Via Forcella |
Minn żmien għal żmien
inħobb ngħaddilkom xi tagħrif dwar xi belt li tkun laqtitni. Ikunu bosta dawk
li jwaqqfuni u jgħiduli li jieħdu ġost jaqraw dwar dawn l-ibliet u l-kultura
tagħhom. Illum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar il-Belt ta’ Napli, belt
li mhux biss żort imma li għext fiha għal tliet snin, blet li minkejja kollox
sirt inħobb u li għadni nħobbha u meta nsib l-opportunità inżurha.
Żewġ uċuħ
Mergellina |
Napli hija belt li fiha
minn kollox imma fuq kollox fiha żewġ uċuh. F’Napli tista’ tara l-kriminalità
organizzata, it-telqa tal-post, it-tħażżiż biż-żebgħa mal-ħitan, il-ħwejjeġ
minxurin barra minn ħajt għal ħajt donnhom il-pavaljuni li narmaw fil-festi
tagħna, tista’ tara l-faqar. Il-wiċċ l-ieħor ta’ din il-belt huwa għal kollox
differenti, tista’ tara l-lussu, tara l-arti barokka, tara l-kumdità, tara
l-organizzazzjoni fit-toroq. Tiskanta kif fl-istess belt tista’ ssib żewġ
estremi. Jekk tinżel fl-istazzjon ċentrali tal-ferrovija issib ruħek fil-qalba
ta’ din il-belt antika. Żgur li l-ewwel darba tieħu xokk kulturali. Illum
Piazza Garibaldi fejn qed insemmi hija bil-wisq aħjar milli kienet ftit snin
ilu, imma xorta tieħu xokk kif tirfes fiha l-ewwel darba. Ħafna jsemmi s-serq
li hemm. Jien mhux sejjer nghid li din il-ħaġa mhix minnha, imma nista’ ngħid
ukoll li kemm domt ngħix Napli qatt ma sibt la fastidju u lanqas kien hemm min ipprova
jisraqni. Ma nistax ngħid hekk għal xi bliet oħrajn li ma għandhomx il-fama
ħażina li għadha l-belt ta’ Napli.
Jekk trid tara l-wiċċ
l-ieħor ta’ Napli, ħalli ċ-ċentu u mur lejn il-baħar, lejn Mergellina jew
Posillipo. Hawn tara d-differenza li teżisti f’din il-belt. Hawn la tara telqa,
la tara mbarazz, la tara kitba mal-ħitan. Hawn tara lukandi tal-ogħla livell u
vilel u djar ta’ nies għonja. Fost dawk li jgħixu hawn insibu lil Massimo
Ranieri.
L-innu ta’ Napli
Il-kant fuq fomm
in-Naplitan huwa don naturali. Tisma’ l-bejjiegħ donnu jkanta biex jirriklama
dak li għadnu fuq it-tilar. Tisma’ lill-mara ssejjaħ lill-ġara mill-gallarija
ta’ darha b’kadenza twila li aktar tistħajjilha għanja milli għajta. Iva
n-Naplitani donnhom ikantaw u mhux jitkellmu.
Jekk hemm diska li kull
Naplitan jaf bl-amment u jekk hemm kanzunetta li kull meta jiltaqgħu grupp
Naplitani biex jiddevertu jispiċċaw ikantaw hija Soldato Innamorato, jew kif
isejħulha bin-Naplitan 'o surdato 'nnammurato. Nistħajjel din il-kanzunetta
bħala l-innu ta’ din il-belt. Nemmen li f’Napli hemm min ma jafx il-kliem
tal-Innu Nazzjonali Taljan imma ma hemmx pesuna waħda li ma tafx tkanta din
id-diska.
Din hija waħda biss
mill-bosta kanzunetti Napiltani li tant huma popolari mad-dinja kollha, forsi
din l-aktar waħda popolari.
Għal qalb in-Napiltani
Via San Gregorio Armeno |
Hemm bosta ħwejjeġ li
jagħmlu lil din il-belt unika. Hemm bosta ħwejjeġ li minkejja li ssibhom fi
bliet oħra, xorta waħda huma sinonimi ma’ Napli. Ha ngħiduha kif inhi: fejn se
tiekol pizza aħjar minn Napli? Pizza ssib madwar id-dinja kollha, imma mhux
bħal ta’ Napli. Sinonimu wkoll ma’ Napli huwa l-presepju. Il-presepju Naplitan
ma huwiex dak li juri twelid ta’ Ġesù fil-faqar imma huwa presepju lussus
maħdum fuq stil Barokk. Tant hu popolari dan il-presepju li fiċ-ċentru tal-belt
insibu triq mimlija ħwienet li jbiegħu presepji jew aċċessorji għall-presepji.
Din hija Via San Gregorio Armeno u t-triq li twasslek għaliha, Via San Gregorio dei
Librai, fiha wkoll mijiet ta’ ħwienet li ħafna minnhom ibiegħu aċċessorji
tal-presepju.
San Ġennaru huwa l-aktar
qaddis għażiż għall-poplu ta’ dan il-belt. Xhieda tal-imħabba li dan il-poplu
għandu għal dan il-qaddis, li kien isqof ta’ din il-belt, huwa t-teżor li
għandu. Huwa kkalkulat li t-teżor ta’ San Ġennaru fih aktar rikkezzi mill-Crown
Jewels tal-monarkija Brittanika jew mit-tezor tat-Tżar tar-Russja. Huwa
l-qaddis patrun ta’ din il-belt kbira, imma tajjeb ngħidu li dan il-qaddis ma
kienx Napiltan imma minn Benevento. Fil-fatt il-Beneventani huma kburin li
qaddis li għandu daqstant qima twieled f’belthom.
Imbagħad hemm ħaġa oħra
għal qalb in-Napiltani - il-logħob
tal-ballun. Il-futbol iħobbuh daqs kemm iħobbu l-pizza u lil San Ġennaru. U fost
tant players li lagħbu mat-tim tan-Napli, Diego Maradona baqa’ fil-qalb
tan-Naplitani. Fiċ-ċentru ta’ Napli wieħed poġġa niċċa barra l-ħanut tal-kafè
tiegħu. Taħsbux li poġġa lil San Ġennaru jew li xi qaddis popolari ieħor. Xejn
minn dan, fin-niċċa tpoġġa ritratt ta’ Diego Armando Maradona. Lanqas hemm
għalfejn inżid aktar ma dan!
Napli, belt ma’ xatt
il-baħar, belt li darba kienet kapitali ta’ saltna, belt li fiha minn kollox.
Nagħlaq billi naqsam maghkom kliem li qalli ħabib tiegħi, minn Napli, jismu Gennaro.
Dal-ħabib qalli: Jekk issib Naplitan mill-agħar, għid li sibt l-agħar bniedem
fid-dinja, imma jekk issib ħabib minn Napli, għid li sibt ħabib għal għomrok
kollu. U tabilħaqq li huwa hekk, Napli hija belt li tista’ taraha minn elf
lenti, imma taraha minn fejn taraha, taralha xi xorta ta’ ġmiel.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Mejju 2019
Nessun commento:
Posta un commento