venerdì 15 marzo 2019

Birra, whiskey u San Patrizju

Il-munument ta' Molly Molone

Jekk ikollok tiltaqa’ ma’ persuna mill-Irlanda u tistaqsiha jekk hijiex mill-Irlanda ta’ fuq jew minn ta’ isfel, ġeneralment tgħidlek li hemm Irlanda waħda, ir-Repubblika tal-Irlanda. Il-ġżira Irlandiża hija maqsuma fi tnejn, parti tagħmel mir-Renju Unit u l-parti l-oħra le. Il-qaddis patrun tal-Irlanda huwa San Patrizju. Lil dan il-qaddis issirlu festa kbira fil-jum iddedikat lilu li jaħbat fis-17 ta’ Marzu. Mhux festa kif nagħmlu aħna l-Maltin bin-nar u l-pavaljuni u l-purċissjoni, imma bil-mod uniku tagħhom. Il-kapitali tar-Repubblika tal-Irlanda lejlet u nhar il-festa timtela bin-nies jiċċelebraw, mhux Irlandiżi biss imma bosta oħrajn mill-erbat irjieħ tad-dinja jmorru f’din il-belt biex jiċċelebraw.

Dublin
Il-belt kapitali tar-Repubblika Irlandiża hija Dublin. Mhux magħruf eżatt meta twaqqfet din il-belt imma hemm min isostni li din ilha wieqfa mis-seklu VII. Bosta jemmnu li kienu l-Vikingi li waqqfu din il-belt. Dan ma jfissirx li qabel dan iż-żmien ma kienx hemm nies jgħixu fuq din il-gżira. It-tradizzjoni li San Patrizju mar hemm bħala missunarju diġà turina li sa mis-seklu V kien hemm bosta nies fil-pajjiż. Iżda t-twaqqif uffiċjali ta’ Dublin huma miżmun bħala s-sena 988

Illum Dublin hija belt kbira b’aktar minn miljun ruħ jgħixu fiha. Hija belt li tiġbdek, forsi minħabba l-karattru ċajtier tan-nies tal-post, forsi minħabba l-karattru sabiħ tal-belt. Hu x’inhu hija belt li ma tiddejjaqx iżżur.

Il-qaddis
Tajjeb ngħidu xi ħaġa dwar San Patrizju billi dan huwa l-qaddis patrun tal-Irlandiżi imma mhux popolari wisq magħna l-Maltin.

Patrizju huwa qaddis imwieled fil-Brittanja fis-seklu V. Dak iż-żmien il-Brittanja kienet tagħmel parti mill-Imperu Ruman u għalhekk il-fidi tal-post kienet dik Nisranija. Jingħad li Patrizju meta kellu madwar sittax-il sena kien maqbud bħala skjav u meħud l-Irlanda. Hemm hu kien imġiegħel jirgħa l-annimali u għadda sitt snin f’din il-ħajja. Irnexxielu jaħrab u jmur lura mal-familja tiegħu fejn sar saċerdot. Huwa mar lura ġewwa l-Irlanda biex iwassal it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu lin-nies tal-post. Baqa’ hemm u aktar tard sar l-isqof ukoll. Sa mis-seklu VII Patrizju kien magħruf bħala l-patrun tal-Irlanda.  Hemm bosta leġġendi marbutin ma’ dan il-qaddis fosthom dik li huwa ħeles lill-Irlanda mis-sriep valenużi li kien hemm jiġġerraw. Huwa ordna li dawn is-sriep jintefgħu fil-baħar wara li attakkawh meta kien qed jagħmel sawma ta’ erbgħin jum. Leġġenda oħra tgħid li l-bastun li kien iżomm miegħu, li kien biċċa zokk ta’ siġra, kien imdaħħal fil-ħamrija u dan rabba l-għeruq u beda jħaddar.

Hu x’inhu, għall-Irlandiżi San Patrizju hu l-qaddis favorit.

Whiskey u birra
Il-festa ta’ San Patrizju llum saret sinonima max-xorb ta’ alkoħol Irlandiż.

Meta naħsbu fil-whiskey moħħna mill-ewwel imur fl-Iskozja, iżda tajjeb inkunu nafu li jeżisti wkoll il-whiskey Irlandiż. Jgħidu li l-whiskey Skoċċiż irid idum tliet snin fil-btieti imma dak Irlandiż irid idum aktar. Biex whiskey jkun tassew Irlandiż irid ikun ilu tal-anqas tliet snin u ġurnata fil-bettija. Hemm kompetizzjoni qawwija bejn il-produtturi tal-whiskey Skoċċiż u dak Irlandiż.
Xarba popolari oħra li ssir ukoll l-Irlanda hija l-birra. Għandkom mnejn tgħiduli li din hija xarba li ssir madwar id-dinja kollha, u ngħidilkom li għandkom raġun, imma fl-Irlanda, anzi f’Dublin hemm birerija famuża mad-dinja kollha għall-birra sewda li tipproduċi. Din il-birra tinxtorob bil-glalen f’dawn il-ġranet qrib il-festa ta’ San Patrizju.

Barijiet
L-atmosfera li wieħed isib fil-barijiet Irlandiżi hija wħada unika u li ma tinsa qatt. Ngħid għalija lejla f’bar ġewwa Dublin kienet waħda mill-isbaħ serati ta’ ħajti. Verament li kont ma’ kumpanija tajba, imma l-atmosfera li ssib f’dawn il-barijiet hija xi ħaġa li mhux faċli tinsiha. Birra, dejjem bil-qies, mużika, sing along u żfin tradizzjonali. Kulħadd iċapċap idejh u jkanta mal-għanjiet tradizzjonali Irlandiżi.

Minħabba din l-attmosfera infetħu bosta barijiet Irlandiżi madwar id-dinja, anke f’Malta u bħalissa jkunu fl-aqwa tal-attività tagħhom. Bil-fors, qegħdin fi żmien i-festa ta’ San Patrizju.
Waħda mill-għanjiet tradizzjonali li tisma’ żgur f’xi ħanut minn dawn hija dik bl-isem Molly Molone. Din tirrakkonta storja ta’ tifla li matul il-jum kienet tbigħ il-ħut bħalma kienu jagħmlu missierha u ommha. Imma din Molly mietet b’deni qawwi li ħakimha. Wara mewtha il-leġġenda tgħid li kienet toħroġ ir-ruħ tagħha tgħajjat bil-ħut.

Ovvajment din hija biss leġġenda imma l-għanja nistgħu ngħidu li hija l-Innu ta’ Dublin u tista’ tgħid kull bar Irlandiż madwar id-dinja jibda l-ispettaklu tiegħu b’din għanja. Tant hija popolari din l-għanja u t-tifla li titkellem fuqha li f’Dublin insibu monument għaliha, mikxuf mis-sindku tal-post fl-1988, għeluq l-elf sena mit-twaqqif uffiċjali tal-belt ta’ Dublin.

Dublin belt li tiġbdek lejha, u tassew hemm x’ jiġbdek lejha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Marzu 2019



Nessun commento:

Posta un commento