Il-jum tal-lum, Sibt
il-Għid huwa jum differenti minn jiem oħra għal dawk li jħaddnu t-twemmin
Nisrani. Ninsabu f’jum fejn għadna mnikktin u mħawdin bil-mewt u d-difna ta’
Kristu li seħħet ilbieraħ u fl-istess waqt ninsabu fuq ix-xwiek nistennew
il-qawmien tiegħu. Dan huwa Sibt il-Għid, il-jum fuq l-għatba ta’ Ħadd ir-rebħa
fuq il-mewt.
Imma jekk noqgħodu naħsbu
ftit nindunaw li ma jistax ikollna Ħadd mingħajr il-Ġimgħa, ma jistax ikollha
qawmien mingħajr mewt. Għalhekk is-Salib huwa l-arma tagħna li niftaħru biha
għax minkejja li ġab il-mewt imma kien ukoll il-bidu tar-rebħa fuq il-mewt.
Għalhekk is-Salib huwa s-sinjal tan-Nisrani, għalhekk is-salib huwa s-Sinjal
tas-Sultan.
Vexilla Regis
Nistħajjel li jkun hawn
min jistaqsi xi jfisser il-kliem “ Vexilla Regis” u min jagħmel hekk ikollu
raġun. Dan il-kliem bil-Latin huwa l-isem ta’ innu antik ħafna li jitkanta
fil-jiem li għadna kemm għaddejna. Dan huwa innu twil li l-kliem oriġinali tiegħu
kien kitbu San Veneratu Fortunatu Isqof ta’ Pointiers fi Franza. Bħal ħafna
innijiet reliġjużi oħra, dan l-innu ħa l-isem mill-ewwel kelmiet tiegħu,
fil-fatt l-ewwel vers tal-innu huwa: Vexilla
regis prodeunt. Il-kelma Vexilla nistgħu ngħidu li tfisser standart, dik
il-bandiera li tinġarr minn armata, banda jew xi għaqda oħra biex turi min hi.
Regis hija l-ġenitiv ta’ rex, mela tisser xi ħaġa tas-sultan. Mela vexilla
regis nistgħu ngħidu li hija l-istandard jew il-bandiera tas-sultan. Kull
sultan ikollu bandiera jew standard bl-arma tiegħu. Anke l-president ta’ Malta
għandu l-bandiera tiegħu li hija differenti minn dik ta’ Malta. Kull entità għandha l-arma, l-bandiera jew l-istandart tagħha. L-arma jew
l-istandard ta’ Kristu huwa s-salib, mela dan l-innu jirreferi għas-salib bħala
l-bandiera li jġorr Kristu.
L-innu li qed insemmu kien tkanta l-ewwel
darba nhar id-19 ta’ Novembru tas-sena 569 meta r-relikwa tas-Salib Imqaddes li
l-Imperatur Biżantin Ġustinu II kien bagħat mil-Lvant wara talba ta’ Santa
Radegunda, ittieħdet bl-akbar devozzjoni mill-belt ta’ Tour għall-monasteru
tas-Salib Imqaddes fejn kienet toqgħod din is-soru ġewwa Pointiers fejn San Veneratu Fortunatu kien isqof. Kien proprju
għalhekk li dan l-isqof kiteb dan l-innu tant sabiħ. Matul is-snin bosta
kompożituri famużi kkomponew mużika għal dan l-innu, fosthom Gounod u Liszt.
Dan kien maqlub għall-Malti wkoll u jġib l-isem
Is-Sinjal tas-Sultan u ġie mmużikat mis-Surmast Joseph Abela Scolaro. Min ġieli
sema’ dan l-innu jindaqq fuq il-mużika ta’ Abela Scolaro jgħidlek li huwa
kapolavur.
Illum dan l-innu għadnu postu bħala l-innu
tal-Vespri tal-Ġimgħa Mqaddsa kif ukoll fil-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib li
qabel kienet fit-3 ta’ Mejju u llum saret tkun iċċelebrata fl-14 ta’ Settembru,
dik li bosta jafuha bħala Santu Kruċ, li ma tifsser xejn għajr is-Salib
Imqaddes.
Jagħti
fastidju
Minn żmien għal żmien jinqala’ l-argument
li għandna nneħħu s-sinjal tas-salib minn postijiet pubbliċi biex ma noffendux
lil min ma jemminx fi Kristu. Dan huwa argument bla bażi u bla pedamenti u min
jgħid hekk ma jkunx jaf x’qed jgħid jew is-salib ikun idejjaq lilu stess. Jien
għamilt snin twal naħdem ma’ persuni Musulmani u fl-uffiċċju dejjem kien hemm
kurċifiss. Qatt ħadd mill-kollegi tiegħi ma ħassu offiż jew urtat għax kien
hemm dan is-sinjal tan-Nisrani. Jien mill-banda l-oħra qatt ma ħassejtni offiż
meta kien isir il-ħin u l-kollegi kienu jifirxu fl-art tapit u jibdew jitolbu.
Għalfejn għandi nħossni offiż? Inħossni offiż meta nara bniedem jitlob?
Noffendi ruħi għax bniedem ikollu simboli tal-fidi li jkun iħaddan? Meta kont
l-Indja rajt ħafna statwi ta’ allat tal-Ħindu. Allura kelli nieħu fastidju?
Lanqas xejn, anzi apprezzajt li dawn huma nies li jemmnu u li juru l-fidi
tagħhom permezz ta’ xbihat, bħalma l-Insara juru li jħaddnu t-twemmin li
jħaddnu permezz tal-kurċifiss. Mela ejjew naqtgħuha darba għal dejjem din
il-kantaliena u nifhmuha darba għal dejjem li s-salib mhux veru jagħti fastidju
lil min ma jemminx fih.
Immorru
fl-estrem
Is-salib anke fil-ħajja ta’ min ma jemminx
fi Kristu jidħol b’mod indirett. Fejn żewġ toroq jaqsmu fuq xulxin kulħadd jgħidilhom
: salib it-toroq, cross roads, incrocio jew cruce de carreteras. Qed taraw kif
b’xi mod is-salib daħal kemm fil-Malti, fl-Ingliż, fit-Taljan kif ukoll
fl-Ispanjol ? U nemmen li f’kull lingwa oħra għax il-forma hija ta’ salib
temmen jew ma temminx! Ħaġa oħra li forsi jafuha aktar in-nisa milli aħna l-irġiel.
X’jissejjaħ dak ix-xogħol maħdum bl-idejn qisu rakkmu fuq il-kanvas? Bil-Malti
ma naħsibx li għandna isem imma bl-Ingliż cross stitch jgħidulu u bit-Taljan
punto croce! Nibdlulu ismu wkoll biex ma joffendi li ħadd? Ma mmorux fl-estrem.
Is-sinjal tas-Sultan jirreferi għas-Salib,
dak li llum, Sibt il-Għid qed nistennew li jsir l-istandart ta’ Kristu rebbieħ
fuq il-mewt.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 20 ta' April 2019
Nessun commento:
Posta un commento