi għall-istess
skop. Aktarx li dan il-fanal, (ta’ Lixxandra mhux ta’ Għawdex) kien inbena minn
Alessandru l-Kbir madwar tliet mitt sena qabel Kristu. L-għoli ta’ dan il-bini
kien ta’ aktar minn mija u għoxrin metru. Bejn is-sena 956 u l-1323 dan il-bini
intlaqat minn tliet terrimoti u fl-aħħar dan l-għaġeb dinji spiċċa mġarraf.
Il-mawsilew, jew il-qabar ta’ Ħalikarnassus wkoll kien meqjus bħala wieħed
mill-għeġubijiet tad-dinja tal-qedem. Il-post ta’ dan il-qabar illum jinstab
fit-Turkija. Dan il-qabar kien mibni għall-Imperatur tal-Persja Mawsolus u għal
martu. Dan inbena bejn is-snin 353 u 350 qabel Kristu. Tajjeb ngħidu li minn
isem dan l-imperatur bdejna nsejħu l-oqbra mibnija ’l fuq mill-art Mawsilew.
Dan il-bini kien għoli madwar ħamsa u erbgħin metru. Dan il-qabar iġġarraf
f’terrimot fis-seklu XI. Tajjeb ngħidu li dan huwa l-aħħar binja meqjusa bħala
għaġeb dinji antik li waqa’. Illum il-piramida ta’ Giża biss għadna wieqfa.
L-istatwa ta’ alla Żewż li kienet tinstab f’Olimpja kienet għolja
tlettax-il metru u wkoll kienet titqies bħala wieħed mill-għeġubijiet
tad-dinja. Din kienet skolpita fl-injam taċ-ċedru miksi bl-avorju, deheb u
ħaġar prezzjuż madwar is-sena 435 qabel Kristu u kienet tinstab f’tempju ddedikat
lil dan l-alla ġewwa Olimpja il-Greċja. Fis-seklu V wara Kristu dan it-tempju
nqered u miegħu intemmet ukoll din l-istatwa enormi. L-aħħar binja li kienet
meqjusa bħala għaġeb kienet it-tempju Grieg ta’ Artemis. Dan kien binja kbira
fil-belt ta’ Efesu, illum fit-Turkija, li ġġarraf u nbena tliet darbiet sakemm
fl-aħħar twaqqa’ u kull ma fadal minnu llum huma l-pedamenti. Xi ġebel minn dan
it-tempju ttieħed u ntuża fil-knisja ta’ Santa Sofija f’Istanbul.
Għeġubijet tal-lum
Monbarra dawn is-seba’ għeġubijiet tad-dinja tal-qedem insibu wkoll għeġubijiet
tad-dinja moderna li llum mhux sejjer insemmihom.
Malta tal-lum |
Dawn l-għeġubijiet kienu jissejħu hekk minħabba l-għoli u l-kobor tagħhom.
Illum anke f’pajjiżna qisna qegħdin nikkompetu ma’ dawn l-għeġubijiet għax
irridu nibnu fil-għoli, nitilgħu ’l fuq għax il-wisa’ mhux biżżejjed. Imma
qegħdin naħsbu għal dak li se jiġri ’l quddiem? Spiss qegħdin naraw żewġt idjar
jitwaqqgħu u minflokhom jitilgħu xi tmien appartamenti u xi penthouse. Is-servizzi
se jkunu jlaħħqu mal-esiġenza ta’ binja bħal din? Il-katusi tad-dranaġġ,
pereżempju, se jibqgħu l-istess bħal meta kien hemm żewġt idjar, b’ forsi
tmienja jew għaxar persuni fihom meta llum dik il-binja qed tilqa’ fiha tletin
persuna jew aktar? L-istess ngħidu għall-ilma u d-dawl. Jien semmejt biss binja
ta’ ħames sulari, aħseb u ara waħda ta’ ħamsin!
Dawn huma l-għeġubijiet li qed nibnu llum mhux fil-Greċja antika imma f’Malta moderna fejn
kultant qed naraw biss sa mneħirna u mbagħad meta jinqala’ l-gwaj nippruvaw
insibu soluzzjoni minflok naħsbu għal soluzzjoni qabel jinħoloq il-gwaj. Jien mhux
kontra l-progress, imma kontra n-nuqqas ta’ pjanar sewwa, xieraq u kif suppost.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' April 2019
Nessun commento:
Posta un commento