Fil-jiem tar-Randan fil-knejjes tagħna nibdew naraw bosta statwi li juru xi
xena mill-passjoni tal-Mulej. Tassew li l-għan ewlieni ta’ dawn l-istatwi hija
d-devozzjoni, jiġifieri li dik l-istatwa tressqek biex taħseb fuq dak li
tirrapreżenta, imma jkolli ngħid li minbarra l-ispiritwalità fil-biċċa l-kbira
tal-vari tal-passjoni f’pajjiżna, naraw ukoll l-id artistika u ta’ kapaċità
kbira tal-artist li jkun sawwar dik ix-xbieha.
Artisti kbar
Ġuda - Ħal Qormi |
Pajjiżna minkejja ċ-ċokon tiegħu jista’ jiftaħar li minnu ħarġu artisti ta’
ħila kbira. Kif nistgħu ma nsemmux lil Melchiore Gafà? Minkejja li ħafna minn
ħajtu, għad li kienet qasira ħafna, għaddieha lil hinn minn xtut artna, ħadd ma
jista’ jiċħad li huwa Malti bħalna, imwieled ġewwa l-Birgu għall-ħabta tas-sena
1635. Huwa miet ta’ 32 sena meta waqa’ fuqu ammont kbir ta’ tafal waqt li kien
qed jaħdem ġewwa Ruma. Min jaf kieku għex fit-tul kemm kien ikollna aktar opri
artistiċi tiegħu. U fil-ftit snin li ħadem, għandna kapolavuri kbar minn tiegħu
fil-knejjes ta’ Ruma u f’xi oħrajn f’pajjiżna wkoll. Semmejt li Gafà għaliex
aktarx li kien l-ewwel artist Malti li kiseb fama barra minn artna.
Jekk Gafà fetaħ il-bieb, dan qatt ma ġie mbarrat u sal-lum pajjiżna għadu
jgawdi minn frott artisti lokali li bix-xogħol tagħhom għamlu unur mhux biss
għalihom personali imma għall-pajjiż kollu. Kif nistgħu ma nsemmux skulturi
Maltin bħal Pietru Felici, Saver Laferla, Xandru Farrugia, Salvu Psaila, Salvu
Dimech, Pietru Pawl Azzopardi, Marjanu Gerada, Ċensu Cremona, Karlu Darmanin,
Wistin Camilleri u wliedu Alfred u Michael u wlied uliedu Aaron u Adonai, il-mibki
Renzo Gauci, Pawlu Aquilna, iż-żgħażugħ Manuel Farrugia u oħrajn? Dawn huma
kollha artisti li ħadmu jew għadhom jaħdmu statwi devozzjonali u wkoll artisitċi.
Huma kollha Maltin bħalna u għalhekk tajjeb li nkunu kburin bihom.
Tal-Ġimgħa l-Kbira
Mill-artisti li semmejt hawn fuq hemm minnhom li għandhom xi statwa jew
aktar fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira li joħorġu minn diversi knejjes
tagħna. Biex ngħid kollox hemm minnhom li għandhom xi statwa li turi xena
tal-passjoni imma ma tifformax parti minn xi sett u hemm oħrajn li ma għandhomx
statwi tal-passjoni għalissa, jalla ’l quddiem ikollhom.
Monument - Mosta |
Semmejt lil Gafà u għalhekk tajjeb ngħidu li ta’ dan l-artist għandna mhux
statwa tal-Ġimgħa l-Kbira imma tal-Irxoxt. Dan insibuh fil-knisja tal-Ġiżwiti
fil-Belt Valletta. Kien hemm żmien li l-istatwa tal-Irxoxt tal-parroċċa ta’ San
Ġorġ ta’ Ħal Qormi kienet attribwita lilu minħabba x-xebħ kbir li hemm bejn
iż-żewġ statwi, imma llum bosta jaħsbu li din hija attribuzzjoni żbaljata billi
ma nafux li Ġafà qatt ħadem kartapesta u aktarx li l-irxoxt tal-Qriema inħadem
wara mewt l-iskultur Gafà. Il-Belt Valletta tista’ tiftaħar li għandha numru
ta’ vari fil-purċissjoni tagħha li ħarġu minn idejn l-imgħallem Saver Laferla.
Ħaż-Żebbuġ aktarx li għandu xi statwi ta’ dan l-artist ukoll fil-purċissjoni
tal-Ġimgħa l-Kbira tiegħu. Ħaż-Żebbuġ imbagħad għandu xogħol ta’ Ninu Mifsud,
bħalma huma l-istatwi tal-marbut u l-Ecce Homo, liema statwi ġew miżjudin
persunaġġi magħhom fis-snin tmenin mill-artist Michael Camilleri Cauchi. Ħaż-Żebbuġ
għandu wkoll xogħol ta’ Gilormu Dingli.
Karlu Damanin huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar artist Malti
fil-kartapesta. Fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira dan daħħal xi elementi
ġodda fejn fl-Ort ta’ Bormla għamel żewġ anġli fejn is-soltu dejjem konna naraw
wieħed. L-istess ħaġa irrepetiha fl-Ort ta’ Ħal Qormi. Għall-purċissjoni
tal-Qriema Darmanin ħoloq l-istatwa ta’ Ġuda, xbieha li baqgħet unika f’pajjiżna
għal madwar 50 sena. Il-Qriema għandhom ukoll bosta xogħolijiet tas-snin tmenin
tal-artist Alfred Camilleri Cauchi. Darmanin għandu ħafna mis-sett tal-Mosta.
Fiż-Żejtun insibu xi statwi attriwitu lil Darmanin u hawn insibu wkoll
ix-xogħol ta’ Xandru Farrugia.
Irxoxt - Belt Valletta |
Wistin Camilleri ħadem is-sett tal-vari tradizzjonali għaż-Żebbuġ ta’
Għawdex. Kien sewwasew mitt sena ilu li ħarġet l-ewwel darba l-purċissjoni tal-Ġimgħa
l-Kbira minn din il-knisja. Aktar tard hu ħadem statwi oħrajn għal din
il-purċissjoni kif ukoll irrestawra l-istess statwi li kien ħadem. Ma nistgħux
ma nsemmux il-monument tal-Mosta, kapolavur ta’ dan l-artist Għawdxi.
Statwi tal-Ġimgħa l-Kbira għadhom jinħadmu sal-lum. Tajjeb insemmu li f’Ħal
Luqa insibu xogħol ta’ Renzo Gauci u f’Ħal Għaxaq xogħol ġdid ta’ Alfred
Camillieri Cauchi u ibnu Aaron.
Hawn ma semmejtx kollox u lanqas semmejt lil kull min ħadem xi statwa. Dan
ma għamiltux b’nuqqas ta’ rispett jew stima imma għaliex il-lista hija twila
mmens. Nemmen li jkun jixraq li f’dan iż-żmien nagħtu tislima li tant artisti
Maltin bħalna li tawna dawn l-opri artisitċi u reliġjużi li saru patrimonju ta’
pajjiżna. Dawn l-artisti li semmejt kif ukoll oħrajn tawna frott il-ħila
artistika tagħhom.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiku deher f'In- Nazzjon - 13 ta' April 2019
Nessun commento:
Posta un commento