venerdì 10 maggio 2019

Tberik tal-Għid


Niftakar li meta kont żgħir hekk kif joqrob żmien il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir id-djar kienu jibdew jitlibbsu l-libsa tal-festa. Wara tfarfira tajba u ħasla nobis kienu jitneħħew il-purtieri u t-tapiti hekk imsejħin “ta’ kuljum” u posthom joħduh dawk “tal-festa”. Xi fajjenza li kienet tkun merfugħa min jaf fejn kienet issib ruħha għall-arja tad-dar wara ma nafx kemm-il xahar merfugħa moħbija xi mkien bogħod mill-għajnejn. Billi jiena minn Ħal Qormi u l-festa ta’ San Ġorġ dak iż-żmien kienet tiġi f’Mejju, dan it-tiżjin speċjali kien iservi wkoll għal meta jiġi l-Arċipriet jew xi saċerdot ieħor ibierek id-dar fi żmien l-Għid kif ukoll għall-festa tal-patrun. Hekk kif kienet tgħaddi l-festa kollox kien jerġa’ jintrefa’ biex jerġa’ jintrama fil-festi tal-Milied.

Għalfejn il-bidla?
Illum il-mara taħdem barra mid-dar u ftit li xejn għandha ħin biex toqgħod tibdel il-purtieri, it-tapiti u l-fajjenza tad-dar. Barra minn hekk il-mentalità nbidlet ukoll u dak li jkun sar igawdi dak li għandu s-sena kollha u mhux ftit ġimgħat biss fis-sena. Imma jekk nifhmu sewwa dak li kienu jagħmlu ommijietna u n-nanniet tagħna naraw x’sens ta’ rispett kien hawn lejn il-mistieden fid-dar. Fi żmien l-Għid il-Kbir ma tkunx ħaġa kbira li wieħed ikollu l-mistednin f’daru. L-istess fi żmien il-festa tal-qaddis patrun kif ukoll fil-Milied. Għalhekk kien isir dan it-tibdil. Billi bejn il-festa tal-Għid u l-festa tar-raħal kien ikun hemm it-tberik, id-dar kienet tkun imżejna biex tilqa’ lis-saċerdot ukoll.

Tberik
Imma ejjew issa niffukaw ftit dwar it-tberik hekk imsejjaħ tal-Għid. Nafu li llum f’bosta parroċċi ma għadux isir it-tberik tal-familji hekk kif jgħaddi l-Għid il-Kbir imma jibda qabel. Hawn parroċċi li t-tberik isir bħala home visits matul is-sena kollha, parroċċi oħra jibdew fi żmien ir-Randan u jkomplu fi żmiem il-Għid kif ukoll hawn parroċċi li t-tberik ma jsirx kull sena.

Dan kollu huwa frott in-numru dejjem jonqos ta’ saċerdoti u n-numru dejjem jikber ta’ parruċċani. Hemm fattur ieħor li jwassal li fi żmien il-Għid ma jilħaqx jitlesta t-tberik kollu. Dari s-saċerdot kien joħroġ ibierek filgħodu u filgħaxija iżda llum jekk toħroġ tħabbat il-bibien tad-djar filgħodu aktarx tibqa’ bla ma jiftaħlek ħadd għaliex il-familja tkun ħarġet għax-xogħol u għall-iskola. Din hija realtà li rridu nżommuha f’moħħna. Jekk imbagħad it-tberik isir ejja ħa mmorru, sempliċiment kemm jitraxxax ftit ilma u s-saċerdot jitlaq il barra mod ieħor, imma t-tberik għandu jsir bħala talba. 

Dari t-tberik kien laqgħa tal-familja mas-saċerdot li miegħu kien ikollu lis-sagristan u lil xi abbati bis-satla f’idu. Kien jiġi offrut xorb u ikel lil dawn kollha imma llum mhux hekk, illum differenti, illum is-sagristan bilkemm għadna nsibuh fil-knisja aħseb u ara fit-tberik u l-abbatini wkoll qed jgħosfru. Mill-banda l-oħra nemmen li dan il-mument jista’ jkun ta’ opportunità għall-familja biex tiftaħ qalbha mas-saċerodt  dwar xi problema. Bil-preżenza tas-sagristan jew tal-abbati din il-ħaġa ma ssirx daqstant bil-kumdità, għalhekk naqbel li s-saċerdot għandu jkun waħdu meta jmur ibierek.

Żmien moħli
Niftakar fi ċkuniti qabel ma jasal is-saċerdot biex ibierek kien ikun hemm xi persuna mit-triq li tħabbat il-bieb ta’ dak li jkun biex tavżah li wasal it-tberik. B’hekk kien jitnaqqas il-ħin li s-saċerdot jitlef jistenna wara l-bieb. Ġieli aktar iddum tistenna barra l-bieb milli ddum tbierek id-dar. Imbagħad hemm min jiftaħlek u jgħidlek li ma kienx jaf li kien imiss dik it-triq. U inti tkun ilek tavża fil-knisja u tagħmel avviżi fil-fuljett parrokkjali ma nafx kemm u ssib lil dan il-proxxmu jgħidlek: “taf li lanqas kont naf?” Kieku kull min irid ibierek jistenna lis-saċerdot ġej jitnaqqas ħafna ħin moħli.

Sistema tajba qed isir f’parroċċa partikolari fejn min jixtieq ibierek jimla formola u qabel it-tberik ta’ dik it-triq tintefa’ nota fil-kaxxa tal-ittri bil-ħin bejn wieħed u ieħor ta’ meta jkun ser jasal is-saċerdot biex ibierek. Xorta mhix sistema perfetta imma tal-anqas tnaqqs xi fti mill-ħin moħli li ġieli jsir.
Ġieli ħriġt inbierek jien flimkien ma’ saċerdoti oħra u spiċċajna li minn triq inbierku żewġ jew tliet familji kull wieħed għax l-oħrajn jew ma jkunux id-dar jew inkella ma jkunux Insara Kattoliċi. X’ħela ta’ ħin u x’ħela ta’ risorsi.

Minkejja kollox ma nistgħux ingergru aħna l-Maltin. Hawn pajjiżi Ewropej fejn kien hemm id-drawwa tat-tberik tal-familji fi żmiem il-Għid imma llum dan sar ħaġa tal-imgħoddi. Forsi għad jasal żmien fejn anke f’pajjiżna t-tberik tal-Għid jispiċċa u ma jsirx aktar, imma ejjew ngħixu llum. Ladarba għad għandna dan is-servizz tajjeb li dak li jkun japprezzah.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Meju 2019



Nessun commento:

Posta un commento