Għalina l-Maltin, il-belt ta’ Ruma hija l-għatba għall-bieb tad-dinja.
Minkejja ċ-ċokon u l-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna, jekk wieħed jieħu titjira
ta’ siegħa, isib ruħu fil-kapitali tal-Italja u minn hemm isib it-toroq kollha
miftuħin għad-dinja kollha, għall-kontinenti kollha. Ruma hija belt interessanti
li fiha storja millenarja u minkejja l-qedem tal-istorja tagħha għadha żagħżugħ
fl-ispirtu tagħha daqs kemm kienet elfejn sena ilu.
Caput Mundi
Fl-aqwa żmien tal-Imperu Ruman, Ruma kienet titqies bħala l-Belt Kapitali
tad-dinja. Id-dinja magħrufa ta’ dak iż-żmien kienet kważi kollha f’ idejn
ir-Rumani u t-tmexxija ta’ dawn l-artijiet kollha kienet issir minn din
il-belt. Bil-Latin kienu jsejħulha Caput
Mundi, li sewwasew tfisser ir-ras tad-dinja. U tabilħaqq kien hekk għax
l-Imperu Ruman kien jinfirex fl-Ewropa kollha, sa bejn wieħed u ieħor ix-xmara
Danubju li kienet isservi ta’ fruntiera naturali, fl-Afrika ta’ fuq u l-Lvant
nofsani.
Pajjiżna wkoll kien jagħmel parti mit-territorju ta’ dan l-imperu iżda
l-ilsien Latin qatt ma kien daħal fost missirijietna. Fil-fatt fl-Atti
tal-Appostli insibu l-kelma “Barbari” għall-Maltin. Fit-traduzzjoni Maltija
naqraw “in-nies tal-gżira” imma fl-oriġinal aħna msejħin “Barabri”
għas-sempliċi raġuni li ma konniex nitkellmu l-ilsien uffiċjali tal-imperu li
kien jaħkem fuqna.
Ruma kienet ukoll il-belt tal-qrati. Fil-fatt San Pawl kien fi triqtu lejn
Ruma biex tinstema’ l-kawża tiegħu meta wasal fuq xtut pajjiżna. Il-liġi kienet
toħroġ minn hawnhekk u kienet tiġi esegwita wkoll hawnhekk. Ċittadin Ruman
seta’ jitlob li jidher quddiem qorti f’Ruma, ħaġa li mhux kulħadd seta’
jitlobha.
Kapitali tal-Italja
Illum kulħadd jaf li Ruma hija l-belt Kapitali tar-Repubblika Taljana imma
forsi mhux kulħadd jaf li din mhux minn dejjem kieent il-kapitali Taljana. Sal
1861 l-Italja kienet għadha reġjuni awtonomi minn xulxin. L-għaqda jew kif
insejħulha, l-unifikazzjoni, tal-Italja bdiet dik is-sena imma Ruma ma
ngħaqditx mal-kumplament tar-Renju tal-Italja. Ruma sa dak iż-żmien kienet
tagħmel parti mill-istat Pontifiċju, jiġifieri mill-istat tal-Knisja Kattolika.
L-ewwel belt kapitali tal-Italja kienet Turin. Fl-1865 il-kapitali Taljana
nbiddlet u saret il-Belt ta’ Firenze u baqgħet taqdi dan ir-rwol sal-1871,
sewwasew għaxar snin wara l-bidu tal-unifikazzjoni, meta Ruma kienet għaddiet
f’idejn ir-Renju Taljan.
Fl-20 ta’ Novemru 1870 seħħet dik li hija magħrufa bħala Breccia di Porta Pia, fejn is-suldati
tar-Renju Taljan ħabtu għal Ruma li kienet għadha f’idejn l-Istat Pontifiċju.
B’din il-battalja Ruma għaddiet f’idejn l-Italja u bil-liġi li għaddiet nhar
it-3 ta’ Frar 1871 din il-belt saret il-belt kapitali Taljana, sewwasew kif
kienet ix-xewqa ta’ Garibaldi, Cavour u l-bella
compagnia li ħaddmu għal Italja magħquda fi stat wieħed.
Kapitali tal-Fidi Kristjana
It-twelid tal-fidi Kristjana sar f’parti mill-Imperu Ruman u għalhekk is-segwaċi
ta’ Kristu fittxew li jmexxu lil din il-fidi mill-kapitali tal-Imperu. B’hekk
insibu li San Pietru, li Kristu stess ħalla f’idejh il-Knisja, telaq minn
pajjiżu u mar Ruma għaliex kien jaf li minn hemmhekk seta’ jkollu tmexxija
aħjar għax kien proprju f’nofs id-dinja. Dan il-fatt ta lil Ruma l-isem ta’ “Il-belt
Eterna”.
Sal-lum meta nsemmu Ruma jiġi f’moħħna l-Vatikan, il-Papa u l-knejjes sbieħ
li fiha din il-belt meraviljuża. Illum l-Istat Pontifiċju spiċċa u twaqqaf
l-Istat tal-Vatikan li huwa stat awtonomu, l-iżgħar stat fid-dinja, minn fejn
titmexxa l-Knisja Kattolika. Dan twaqqaf fil-11 ta Frar 1929 bil-patti li saru
bejn il-Knisja Kattolika u r-Renju tal-Italja ġewwa l-Palazz tal-Lateran.
Fil-fatt dan il-ftehim ta’ twaqqif ta’ stat ġdid iġib l-isem ta’ Patti
Lateranensi. Għan-naħa tal-Knisja kien iffirma dan il-ftehim il-Kardinal Pietro
Gasparri u għall-Italja kien iffirma Benito Mussolini. B’dan il-ftehim reġgħet
ġiet stabbilita l-paċi bejn il-Knisja u r-Renju tal-Itlaja, ħaġa li kienet ilha
fi kriżi mill-1870.
Illum Ruma għadha l-post fejn insibu l-mexxej tal-Knisja Kattolika. Kien hemm
żminijiet fejn il-Papa ma kienx joqgħod Ruma imma dejjem intalab jerġa’ jmur
lura għaliex wieħed tajjeb ikun jaf li l-Papa huwa wkoll l-isqof tad-djoċesi
ta’ Ruma u jekk il-Knisja Universali tista’ titmexxa minn Ruma jew Pisa jew
Avignon jew Viterbo jew mill-belt Valletta, id-djoċesi titlob li jkollha
l-isqof tagħha jgħix fiha. Għalhekk il-Papa dejjem mar lura lejn Ruma. B’din
il-ħaġa l-Papa huwa kostrett li jgħix Ruma.
Belt Turistika
Żgur li Ruma mhix nieqsa mit-turisti. Nies minn kull parti tad-dinja jżuru
din il-belt mimlija storja. Min iżurha għall-istorja kbira li fiha, oħrajn
iżuruha għall-arti u l-kultura li tħaddan din il-belt sabiħa. Imma Ruma hija
wkoll attrazzjoni għaż-żgħażagħ. Fiha jsiru bosta kunċerti u attivitajiet
oħrajn li jressqu lejha miljuni. Hija belt ta’ turiżmu reliġjuż għax fiha jsiru
xi wħud mill-akbar manifestazzjonijiet reliġjużi. Hija belt ta’ elf kulur, hija
belt li kulħadd isib xi ħaġa li togħġbu fiha.
Hija fuq kollox belt ġara tagħna.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Mejju 2019
Nessun commento:
Posta un commento