Riflessjoni qasir dwar il-festi tagħna
Issa li l-Għid
il-Kbir għadda, fuq il-kalendarju ta’ pajjiżna jibdew jidhru l-festi tal-ibliet
u rħula tagħna. Ma tgħaddix sena li ma niktibx xi ħaġa dwar dan is-suġġett
għaliex tant huwa vast li tikteb kemm tikteb qatt ma tkun għidt kollox.
Il-festi Maltin
minn dejjem kienu għall-qalb dan il-poplu. Il-frattarija u l-istorbju donnhom
jimlewna bil-ferħ lilna l-Maltin. Insomma mhux lilna biss, kull poplu
Mediterrajnu ieħor iħobb xi ftit jew wisq ambjenti kuluriti, xi ftit gegwiġija
u għajat. Kien għalhekk li lil dan l-artiklu tajtu l-isem li tajtu għax
fil-festi tagħna nsibu ruxmata l-ħsejjes bħal dawk tal-banda: zinn zinn u tal-logħob tan-nar: bum
bumm, żewġ kelmiet li nużaw mat-tfal iż-żgħar biex nirreferu għall-festi u dawk
l-elementi importanti li fihom.
Ilbieraħ u llum
Il-festi
parrokkjali tagħna raw tibdil minn żmien għal żmien. Kien hemm min bassar li
dawk kellhom imutu mewta naturali, imma min ħaseb hekk żbalja bil-kbir.
Il-festi minn dejjem kienu jservu bħala avvenimenti soċjali, forsi l-akbar
attività li kienet issir f’raħal, attività li tinvolvi lil
kulħadd, lill-kbir u liż-żgħir, lill-mara u lir-raġel. Ir-rwoli tan-nisa u
l-irġiel fil-festi ma kienux dawk li huma llum. Sa ħamsin jew sittin sena ilu
l-mara lanqas biss kien jgħaddilha minn moħħha li tirfes l-għatba tal-każin
tal-banda aħseb u ara li tkun bandista. Illum mhux talli għandna nisa bandisti
imma għandna saħansitra nisa presidenti ta’ għaqdiet tal-banda. L-emanċipazzjoni
tal-mara fis-soċjetà daħlet ukoll fil-festi tagħna u għenet biex dawn evolvew.
Progress u tibdil rajna
wkoll fl-arti piroteknika. Minkejja li għadna ma wasalniex għal kollox, imma
qed nindunaw li aħjar il-kwalità milli l-kwantità. Illum sirna ngawdu spettakli
piro-mużikali mill-isbaħ. Ngħid b’wiċċi minn quddiem li ċerti spettakli Maltin
jissuperaw xi wħud milli rajt barra minn Malta.
Pika jew kompetizzjoni?
Niftakar lill-bużnanna tiegħi tgħid taqbila dwar
il-festi. Din kienet hekk:
Santa Marija l-Mosta.
Il-Vitorja, in-Naxxar.
Santa Liena Birkirkara
U Tal-Grazzja Ħaż-Żabbar.
Minn din it-taqbila
sempliċi nistgħu naraw kemm inbidel it-taqbil li jsir fil-festi. Illum sirna
nisimgħu taqbiliet li jkun fihom tgħajjir u nsulti lejn xi każin ieħor, lejn xi
raħal ieħor, lejn xi parroċċa oħra, lejn xi qaddis jew qaddisa oħra. Jekk f’xi
oqsma l-festi Matlin għamlu qabża ’l quddiem, f’dan ir-rigward żgur ma nistgħux
ngħidu li morna ’l quddiem jew li kbirna.
Il-festi tagħna saru l-mejda
fejn nikkompetu bejn xulxin. Il-kompetizzjoni ħafna drabi tinbidel f’pika u
huwa hawn fejn immorru ħażin. Il-piki fil-festi kienu minn dejjem biex ngħidu
d-dritt. Nisma’ rakkont dwar il-pika li kien hemm bejn il-Qriema u ż-Żebbuġin.
Ngħidilkom id-dritt ma nafx jekk huwiex minnu jew le imma naħseb li huwa minnu
ghax smajtu kemm Ħal Qormi kif ukoll Ħaż-Żebbuġ. Jingħad li nhar it-23 ta’
April, meta Ħal Qormi kien qed jiċċelebra bil-kbir il-festa tal-patrun tiegħu,
niżlu xi Żebbuġin għall-festa u magħhom ħadu xi għasafar tal-bejt. Meta dawn
daħlu l-knisja jingħad li fetħu l-bieb tal-gagga tal-għasafar u dawn spiċċaw
jittajru fil-knisja. Il-Qriema stennew ftit ġimgħat wara u meta fit-12 ta’
Mejju ż-Żebbuġin kienu mehdijin bil-festa tal-qaddis ta’ Aġira, xi ħadd minn
Ħal Qormi mar kmieni filgħodu Ħaż-Żebbuġ, daħal fil-knisja u tefa’ trab
tal-kulur aħmar fil-fontijiet tal-ilma mbierek. B’hekk kull min daħal jisma’
l-quddies u għamel salib bl-ilma mbierek spiċċa b’tiċpisa ħamra fuq moħħu. Din
hija storja waħda, ġieli smajna bi stejjer agħar minn din li ġrat bejn dawn
iż-żewġt irħula ġirien.
Bdejna bil-ħażin
Din is-sena jkollna
nammettu li l-festi hekk imsejħin “tas-sajf” bdew fuq nota ħażina. Kull min
għandu għal qalbu l-festi, kull min għandu għal qalbu dak kollu li hu Malti,
tnikket bl-aħbar li l-ark ta’ San Pupulju tal-Furjana spiċċa fil-mira ta’ att
vandalu u ntemm għal kollox. X’ ħasra! Anke jekk jerġa’ jsir ark ieħor bħalu,
anke jekk ikun isbaħ, xorta waħda qatt ma jista’ jkun l-ark oriġinali. Dan
l-att jiftaħ għajnejn bosta għaqdiet li għandhom armar tal-festa. Kemm eluf, jekk
mhux miljuni ta’ ewro ta’ armar tal-festa għandna f’pajjiżna! Ħafna mix-xogħol
huwa imprezzabbli għax huwa xogħol antik li sar minn artisti li lum ma għadhomx
magħna. X’patrimonju għandna! X’vetrina ta’ arti u sengħa jkollna fit-toroq
tal-irħula tagħna fil-jiem tal-festa! Personalment ma nafx x’nistgħu nagħmlu
għaliex dan l-armar huwa intiż li jintrama’ barra t-triq u mhux jitpoġġa
f’mużew, u barra t-triq ikun espost għal kollox, għall-elementi tan-natura,
xemx u xita, għal xi inċident, bħal meta xi karozza tolqot xi antarjola jew xi
kolonna u sfortunatament issa indunajna li huwa wkoll espost għall-atti
vandali. Tabilħaqq li dan ma kienx l-ewwel att vandalu li seħħ fuq xi armar
tal-festa, imma huwa l-ewwel wieħed ta’ dan il-livell.
Zinn zinn. Bdejna nisimgħu
in-noti mill-baned tagħna. Bumm bumm. Bdejna naraw u nisimgħu l-murtali. Bdew
il-festi! Dan huwa patrimonju. Dan huwa wirt. Ejjew nibżgħu għalih, ejjew ma
nkissruhx u fuq kollox ejjew ma ninsex għalfejn u għal min niċċelebraw dawn
il-festi. Ejjew il-festi tagħna ma nħalluhomx isiru biss zinn zinn bumm bumm.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Mejju 2019
Nessun commento:
Posta un commento