venerdì 5 aprile 2019

Taraġ misterjuż


Dan l-aħħar iltqajat ma’ storja li nixtieq naqsamha magħkom. Ngħid id-dritt kont ilni li qrajtha xi mkien ftit snin ilu imma qatt ma dħalt fl-istorja daqs din id-darba. Din hija dwar fatt kurjuż li seħħ fi knisja tas-sorijiet sewwasew ġewwa Santa Fe, New Mexico.

Kappella
L-Isqof ta’ Santa Fe, Jean-Baptiste Lamy, Franċiż li emegra lejn l-Amerika, kien ġab żewġ periti Franċiżi biex jippjantaw il-katidral ta’ San Franġisk. Is-sorijiet tal-Madonna ta’ Loreto sabu x-xoqqa f’moxtha biex jitolbu lil dawn il-periti jippjantaw kappella li xtaqu jibnu. Dan kollu seħħ bejn l-1872 u l-1873.

Il-knisja tas-sorijiet, li ġiet iddedikata lill-Madonna ta’ Loreto, inbniet fuq stil gotiku u tlestiet fl-1878. Meta kien lest il-bini is-sorijiet indunaw li minkejja li l-knisja kien fiha gallarija għall-orgni u l-kor fuq il-bieb prinċipali, madanakollu ma kienx hemm min fejn wieħed jitla’ fiha. U din il-gallarijija hija madwar seba’ metri ’l fuq mill-art! Is-sorijiet kellmu lil bosta mastrudaxxi bit-tama li xi ħadd minnhom isib mezz kif jista’ jagħmel taraġ għal din il-gallarija iżda minħabba ċ-ċokon tal-knisja ħadd ma sab soluzzjoni.

Is-sorijiet minkejja li ma sabux soluzzjoni mill-bnedmin, xorta ma qatgħux qalbhom u daru għall-għajnuna sopranaturali. Għamlu novena lil San Ġużepp, patrun tal-mastrudaxxi. Ma’ tmiem in-novena jingħad li wasal raġel fuq ħmara għand is-sorijiet li kien qed ifittex ix-xogħol. Is-sorijiet qalulu bix-xogħol li kellhom bżonn u r-raġel offra li jibni taraġ tal-injam u jsolvi l-problema li ma solvewx il-periti Franċiżi jew il-mastrudxxi tal-post. Dan ir-raġel ma kellux xi għodda speċjali, munxar, martell u kartabun. Ma kellux lavranti miegħu u beda jaħdem waħdu. Dam tmien xhur biex lesta dan it-taraġ tal-injam forma ta’ garigor. Meta temm il-ħidma tiegħu dan ir-raġel għeb bla ma tħallas ta’ xogħlu u ħadd aktar qatt ma raħ b’għajnejh. Ħadd ma kien jaf min hu, minn fejn hu jew l-iċken tagħrif dwaru.

Taraġ speċjali
Sa hawn ma hawnx wisq biex wieħed jistgħaġeb għax forsi jkun hawn min jaħseb li dan il-mastrudaxxa ried jagħmel opra ta’ karità ma’ dawn is-sorijiet, imma l-parti s-sabiha hija kif inhu mibni dan il-garigor. L-ebda arblu ma hemm fin-nofs tiegħu biex iżomm it-turġien u għalhekk ir-rabta kollha tiegħu hija mal-art. Barra minn hekk it-taraġ huwa kollu minċotti u la fih viti la msiemer u lanqas kolla. Il-periti kollha li rawh ilkoll qablu li dan it-taraġ imur kontra l-liġi tal-gravità għax kif inhu maħdum suppost iċedi bil-piż tiegħu stess. Iżda dan ma seħħx. It-taraġ li ħadem ir-raġel mistejuż ma kienx fih poġġaman u għalhekk dan sar xi snin wara biex ma jkunx ta’ periklu għal dawk li jitiligħu jew jinżlu minnu. Is-sorijiet għamlu aktar minn mitt sena jużaw dan it-taraġ kuljum. Inxterdet ix-xnieha li dak ir-raġel li bena dan il-garigor ma kien ħadd għajr San Ġużepp.

Illum din il-knisja ma għadiex f’idejn is-sorijiet u saret mużew minkejja li għadha sservi għall-funzjonijiet religjużi f’ xi każi partikolari.  Dan it-taraġ mal-knisja kollha llum saru waħda mill-akbar attazzjonijiet turistiċi ma’ dawk li jżuru New Mexico. Madwar nofs miljun ruħ ta’ kull sena jmorru f’din il-knisja biex jaqtgħu l-kurżità u jaraw dan it-taraġ b’għajnejhom.

Fittixt u ma sibtx
Ngħidilkom id-dritt li jien l-Amerika qatt ma mort, allura kif tistgħu tobsru, din il-knisja u dan it-taraġ qatt ma rajthom b’għajnejja. Imma meta kont sejjer pellegrinaġġ l-Italja u kont ser inżur Loreto, kont qed nitkellem ma’ soru u qaltli li ladarba mmur hemm għandi nara dak it-taraġ misteruż. Ftakart li xi darba kont qrajt dwar taraġ li hemm min jaħseb li bnieh San Ġużepp imma ma kontx naf fejn jinsab. Meta kont Loreto ħarist u fittixt kemm flaħt biex nara nsibx dak it-taraġ, imma kif tridni narah jekk dak mhux qiegħed l-Italja imma fi New Mexico? Nista’ ndum inħares u nfittex! Is-soru, li bħali qatt ma marret l-Amerika nassumi li semgħet xi darba din l-istorja ta’ dan it-taraġ ,li tabiħaqq jinsab fil-knisja tal-Madonna ta’ Loreto, u assumiet li qiegħed fl-Italja. Meta kont ġejt lura Malta minn dak il-pellegrinaġġ kont għidtilha lil dik is-soru li mhux kull min ifittex isib u mhux kull min iħares jara għax jiena bqajt ma rajtux it-taraġ li ħadem San Ġużepp! Meta qrajt fejn jinsab dak it-taraġ fhimt sewwa għalejn ma rajtux ġewwa Loreto.

Nerġgħu lura għat-taraġ. Jien mhux qed ngħid li dan it-taraġ sar b’miraklu, inħalli lil min hu kompetenti jaqta’ s-sentenza, imma ma nistgħux ngħidu li ma huwiex xi ħaġa li tqanqal fik kurżità.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' April 2019




Nessun commento:

Posta un commento