Ftit ġimgħat ilu il-Kurja ta’ Malta ħarġet direttiva biex it-tqarbin jibda
jsir biss fl-idejn u mhux fil-ħalq minħabba motivi ta’ saħħa. Kienu ħafna li ma
laqgħux tajjeb din id-deċiżjoni min-naħa tal-Knisja ta’ Malta. Imma ngħid
għalija l-ordni hija ordni u dak li jkun għandu jobdiha. Żgur li mhux l-aktar
ħaġa faċli tobdi ordni, imma l-ubbiddjenza tagħmel ħieles. Jekk toqgħod taħseb
ftit fuq dan ma ddumx ma tinduna kemm għandi raġun!
Saċerdozju
Sa qabel il-Konċilju Vatikan II lanqas ħadd qatt ma kien għaddielu minn
moħħu li l-Ostja kkonsagrata tista’ tintmiss minn xi id li ma tkunx ta’
saċerdot. Wara dan il-konċilju saru bosta tibdiliet mhux biss fil-lituġija imma
wkoll fil-mentalità. Ma rridx ngħid li kollox sar sew, kien hemm fejn it-tagħlim
tal-Konċilju ġie mifhum ħażin. Fost
oħrajn bdejna nisimgħu bis-saċerdozju ministerjali u s-saċerdozju komuni
tal-fidili. Id-differenza bejn dawn iż-żewġ saċerdozji hija li filwaqt li dak
ministerjali huwa ta’ dak li jkun ikkonsagrat saċerdot minn isqof u jkun jista’
jamministra s-sagramenti wara li jkun ħa l-formazzjoni li titlob il-Knisja,
jiħifieri il-qassis jew il-patri filwaqt li dak komuni jirreferi għas-sejħa li
għandu kull Nisrani, saċerdozju li jiġi mogħti lil kull min jitgħammed. Ħasra
li wara l-konċilju dawn iż-żewġ saċerdozji kien hemm min beda jitħallathom u
jitħawwadhom. Żgur li l-Ewkaristija tista’ ssir biss minn saċerdot istitwit, jiġifieri
minn qassis jew patri. Tal-anqas dwar dan naħseb li kulħadd jaqbel.
Skont id-djoċesi
Niġu issa għall-fatt tat-tqarbin fl-idejn jew fil-fomm. Kull djoċesi tista’
toħroġ ordnijiet dwar b’liema mod għandhom jitqarbnu l-fidili f’dak
it-territorju. Niftakar ftit snin ilu f’Ruma kienet ħarġet ordni li fi Pjazza
San Pietru fil-Vatikan, ħadd ma seta’ jitqarben fl-idejn. Waqt xi quddiesa li
kienet issir hemm, qabel it-tqarbin kien jitħabbar li kulħadd kellu jitqarben
fil-fomm. Din il-ħaġa kienet issir ukoll fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-Vatikan
stess meta kien ikun hemm xi ċelebrazzjoni kbira. Billi f’dan il-post ikun hemm
ħafna nies u mhux kollha Nsara, kien innutat li kien hemm min qed jieħu l-Ostja
miegħu bħala tifkira taż-żjara li jkun għamel fil-Vatikan. Mhux bil-fors li min
jagħmel hekk ikollu xi skop ħażin, imma mhix ħaġa li ssir. Iżda min ma jkunx jaf
li għall-Insara dik l-Ostja ħija l-aktar ħaġa għażiża li teżisti fit-twemmin,
ma tagħtihx tort li joħodha miegħu bħala rikordju. Għalhekk kienet ħarġet
l-ordni biex kulħadd jirċievi l-Ewkaristija fil-fomm.
Issa Malta ħarġet ordni bil-kontra, li kulħadd għandu jitqarben fl-idejn.
Hawn min biex jitqarben joħroġ ilisienu tliet pulzieri ’l barra qisu qed
jgħajjeb lis-saċerdot. Ma hemmx għalfejn! F’każi bħal dawn ikun hemm ir-riskju
li s-swaba tas-saċerdot jolqtu xi ftit l-ilsien ta’ dak li jkun
bil-konsegwenza li warah irid iqarben lil ħaddieħor. Apparti n-nuqqas ta’ iġene,
hemm ukoll ir-riskju li jiġi ttrasferit xi mard minn persuna għal oħra, u
bl-influwenza li kellna din ix-xitwa, kien aktar faċli li din tinxtered. Mela
f’din is-sitwazzjoni partikolari kien għaqli ħafna li d-djoċesi ta’ Malta
ħarġet din id-direttiva.
Nobdi jew le
Kien hawn min qarras wiċċu meta sema’ li ma jistax jitqarben f’ħalqu u kien
hawn min saħansitra ma tqarbinx iżjed. Issa jekk irridu inkunu sinċieri,
l-idejn u l-fomm mhux it-tnejn huma parti mill-ġisem u l-ġisem mhux kollu kemm
hu huwa maħluq minn Alla? Mela għalfejn dawn l-iskrupli żejda? Ġejt quddiem
nies li meta telgħu jitqarbnu ma ħarġux idhom u meta tlabthom jippreżentaw
idhom u mhux ilsienhom qaluli le u telqu lura bla ma tqarbu. Tassew li hemm min
ma jkunx irid imiss l-Ewkarisitja b’idu, imma la hemm ordni x’tagħmel? Tobdiha
jew tinjoraha? Jien ngħid għalija nobdi l-ordni la ġiet mis-superjuri. Aktar
inħossni nonqos jekk ninjora dak li qalulna l-isqfijiet tagħna. Din hija l-pożizzjoni
tiegħi. Kien hemm min qatt ma tqarben f’idejh qabel u għalih kienet xi ħaġa
ġdida. Meta ħarġet din l-ordni jien ħassejt li kelli nfisser il-mod li bih
wieħed għandu jirċievi dan
is-sagrament, għax ħa ngħidha kif inhi, hawn min jieħu s-sagremt qisu qed jieħu
xi gallettina minn id xi ħadd. Sibt min ġie jkellimni u qalli li xi saċerdoti
ma jippermettux tqarbin fl-idejn imma fil-fomm biss u kien hemm min qalli li
anke fejn inqaddes jien hemm min iqarben fil-fomm lil min ma jkunx irid
jitqarben fl-idejn. Jekk hux veru jew le dak li qaluli ma nafx għax jiena
miniex Sherlock Holmes u mhux se noqgħod ninvestiga, imma ladarba hemm ordni
jkun nuqqas jekk dak li jkun jonqos li jsegwiha, kemm jekk ikun saċerdot kif
ukoll jekk ma jkunx.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Marzu 2019
Il qassis jahsel idejh b'devozjoni u bi preparazjoni ghas sakrament.
RispondiEliminaKif jista kulhadd jiehu s-sakrament fl-idejn, kif gieb u lahaq......??!!