Niftakar lill-bużnanna tiegħi meta kien jiġiha xi ħaġa ħażina kienet
twaħħal f’dak li kienet issejjaħlu “Ta’ denbu twil”, kienet tgħid li se
jittanta ta’ denbu twil. Kienet tkun qed tirreferi għax-xitan. Issa minn fejn
ġabitha li x-xitan għandu denbu twil ma nafx, imma hekk kienet tgħid. Naħseb li
bħala keinu jgħid kulħadd għax kulħadd kien jifehm għal min ikun qed jirreferi
dak li jkun meta jgħdi “ta’ denbu twil”.
Tentazzjoni
It-tentazzjoni insibuha f’ħajjitna, insibuha f’kull ma nagħmlu. Biżżejjed
ikollok bżonn tissikka skorfina ma’ vit u ma tkunx tista’, taqa’ l-iskorfina,
tiġborha, imbagħad jaqa’ l-vit u mill-ġdid l-iskoprfina terġa’ ssib ruħha
fl-art. Mill-ewwel tgħid li ser jittanta. Biżżejjed ninsew warajna xi ħaġa importanti
u jkollna ndduru lura għaliha li ma taraniex ngħidu kemm qed jittantana.
Fil-ħajja, hi liema hi, xi darba jew oħra se nsibu x’jittantana.
Imbagħad hemm tentazzjonijiet akbar. Biżżejjed tqum filgħodu u l-mara jew
ir-raġel ma tgħidlekx jew ma jgħidlekx bongu bħas-soltu. Tibda taħseb ħażin u
mbagħad tasal għax-xogħol u xi kollega jsellimlek jew issellimlek b’aktar
ħlewwa u tibni storja ġo moħħok. Ħafna stejjer koroh jibdew sewwasew minn xi
sitwazzjoni simili bħal din li semmejt. It-tentatur f’dawn is-sitwazzjonijiet
jaħdem bis-sahra!
Hemm tip ta’ tentazzjoni oħra, ix-xewqa għall-vendetta. Bniedem jagħmillek
azzjoni ħażina u jkollok it-tentazzjoni tpattihielu. Moħħok imur eluf ta’ mili
bogħod mill-kumplament ta’ ġismek. Tibda taħseb f’vendetta li tkun tixtieq
tagħmel lil dak li jkun wettaq dik l-azzjoni lilek. Din hija sitwazzjoni
mill-aktar normali għaliex aħna l-bnedmin għandna stint li jwieġeb mill-ewwel
għal xi azzjonin li nirċievu, kemm jekk tkun tajba kif ukoll ħażina, jekk
nirċievu azzjoni tajba normalment inwieġbu bi mħabba u jekk azzjoni tkun ħażina
aktarx dan l-istint jjpproponi it-tpattija. Dawn huma kollha tentazzjonijiet.
Aqta’ kemm nidgħi!
Meta jibda jittantana ħaġa żgħira nitilfu l-irġulija u ma nibqgħux nirraġunaw.
Hawn min meta jsib it-tentazzjoni jibda jidgħi. Dan vizzju ta’ bosta Maltin.
Mela darba kont f’raħal, bilqegħda fuq bank fil-pjazza, nitkellem ma’ erba’
anzjani. Waqfet karozza u minnha ħarġet mara. Wieħed mill-anzjani qalilha:
“Neħħiha minn hemm il-karozza!” Hi dlonk
weġbitu li ma kinitx ser iddum, kemm tixtri pakkett sigaretti mill-każin.
L-anzjan kompla jgħidilha li jekk iddur karozza oħra għandha mnejn tidħol fiha
għax billi kien hemm van ipparkjat ħdejha, dak li jkun ġej ma jindunax biha u
jidħol fiha. Hi dlonk wieġbet lix-xiħ: “Ill kemm nidgħi jekk jolqtuni!” Ħarset
lejja għax kienet taf li jien saċerdot biex bħal tara x’reazzjoni se nagħmel.
Jien kalm kalm għidtilha: “Iva sewwa tagħmel, tissewwielek id-daqqa u anke
ż-żebgħa jekk tidgħi!” ma wieġbet xejn, marret tixtri s-sigaretti u telqet bla
kliem u bla sliem.
Ħabib tiegħi kien qed jgħaddi kanna tal-ilma mal-ħajt. F’Awwissu, liebes
qalziet tat-track suit, għarqan xraba. Ix-xogħol beda jittanta. Mort sa ħdejh u
qalli: “Father kieku m’hawnx int taf kemm nidgħi?” jien għdiltu: “Jekk tidgħi
teħel waħidha l-kanna? Jekk iva ħa nitalq il barra u mbagħad ejja qerr!” beda
jidħaq u fehem x’ridt ngħidlu. Kollu ta’ xejn tidgħi meta jittanta, ma ssewwi
xejn.
Fit-triq
Waħda mill-akbar problemi li sar għandna f’pajjiżna hija dik tat-traffiku. Id
f’id ma’ din il-problema hemm dik tal-parkeġġjar. Toroq mimlijin karozzi, kemm
mexjin kif ukoll ipparkjati. Biex il-problema tal-parkeġġar tkompli tikber,
illum kważi kull dar għandha garage magħha u għalhekk minbarra li żdiedu
l-karozzi naqsu l-postijiet fejn dawn jistgħu jipparkjaw. Bosta drabi fit-triq
waqt li nkunu qed insuqu jiġuna bosta tentazzjonijiet. Tenetazzjoni li tikser
il-liġi, tgħaddi minn triq li mhux suppost tgħaddi minnha, taqbes il-karozzi ta’
quddiemek billi ssuq man-naħa l-oħra tat-triq u meta niġu biex nipparkjaw u ma
nsibux fejn tiġina t-tentazzjoni nħallu l-karozza quddiem il-bieb ta’ xi
garage. Ikollna nammettu li s-sitwazzjoni fit-toroq Maltin f’xi ħinijiet qed
tkun waħda ta’ frustrazzjoni. La qed insemmu t-toroq sewwa nsemmu s-sewqan. Bl-ammont
kbir ta’ vetturi fit-toroq tagħna saret ħaġa faċli li jkun hemm xi
kontravenzjoni. Miskin min ikun miexi sew u jeħel bla ħtija. Spiss naraw
sewwieqa jargumentaw. U ħa ngħiduha kif inhi, spiss tiġik it-tentazzoni
tiksirha ma’ xi ħadd waqt li tkun qed issuq. Din tentazzjoni oħra, waħda
mill-ħafna li jiġuna wqt li nkunu fuq l-isteering.
Il-ħajja fiha bosta tentazzjonijiet imma billi wieħed jirrabja jew jidgħi
jew ikollu xi jgħid ma’ xi persuna oħra ma jirranġa xejn. Meta nsibu ruħna f’qagħda
bħal din tajjeb ngħidu kif kienet tgħid il-bużnanna tiegħi: “kemm se jittanta
ta’ denbu twil!” u nippruvaw nikkalmaw.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' April 2019
Nessun commento:
Posta un commento