Alessandru VI |
Fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra tkellimt dwar il-figura ta’
Ġlormu Savonarola u semmejt lill-Papa Alessandru VI. Illum nixtieq nagħti ħarsa
ħafifa dwar dan il-papa kontroversjali.
Borgia
Rodrigo de Borja jew kif sar magħruf Borgia, kien membru
tal-familja prominenti li ġġib l-istess
kunjom: Borgia. Huwa twieled fl-1 ta’ Jannar tas-sena 1431 f'Xàtiva, belt
fil-provinċja ta’ Valenzja li kienet tagħmel parti mis-Saltna ta’ Aragona.
Illum dan il-post jagħmel parti minn Spanja. Il-ġenituri tiegħu kienu Jofré de Borja y Escrivà u Isabel de Borja. Rodrigo
meta kiber studja l-liġi fl-Università ta' Bologna. Huwa ġie ordnat djaknu u
ġie mlaħħaq kardinal fl-1456 wara li
zijuh, Alfonzu Borja, laħaq kap tal-Knisja Kattolika li ħa l-isem ta’ Papa
Kallistu III. Sena wara Rodrigo sar viċi-kanċillier tal-Kurja Rumana. Huwa
kompla jservi fil-Kurja taħt erba’ papiet li mexxew lill-Knisja wara zijuh.
Dawn kienu: Piju II, Pawlu II, Sistu IV u Innoċenz VIII. Dan kollu jurina li
dan il-bniedem bil-fors kiseb influwenza
kbira fil-qasam ekkleżjali kif ukoll akkwista ġid materjali kbir. Fl-1492,
Rodrigo ġie elett Papa u ħa l-isem ta’ Alessandru VI.
Dan huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar Papiet
Rinaxximentali kontroversjali. Wieħed
mill-akbar fatturi għal dawn il-kontroversji huwa l-fatt illi huwa rrikonoxxa
li kien il-missier ta’ bosta wlied minn nisa differenti. L-ulied li huwa għaraf
kienu Piere Luigi li ommu ma nafux min hi, Juan, jew Giovanni aktarx iben Vannozza
dei Cattanei, Ċesare, Lukrezja u
Goffredu li lkoll kienu wlied Vannozza.
Politika
Irridu niftakru li s-sena li fiha Borgia laħaq papa kienet
l-istess waħda li fiha Krisotofru Colombu niżel fuq il-kontinent il-ġdid
tal-Amerika. Il-Papa Alessandru VI fl-1493 ħareġ bolla papali bl-isem Inter caetera li tikkonferma li
l-artijiet u l-ġid kollu ta’ din id-dinja ġdida huma tal-kuruna ta’ Kastilja,
illum Spanja.
Vannozza dei Cattanei |
Matul it-tieni gwerra Taljana li seħħet bejn l-1499 u l-1504,
Alessandru VI appoġġa lil ibnu Cesare Borgia bħala kaptan għar-Re Franċiż. Fejn
tidħol il-politika barranija, huwa ra kif seta’ jikseb l-iktar pożizzjonijiet vantaġġjużi
għall-familja tiegħu.
Bħala riżultat ta’ dan kollu, il-kunjom Valenzjan
Taljanizzat tiegħu, Borgia, sar bosta drabi jirreferi għal-libertiniżmu u
nepotiżmu, li tradizzjonalment huma kkunsidrati li jikkaratterizzaw
il-pontifikat ta’ dan il-papa. Min-naħa l-oħra, tnejn mis-suċċessuri tiegħu, Sistu
V u Urbanu VIII, jiddeskrivuh bħala wieħed mill-aktar papiet eċċezzjonali. Mhux
hekk jaħsibha Ġlormu Savonarola u lanqas Martinu Luteru li sejjaħ Ruma ta’
żmien il-Papa Alessandru VI bħala Sodoma.
Il-Ġublew
Fis-sena 1500, is-sena tal-Ġublew, Papa Alessandru VI beda d-drawwa li jiftaħ
il-bieb qaddis lejlet il-Milied u jingħalaq f'Jum il-Milied tas-sena ta’ wara.
Wara li kkonsulta maċ-Ċerimonjier tiegħu, Johann Burchard, il-Papa Borgia fetaħ
l-ewwel bieb qaddis fil-Bażilika ta’ San Pietru lejlet il-Milied tas-sena 1499,
u r-rappreżentanti tal-papa fetħu l-bibien fit-tliet bażiliċi papali l-oħra
ġewwa Ruma, San Giovanni Laterano, Santa Maria Maggiore u San Paolo fuori la mura.
Għal dan il-ġublew u għal dan il-ftuh tal-bieb qaddis jew
kif inhu aktar magħruf porta santa,
il-Papa Alessandru ħoloq bieb ġdid fil-portiku ta’ San Pietru u
kkummissjona bieb tal-irħam. Dan il-bieb dam sal-1618, meta ġie mqiegħed bieb
ieħor fil-bażilika l-ġdida.
F’ċerimonja simili għal dik li għadha ssir illum, Alessandru
nġarr fis-sedja gestatoria għal San Pietru. Hu u l-assistenti tiegħu, bix-xemgħat
f’idejhom, imxew sal-bieb qaddis, waqt li l-kor beda jkanta Salm 118. Il-Papa
ħabbat il-bieb tliet darbiet, il-ħaddiema fetħuh minn ġewwa, u mbagħad kulħadd beda
dieħel fil-bażilika tal-Vatikan. Hawn naraw li kien dan il-papa li beda drawwa
li għadna narawha sal-lum f’xi ġublew.
Papa Borgia stabbilixxa rit speċjali għall-għeluq tal-bieb
qaddis. Fil-Festa tal-Epifanija 1501, żewġ kardinali bdew l-għeluq tal-bieb
qaddis b’żewġ ġebliet żgħar, waħda tal-fidda u oħra tad-deheb. Fit-tajn ta’
bejn il-ġebel tpoġġew ukoll xi muniti, ħaġa li għadha ssir fir-rit tal-gublew
tal-lum ukoll.
Mewt u difna
Il-qabar taż-żewġ Papiet Borgia |
Jingħad li ibnu Ċesare kien qed jipprepara għal spedizzjoni oħra f’Awwissu 1503 meta t-tnejn li huma, fis-6 ta
’Awwissu, kienu għaċ-ċena mal-Kardinal Adriano Castellesi. Ftit jiem wara mardu
bid-deni. Jingħad li Ċesare, waqt
iż-żmien li qiegħed fis-sodda, il-ġilda tiegħu titqaxxar u wiċċu sarlu vjola.
Ċesare ħelsiha imma l-missier le. Il-Papa Alessandru VI miet fit-18 ta’ Awwissu
1503, aktarx avvelenat. Dwar l-avvenelament xejn ma hu ċert imma lanqas nistgħu
nekludu din ix-xniegħa l-aktar meta niftakru f’kemm intriċċi politiċi kien
imdaħħal dan il-papa.
Waqt il-funeral tiegħu l-isqof Alexix Caledoni tkellem dwar
id-dispjaċir ta’ dan il-mexxej tal-Knsija min-nuqqasijiet tiegħu. Il-ġudizzju
nħalluh f’idejn min jaf kollox u ma niġġudikawx aħna. Huwa ndifen fil-knisja
ta’ Santa Marija ta’ Monserrat tal-Ispanjoli fil-Belt ta’ Ruma.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' Mejju 2020
Nessun commento:
Posta un commento